Adorazzjoni – 33 Ħadd ta’ Matul is-Sena A

O Sagrament Imqaddes, O Sagrament Divin, mixħutin hawn quddiemek biex nagħtuk il-qima, t-tifħir u l-glorja tagħna. Ġejna quddiemk, O Ġesù, biex inressqulek il-familji tagħna, imma fuq kollox, nitolbu għal kull membru tal-parroċċa tagħna, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek. Berikna Mulej, u xerred fuqna l-imħabba, t-tjubija, l-ħniena u l-grazzja tiegħek.         (5 sekondi)

Alla hu ġeneruż bid-doni u t-talenti tiegħu. Iqassamhom b’mod differenti, skont il-bżonn ta’ kull wieħed u waħda minna. Jistenna minna li nagħmlu użu tajjeb minnhom u nagħmlu frott tajjeb u qaddis. Ejjew nixħtu ħarsitna fuq Alla tagħna li Hu mħabba, u li l-ġenerożità tiegħu lejna hi bla qies.             (5 sekondi)

U kif ninsabu hawn fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija, nilqgħu lilek O Spirtu ta’ Alla, f’qalbna. Agħtina l-qawwa biex nagħrfu nużaw it-talenti u l-abbilitajiet li Int tajtna b’mod gratwit. 

Silenzju      2min         

Innu: _____________________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                       Mt 25, 14-30

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Silenzju      1min

Lil kull wieħed u kull waħda minna, Alla jagħtina d-doni u t-talenti tiegħu; u Hu jistenna minna li nużawhom u nkattruhom: għall-glorja t’Alla, għall-ġid ta’ ħutna, u anke għall-ġid tagħna stess. Alla ma jiġġudikaniex billi jqabbilna ma’ persuni oħrajn, imma jara l-isforz li kull wieħed minna jagħmel.

Kull talent huwa wkoll responsabbiltà. Kull talent għandu funzjoni soċjali x’jaqdi. Meta naqsmu r-rigali u l-għana tagħna, nibdew naraw u nesperjenzaw is-sbuħija, t-tjubija u l-verità fina nfusna u f’kull persuna. L-Mulej jridna nagħmlu l-affarijiet ż-żgħar b’imħabba kbira.    (3 sekondi)

It-tielet persuna, fil-parabbola li jagħtina Ġesù, jkun ikkastigat, mhux għal dak li għamel, imma għal dak li m’għamilx. Kien pessimist, ma kellux kunfidenza fih innifsu u kien għażżien. Huwa għażel li ma jieħux riskju, huwa għażel li jibqa’ indifferenti.      (3 sekondi)

Ejja f’dan il-ħin neżaminaw lilna nfusna u naraw x’inhuma s-sinjali jew sintomi li qed jimblukkawna milli nużaw id-doni, t-talenti u l-abbilitajiet li l-Mulej żejjinna bihom.

Jien, kif qed nuża t-talenti li Alla tani?

Silenzju      3min

Mulej, kemm nistgħu niżbaljaw u nagħmlu idea ħażina tiegħek, billi nħarsu lejk bl-istess immaġini li ħares lejk it-tielet persuna: bħala Mħallef bla ħniena. U bħal din il-persuna nispiċċaw nagħmlu mill-inqas; kważi kważi ngħixu fil-biża’, fis-sens negattiv tiegħek. Għinna, o Mħabba Infinità, ħalli dejjem inħarsu lejk kif tassew Int: li tħobbna, u li tħenn għalina, li dejjem tagħtina d-doni abbundanti, kapaċitajiet tiegħek biex ngħixu sewwa, biex ħajjitna tkun tweġiba ta’ mħabba lill-Missier li jindukrana, u li jixtieq dejjem il-ġid tagħna.      (3 sekondi)

Int o Sinjur, afdajt lil kull wieħed u waħda minna b’missjoni partikolari fil-ħajja tagħna. Jalla naħdmu biex inwettqu din il-missjoni, anke jekk tidher żgħira u insinifikanti. Nitolbuk O Ġesù, ferra l-barkiet abbundanti ta’ grazzja tiegħek, ħalli dak li nagħmlu jkun għall-akbar glorja Tiegħek, għall-ġid ta’ ħutna, u li nkunu strument tal-miġja tas-Saltna Tiegħek fuq din l-art.    

Silenzju      2min                   Innu: ______________________

Talbiet tal-Komunità

Alla qiegħed lill-bnedmin fid-dinja biex qalb waħda bejniethom jaħdmu għall-glorja tiegħu. Nitolbuh b’ħerqa kbira u nressqu t-talbiet tagħna:

Nitolbuk Mulej, għall-Papa, l-isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u katekisti biex ipoġġu t-talenti tagħhom totalment għas-servizz tal-Mulej, biex imexxu u jiggwidaw lill-poplu fdat f’idejhom. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, biex timla bil-kuraġġ lill-mexxejja politiċi, sabiex ma jibżgħux jagħmlu għażliet skont ir-rieda tiegħek. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għal dawk ħutna li għaddejjin minn xi tip ta’ faqar: tas-solitudni, tad-dipendenza minn xi sustanza, jew minn xi fizzju. Għinna Mulej biex qatt ma nwarrbu l-ħarsa tagħna minn dawn ħutna li tant għandhom bżonna. Nitolbu.

Nitolbu għall-paċi fid-dinja. Mulej dawwal l-imħuħ, u iftaħ il-qlub tal-mexxejja f’konflitt, ħa jersqu lejn id-djalogu sinċier, li jwassal għal tmiem darba għal dejjem tal-gwerer u l-kunflitti qerrieda. Nitolbu.

Ejjew nitolbu għal xulxin, biex inkunu nistgħu nużaw ir-riżorsi u t-talenti tagħna: l-intelliġenza tagħna, l-ħin tagħna, d-doni li Alla tana, għas-servizz ta’ ħutna fil-bżonn. Nitolbu.

F’dan il-ħin inressqu t-talbiet tagħna.

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?