VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru, 2026
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
“Plaza Independencia” (Montevideo)
Il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru, 2026
Sur President tar-Repubblika,
distinti awtoritajiet u membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,
Aċċettajt bi pjaċir kbir l-stedina ġentili li saritli biex inżur l-art Urugwajana. Irroddlok ħajr, Sur President, għall-kliem li għadek kif indirizzajtli u għall-attenzjoni li biha lqajtuni. It-tislima tiegħi tmur ukoll lejn kulmin jinsab hawn bħala rappreżentant tal-istituzzjonijiet tar-Repubblika u lejn in-nazzjonijiet akkreditati ma’ dal-pajjiż.
Sa mill-ewwel laqgħa nixtieq insellem lill-Urugwajani kollha, jinsabu fejn jinsabu. Tul dal-jiem se jkolli pjaċir inżur xi postijiet f’din l-art, nersaq qrib l-istorja tagħha u niltaqa’ ma’ rġiel u nisa li, f’kuntesti diversi, jiffurmaw parti mill-ħajja ta’ dal-pajjiż. Fost dawn il-postijiet, Florida tokkkupa post partikolari, għax fi ħdaha tingħata qima lil Nostra Signora dei Trentatrè, Patruna tal-Urugwaj. Fil-bidu taż-żjara tiegħi nixtieq inqiegħed taħt il-protezzjoni tagħha lil dawk kollha li se niltaqa’ magħhom tul iż-żjara. Il-preżenza tagħha takkumpanja paġna deċisiva tal-istorja nazzjonali u għadha sal-lum tiġbor flimkien ġenerazzjonijiet differenti ħafna ta’ Urugwajani.
Din l-istess storja tħaddan fiha episodju ieħor li nixtieq insemmi. Qed niftakar fl-Eżodu tal-Poplu Orjentali tal-1811, magħruf ukoll bħala la Redota. Mhemmx għalfejn nitbiegħedu minn dal-post biex infakkruh, għax fil-pedistall tal-monument lil Artigas, li jinsab fiċ-ċentru ta’ dil-pjazza, hemm freżja tal-bronż li fiha Angelo Zanelli skolpixxa xeni minn dil-mixja. Nixtieq indur ma’ ftit dettalji ta’ dawk il-figuri għax joffru punt tat-tluq konkret biex nagħtu ħarsa lejn l-Urugwaj tal-lum.
Fil-quċċata tal-monument, Artigas jidher waħdu, riekeb fuq żiemel. Aktar ‘l isfel, fir-riljiev ta’ quddiem, jidher imdawwar bin-nies tiegħu, parti minn dik il-folla. Dan id-dettall iġibilna f’moħħna xi kliem li kien qal ftit wara quddiem ir-rappreżentanti orjentali miġburin fil-Kungress ta’ April 1813: “L-awtorità tiegħi – kien qal – tiġi minnkom u tintemm quddiem il-preżenza sovrana tagħkom” (Diskors inawgurali: Arkivju Artigas, vol. XI, dok, 82). F’sentenza waħda għaqqad l-oriġini tal-awtorità u r-responsabbiltà ta’ min iħaddimha: tiġi minn komunità konkreta u twieġeb quddiemha.
Is-sena 2015 kienet l-erbgħin anniversarju ta’ demokrazija kontinwa fl-Urugwaj, li tulhom kien hemm diversi gvernijiet magħżulin miċ-ċittadini. L-awtorità pubblika ssib ir-raġuni tal-eżistenza tagħha fis-servizz li tagħti lill-ġid komuni u hija msejħa biex tħaddmu fil-qasam tal-ordinament ġuridiku, bir-rispett lejn il-libertà u r-responsabbiltà taċ-ċittadini (cfr Konċ. Ekum. Vat. II, Kost. Past. Gaudium et spes, 74). Minn dan jitnissel il-valur tal-kanali li jippermettu l-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, li b’mod ċar ifasslu l-linji tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet u jeleġġu li min jassumi l-kariga li jiggverna (cfr ibid., 75).
Il-ġid komuni jiġbor fih ukoll ir-responsabbiltà li lil min jiġi wara jgħaddilu l-ġid li rċevejna aħna. Kif fakkar il-predeċessur tiegħi, il-Papa Franġisku, «il-kunċett tal-ġid komuni jinkludi wkoll il-ġenerazzjonijiet tal-futur» (Enċ. Laudato si’, 159). Dir-responsabbiltà tissarraf f’deċiżjonijiet li jolqtu l-użu tar-riżorsi naturali u l-għejjun tal-enerġija. Dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-Urugwaj bidel mill-qiegħ il-mod kif jipproduċi l-enerġija li llum hi ġġenerata kważi għal kollox minn sorsi rinnovabbli. Hu riżultat notevoli li ħtieġlu deċiżjonijiet ibsin tul is-snin u s-sehem ta’ diversi setturi tal-pajjiż. Il-pass li ttieħed ġab sfidi ġodda fit-trasport, fil-produzzjoni, fl-użu responsabbli tal-art, tal-ilma u tal-enerġija. L-ippjanar għall-futur ifisser propju t-tmexxija ta’ dan kollu bla ma jisfa kompromess il-ġejjieni.
Il-ħarsa lejn il-ġejjieni testendi wkoll lejn dawk li għada għad jgħammru f’din l-art: għall-kundizzjonijiet li fihom jitwieldu u jikbru u għall-opportunitajiet li jista’ jkollhom tul ħajjithom. L-evoluzzjoni demografika tal-Urugwaj tagħmel dan it-tħassib partikolarment tanġibbli. F’wieħed mill-freġji li hemm fil-monument tidher mara qed tħaddan tarbija. Qed tagħfasha magħha waqt li madwarha għadha għaddejja l-mixja.
Dak il-ġest ta’ protezzjoni jdawrilna ħsiebna lejn il-ħajja li qed tibda iżda wkoll lejn il-ħajja li għadha qed tikber fil-ġuf tal-omm. Min għadu ma twelidx diġà jifforma parti mill-familja umana u mill-futur tal-poplu propju tagħha. Id-dipendenza assoluta tiegħu mill-omm ma tnaqqas xejn mid-dinjità u l-protezzjoni li jistħoqqulu. Bl-inkarnazzjoni tiegħu Ġesù nnifsu ried jiġi fid-dinja bl-istess mod. Li tilqa’ ħajja ġdida jirrikjedi li l-missier jimpenja ruħu u jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu flimkien mal-omm, li l-familja toffri l-appoġġ tagħha, u li jkun hemm kundizzjonijiet soċjali li jippermettu liż-żewġ ġenituri jrabbu u jieħdu ħsieb uliedhom. Il-protezzjoni ta’ min għad irid jitwieled u l-appoġġ ta’ min jilqgħu huma inseparabbli. Il-familja tibqa’ dejjem l-ewwel ambjent li fih tiġi kull persuna u li fih titgħallem tgħix mal-oħrajn. San Ġwanni Pawlu II, li wkoll kellu l-grazzja jżur din l-art, kien esprima dan bi stqarrija li għadha tgħodd bil-qawwa kollha tagħha: “Il-ġejjieni tal-umanità jgħaddi mill-familja!” (Eż. App. postsinodali, Familiaris consortio, 86).
F’post ieħor fil-freġju naraw diversi tfal mexjin maġenb persuni adulti. Huma jiffurmaw parti mill-komunità saħansitra qabel ma jkunu kapaċi jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet tagħha jew jikkontribwixxu permezz tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, dawk li hemm mexjin spalla ma’ spalla mal-adulti, maż-żmien, kellhom jerfgħu huma stess ir-responsabbiltà li jsostnu l-ħajja tal-komunità. Ifisser li l-kura tal-iżgħar membri tinvolvi neċessarjament li jiġi żgurat li dawn jirċievu edukazzjoni xierqa. Id-dar fejn jikbru t-tfal, il-manteniment tagħhom u l-preżenza tal-adutli li jakkumpanjawhom, iwieżnulhom il-passi tagħhon fl-ewwel snin tal-ħajja: l-edukazzjoni ttawwal dan il-kompitu, tiżviluppa l-ħiliet, tifforma s-sens ta’ ġudizzju u tħejjihom biex bil-libertà u r-responsabbiltà jipparteċipaw fil-ħajja tas-soċjetà (cfr Konċ. Ekum. Vat. II, Dikjarazzjoni Gravissimum educationis, 1).
Minbarra dan, l-edukazzjoni li jirċievu għandha toffrilhom l-opportunità konkreta li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, iqiegħdu fis-seħħ dak li jknuu tgħallmu u jiksbu l-awtonomija permezz tal-impenn tagħhom. Hekk, ix-xogħol isir wieħed mill-mezzi li jippermettu lil kull persuna tiżviluppa l-ħiliet tagħha u tagħti kontribut għall-ġid tal-oħrajn. Hu f’waqtu niftakru li “ix-xogħol hu għall-bniedem mhux il-bniedem għax-xogħol” (San Ġwanni Pawlu II, Enċ. Laborem exercens, 6). Dal-kriterju jibqa’ rilevanti għalkollox quddiem il-bidliet mgħaġla fit-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali. L-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji għandu jsaħħaħ il-ħiliet umani, jissimplifika l-inkarigi u joħloq possibbiltajiet ġodda, filwaqt li jiżgura li l-individwu fuq ix-xogħol ma jispiċċax isir sempliċi element sostitwibbli fi ħdan il-proċess tal-produzzjoni.
Fost il-figuri tal-monument insibu wkoll anzjana milwija, miexja b’pass tqil imwieżna minn bastun. Madwar wieħed mill-karrijiet, diversi persuni jersqu lejn xulxin b’dirgħajhom miftuħin; uħud jidħru li aktar moħħhom biex jgħinu lil xuxlin milli biex iħaffu l-pass. Anki dawk li kellhom bżonn l-għajnuna biex jibqgħu mexjin kienu parti minn dak il-poplu. L-appartenenza tagħhom ma kinitx tiddependi minn saħħithom, mill-awtonomija jew il-ħila li jagħtu kontribut. U lanqas illum ma nistgħu nkejlu l-valur tal-persuna minn dak li tista’ tipproduċi, mix-xogħol jew mill-ħila tagħha li tkun awtonoma. “Id-dinjità fundamentali ta’ kull persuna mhix ħaġa li tiksibha jew timmeritaha, lanqas għandha bżonn li tintwera” (Enċ. Magnifica humanitas, 53).
Il-bronż jippreserva wiċċhom u l-ġesti tagħhom, iżda ma jgħidilna xejn dwar dak li kull wieħed minnhom kien iġorr ġo fih waqt li miexi qalb il-folla. Illum ukoll, nistgħu ngħixu mdawrin bin-nies, naqsmu magħhom ix-xogħol, it-toroq, jew saħansitra l-istess djarna, filwaqt li nibqgħu ma nagħrfux il-piżijiet li qed iġorru ġo fihom. Is-solitudni, l-ansjetà u t-telfien tat-tama jistgħu jsiru tant qawwija li l-persuna tieqaf tfittex raġuni għala għandha tkompli tgħix. Quddiem ir-realtà ta’ niket tas-suwiċidju, l-assistenza sanitarja, ir-rabtiet familjari u l-qrubija tal-komunità huma fundamentali. Ħadd m’għandu jispiċċa jħossu mwarrab mill-għeżież tiegħu jew jaħseb li n-nuqqas tiegħu jiswa anqas mill-preżenza tiegħu.
Għamliet oħra ta’ tbatija jidhru kemm fil-ġisem u wkoll fil-kundizzjonijiet tal-ħajja. Il-mard, id-diżabbiltà, l-uġigħ fiżiku, it-telfien tal-awtonomija, il-faqar, in-nuqqas ta’ xogħol jew l-esklużjoni jistgħu jirrendu l-għajnuna ta’ ħaddieħor partikolarment meħtieġa. Reċentement ġarrabt personalment il-limitazzjonijiet li jġib miegħu l-mard u rċevejt ħafna kura li jien partikolarment grat għaliha. Din l-esperjenza tfakkarni f’tant irġiel u nisa li m’għandhomx il-mezzi biex issirilhom djanjożi bikrija jew biex ikollhom il-kura li jeħtieġu. Ir-responsabbiltà li tisfida lis-soċjetà kollha kemm hi, hi l-garanzija li l-għajnuna soċjali tilħaq lil kull persuna, indipendentement mir-riżorsi tagħha. Min isib ruħu f’waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma jfissirx li m’għadux membru sħiħ tas-soċjetà u xejn ma jkun tilef mill-valur ta’ ħajtu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fraġilità tal-persuna, tagħmilha aktar urġenti li jkollha l-assistenza, ir-riżorsi u l-appoġġ li jkollha bżonn.
L-attenzjoni li għandha tingħata lil min qed isofri jinvolvi l-familja umana kollha kemm hi. Għall-Knisja, dan id-dmir isib ġustifikazzjoni fil-mandat ta’ Ġesù Kristu li kkmandana nagħrfu u nservu lil min hu l-aktar fil-bżonn (cfr Mt 25,40). Kif fakkar Benedittu XVI, “il-qies li bih titkejjel l-umanità, essenzjalment hu r-relazzjoni tagħha mas-sofferenza u ma’ min qed isofri” (Enċ. Spe salvi, 38). Għaldaqstant hu dmir ta’ kulħadd jara li kull persuna tgħix bid-dinjità, tirċievi l-kura li teħtieġ u tkun akkumpanjata sat-tmiem naturali ta’ ħajjitha.
Permezz tad-djoċesijiet u l-komunitajiet tagħha flimkien ma’ bosta persuni dedikati għas-servizz tal-oħrajn, il-Knisja tixtieq tikkollabora ma kulmin jirsisti biex itaffi l-uġigħ, meta dan ikun possibbli, u biex twieżen lill-persuna meta l-uġigħ ma jkunx jista’ jiġi eliminat. Għal dan l-impenn komuni, hija tagħti dak li hu ewlieni għaliha: tama li ma tintefiex meta r-riżorsi umani jaslu sat-tarf tal-limitu tagħhom, tama li tfakkar lil dawk li għaddejjin mit-tbatija li ħajjithom tibqa’ dejjem iżżomm it-tifsira u l-valur tagħha, li mhumiex waħedhom, u li, anke fid-dlam, Alla ma jieqafx. iħobbhom.
Fil-folla miexja ma’Artigas kien hemm persuni ta’ kundizzjonijiet differenti ħafna. Fil-riljiev, mara liebsa eleganti tidher miexja wara karru, waqt li oħrajn qed isuqu annimali jew iġorru ħwejjiġhom. Dawn id-differenzi huma wkoll parti mill-istorja tal-Urugwaj, fejn ġenerazzjonijiet ta’ rġiel u nisa ta’ provenjenzi u kundizzjonijiet soċjali diversi għażlu din l-art bħala patrija komuni tagħhom.
Nies li jiffurmaw nazzjon wieħed jistgħu jkunu ġejjin minn sfondi differenti ħafna u mogħnijin b’riżorsi ferm differenti minn xulxin. Għalhekk, il-mod kif tiġi organizzata u mmexxija ekonomija għandu impatt dirett fuq il-kundizzjonijiet tal-għejxien tan-nies u fuq il-ħila tagħhom li jibnu l-futur tagħhom. Il-ħolqien tal-għana, l-investimenti u l-inizjattivi ekonomiċi – kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati – huma meħtieġa għall-iżvilupp tal-pajjiż, imma l-frott tagħhom għandu jissarraf ukoll f’ġid u opportunitajiet li jilħqu lil kulħadd bil-fatti, għaliex “huma persuni konkreti li jgħoddu, kull wieħed u waħda minnhom flimkien mal-familji tagħhom” (Enċ. Magnifica humanitas, 58). Illum, dil-pluralità hi mistqarra fit-twemmin u l-konvinzjonijiet taċ-ċittadini tiegħu. Il-karattru lajk tal-Istat għandu sejħa biex jiggarantixxi li jkun hemm spazju biex kemm min jemmen u kemm min ma jemminx jistgħu jgħixu flimkien fil-libertà u r-rispett reċiproku, għax hemm valuri li huma universali.
Il-konvivenza bejn persuni ta’ oriġini u tradizzjonijiet differenti hi parti mill-istorja tal-Urugwaj. Din in-newtralità ma tfissirx li d-dimensjoni reliġjuża għandha tingħalaq fl-isfera privata. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, ħadd m’għandu jkun imġiegħel jaġixxi kontra dak li jħoss fil-kuxjenza u lanqas ma għandu jkun imġiegħel iġib ruħu b’mod mhux konformi ma’ twemminu, kemm fil-privat kif ukoll pubblikament, individwalment jew f’għaqda ma’ oħrajn, dejjem skont il-limiti (cfr Dikjarazzjoni Dignitatis humanae, 2-3). Permezz ta’ din il-libertà, il-persuni u l-komunitajiet reliġjużi jistgħu jagħtu kontribut għall-ġid komuni, bir-rispett lejn l-awtonomija tal-istituzzjonijiet ċivili.
Ir-rispett u l-konvivenza neċessarji fi ħdan nazzjon għandhom ikunu wkoll ta’ gwida għar-relazzjonijiet ma’ popli oħra. L-istess Kostituzzjoni Urugwajana tistabbilixxi li fit-trattati internazzjonali, ir-Repubblika timpenja ruħha biex il-kontroversji jissolvew permezz ta’ arbitraġġ jew mezzi paċifiċi oħra u tippromwovi integrazzjoni soċjali u ekonomika bejn l-Istati Latinoamerikani (cfr art. 6). Il-fatt illi Montevideo hija wkoll sede tas-Segretarjat tal-Mercosur, jagħti timbru konkret lill-vokazjzoni li jinħolqu spazji ta’ ftehim u koperazzjoni fir-reġjun. Fi żmien meta d-differenzi jistgħu faċilment isiru kunflitti, il-perseveranza lejn ir-rispett tad-dritt u fin-negozjati, flimkien mat-tfittxija bil-paċenzja għal-ftehim, ikun servizz li l-Urugwaj jista’ jkompli joffri lill-pajjiżi konfinanti.
Qabel ma ntemm, nixtieq nerġa’ nsemmi l-mixja li hemm imnaqqxa fiċ-ċentru ta’ dil-pjazza. La Redota għandha post speċjali fil-memorja Urugwajana: tfakkar f’poplu għaddej minn prova li kellu jħalli wara spallejh il-biċċa l-kbira ta’ dak li kellu, li iżda, baqa’ jfittex l-għaqda minkejja l-inċertezza.
Ir-riljievi ta’ dal-monument jinsabu fl-erba’ faċċati tal-pedistall. Minn angolu wieħed nistgħu nilmħu biss parti minn dik il-folla. Biex niskopru lill-oħrajn hemm bżonn nersqu qrib, aħna u nosservaw u nitfgħu ħarsitna fuq il-persunaġġi li jinsabu fil-pannelli. Il-poplu jidher propju fis-sħuħija tiegħu. Minn dik il-folla nistgħu nisiltu ħaġa li għadha tinstab fil-poplu tal-Urugwaj: ir-reponsabbiltà reċiproka li lill-persuni ta’ ġenerazzjonijiet u kundizzjonijiet diversi, tippermettilhom ikomplu jiktbu storja komuni.
Fl-Urugwaj tal-lum ġejt kemm bħala Suċċessur ta’ Pietru kif ukoll bħala ragħaj, bix-xewqa li niltaqa’ mal-Knisja f’mixja f’din l-art u nkun qrib, b’għożża, tal-poplu kollu. Ir-rabtiet bejn is-Santa Sede u l-Urugwaj bdew fl-ewwel snin tal-indipendenza tiegħu. F’dal-kuntest, il-Predeċessur tiegħi il-Papa Girgor XVI, kien ikkonferma lil Padre Dámaso Antonio Larrañaga u ħatru Vigarju Appostoliku tar-Repubblika bil-breve appostiliku tal-14 ta’ Awwissu, 1832. Dak l-att ta’ natura ekkleżjastika kien ġie interpretat bħala rikonxximent impliċitu tal-indipendenza tal-Istat orjentali l-ġdid, li dak iż-żmien kien qed ifittex li jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fost in-nazzjonijiet.
Bi storja ta’ fidi u servizz li tmur lura sekli, il-Knisja tixtieq tkompli toffri lill-poplu Urugwajan dak li hi stess irċeviet – lil Ġesù Kristu u t-tama tal-Evanġelju tiegħu – u tkompli tikkollabora fil-qafas tal-missjoni tagħha ma’dawk kollha li jaħdmu għall-ġid u għad-dinjità ta’ kull persuna.
Jalla dawn il-jiem jippermettulna nsaħħu dak li jgħaqqadna u nġeddu l-fiduċja li biha naffrontaw id-diffikultajiet biex nitħejjew għal dak li qed jistenniena. Alla jbierek lill-Urugwaj u jalla Marija Santissma, li dan il-poplu ilu afdat f’idejha sa mis-segħa ta’ twelidu, tkompli takkumpanjah fil-mixja tal-istorja tiegħu. Grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
