Omm u ras tal-knejjes kollha. Omelija mill-Isqof Joseph Galea Curmi.

It-Tnejn, 9 ta’ Novembru 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi fil-Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi

“Dar missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” (Ġw 2:16)  Dan hu li jgħid Ġesù f’din il-ġrajja li baqgħet tissemma meta daħal fit-tempju, sab lil dawk li kienu qegħdin ibigħu barrin, ngħaġ u ħamiem, kif ukoll dawk li kienu qed isarrfu l-flus, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju. Dan l-Evanġelju naqrawh proprju llum meta qed nagħmlu l-festa tad-dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran, li hi festa importanti għaliex il-knisja tal-Lateran hija l-knisja katidrali tad-djoċesi ta’ Ruma, jiġifieri fejn l-Isqof ta’ Ruma, li hu l-Papa, għandu l-katedra tiegħu. U hija l-iktar knisja antika mill-knejjes kbar li hemm f’Ruma. Fil-fatt, id-dedikazzjoni tagħha saret fis-sena 324 mill-Papa Silvestru I. Fil-bidu kienet iddedikata lis-Salvatur, imbagħad maż-żmien żdiedet ukoll id-dedikazzjoni lil San Ġwann Battista u San Ġwann Evanġelista. Din il-festa tfakkarna f’din il-knisja fejn il-Papa għandu l-katedra tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma, u għalhekk barra l-knisja hemm skrizzjoni li tgħid li dik il-knisja hija “l-Omm u r-Ras tal-knejjes kollha tal-belt (jiġifieri tal-belt ta’ Ruma) u tad-dinja kollha”.

Hija festa li għandha tfakkarna – għalhekk anke l-Evanġelju tal-lum u r-rabta ma’ din il-festa – fl-importanza tal-knisja. Ħa nitkellem l-ewwel fuq il-knisja bħala bini. Kull knisja hija knisja fejn hemm il-preżenza ta’ Alla, u mibnija biex tagħti qima lil Alla. U għalhekk l-Evanġelju tal-lum ifakkarna kemm hu importanti li l-knisja tkun il-post fejn aħna nagħtu qima lil Alla, fejn immorru biex niltaqgħu miegħu, biex nirċievu l-imħabba tiegħu l-ewwel, il-kelma tiegħu li tant iġġib paċi u serħan fil-ħajja tagħna; biex inkellmuh, inkunu fi djalogu miegħu permezz tat-talb; biex niċċelebraw flimkien bħala komunità, speċjalment iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija li tgħaqqadna tassew bħala Knisja waħda. Hawnhekk, fl-Evanġelju, naraw lil Ġesù jippurifika t-tempju minn dak li kien qed ifixkel lin-nies milli jagħrfu tassew li dak kien post ta’ qima lil Alla. Mhux post tan-negozju, mhux post anke ta’ affarijiet oħra li tista’ tagħmel.

Għalhekk l-ewwel messaġġ importanti hu biex aħna napprezzaw il-knisja, kull knisja li għandna anke f’pajjiżna, bħala l-post ta’ qima lil Alla u naħdmu biex dan il-post ikun ippurifikat minn dak li jfixkel din il-qima lil Alla. Il-knisja mhix sempliċiment sala. Kultant ikun hemm min qisu jinsa dan, u jgħid: min jaf kieku nagħmlu kunċert? Mhux qed ngħid kunċert ta’ innijiet reliġjużi u sagri. Le, ikun hemm min irid jagħmel kunċert b’innijiet oħra. Imma dan hu post ta’ qima lil Alla, u importanti li nżommuh hekk u nippurifikawh minn dak li jfixkel. L-istess, jekk tmur il-knisja m’intix sejjer fejn il-baħar, mhux hekk? M’intix sejjer xi post fejn sempliċiment tirrilassa; għalhekk, il-mod kif iġġib ruħek, anke fl-ilbies, għandu jkun ta’ dinjità, li jaqbel mal-post ta’ qima lil Alla. Għalhekk nippurifikawh minn dak kollu li jista’ jfixkel dil-qima lil Alla.

Imma dil-festa tfakkarna wkoll, u kull knisja tfakkarna, li aħna lkoll niffurmaw il-Knisja li hija l-poplu ta’ Alla. Kif qal San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin: “intom il-bini ta’ Alla” (1 Kor 3:9). Għalhekk dak li jgħodd għall-bini, jgħodd ukoll għalina: li aħna naħdmu biex fil-Knisja jkollna dik il-purifikazzjoni minn Alla, li jneħħi dak li huwa ta’ tfixkil, dak li huwa ħażin, dak li jfixkel lin-nies milli jaslu għand Alla – dak li huwa frott tad-dnub. Il-Mulej jippurifika l-Knisja tiegħu li hi aħna, il-familja tiegħu.

Tfakkarna wkoll, naturalment, f’kull wieħed u waħda minna, għaliex aħna niffurmaw il-Knisja. Importanti li aħna naraw lil ħajjitna. Aħna, bil-magħmudija, sirna tempju ta’ Alla. Importanti li dan it-tempju nżommuh tassew jogħġob lil Alla. Għalhekk, anke fil-ħajja tagħna personali, kull wieħed u waħda minna – li nagħrfu kif ngħixu tassew din is-sejħa li għamlilna biex inkun tempju li jogħġob lil Alla, fejn il-preżenza ta’ Alla tagħmel differenza kbira f’ħajjitna.

Nitolbu, aħna u niċċelebraw illum din il-festa tad-dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran biex kull meta niftakru f’din il-knisja, niftakru fil-valur ta’ kull knisja bħala post ta’ qima lil Alla; imma wkoll tas-sejħa li għandna aħna, bħala Knisja, il-familja ta’ Alla; u kull wieħed u waħda minna, li nagħrfu ngħixu tassew b’mod li nkunu tempju fejn Alla jista’ jgħammar fina.

✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?