VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru 2026
QUDDIESA
GĦAT-TQADDIS TAL-POPLU ARĠENTIN
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Spjanata tal-Iskola tal-Avjazzjoni Militari (Córdoba)
It-Tlieta 10 ta’ Novembru 2026
Omelija tal-Papa
Għeżież ħuti,
L-istqarrija ta’ Pietru, li matul l-istorja tidwi fis-suċċessuri tiegħu, turina l-misteru ta’ Alla, irrivelat fi Kristu għas-salvazzjoni tagħna. Huwa messaġġ salvifiku li jibqa’ dejjem attwali, u li hu mwieżen mill-interċessjoni ta’ tant ħutna fil-fidi li jseħbuna mis-Sema. Mhux ta’ b’xejn l-art li llum qed tilqagħna kienet għanja bi frott ta’ qdusija. L-eżempju ta’ dawk li ġew qabilna f’din il-mixja jissokta jisfidana, jistedinna ngħixu bħalma għexu huma: billi noffru ħajjitna, proprju bħalma Kristu għamel għalina u bħalma huma għarfu jixbhu sal-perfezzjoni.
Il-belt ta’ Córdoba, werrieta naturali tal-ewwel Sede episkopali mwaqqfa fl-Arġentina, kienet art tal-qaddisin. Mill-kunventi u l-knejjes tagħha, it-toroq u l-isptarijiet tagħha, għaddew irġiel u nisa li, innamrati ma’ Ġesù, taw ħajjithom għall-Vanġelu. Fl-Arġentina għexu persuni – bħall-Cura Brochero u Mama Antula, biex insemmi biss żewġ eżempji – imsejħin mill-Mulej u mibgħuta f’missjoni, imqar mingħajr, forsi, ma ntebħu għalkollox bl-importanza straordinarja tal-opra ta’ evanġelizzazzjoni tagħhom. U fil-verità aħna l-Insara lkoll aħna sempliċi qaddejja, ma għandniex għax nagħmlu aktar ħlief inwettqu d-dmir tagħna (ara Lq 17:10).
Għalhekk, hu impenn hieni dak li nwettqu l-missjoni li l-Mulej jafda lil kull wieħed u waħda minna. Iva, għeżież ħuti, ilkoll aħna msejħin għall-qdusija. Il-ħidma tagħna fuq l-art tikkonsisti proprju f’dan: li nilħqu l-għaqda perfetta ma’ Alla. Barra minn hekk, din is-sejħa hi dejjem ta’ natura missjunarja: titlob minna li nuru lill-oħrajn il-ġmiel li aħna stess iltqajna miegħu fi Kristu (contemplata aliis tradere). Bħala Nsara, aħna għandna ngħallmu “skont id-duttrina sħiħa” (Tit 2:1). Dwar dan, nixtieq anki nfakkar fl-eżortazzjoni ta’ San Ljun il-Kbir, li llum qed niċċelebraw it-tifkira liturġika tiegħu u li nafda ruħi fil-ħarsien tiegħu: “Agħraf, o Nisrani, il-kobor tiegħek; int, li sseħibt ma’ Alla fin-natura tiegħu, la terġax taqa’ fil-post baxx ta’ dari b’ħajja mhix xierqa. Ftakar ta’ liema ras u ġisem int membru. Żomm f’moħħok li inti nqtajt minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet u għaddejt fid-dawl u s-saltna ta’ Alla” (Diskors I għall-Milied, 3).
Ma hemmx mod aħjar kif ngħallmu milli nagħtu eżempju b’ħajjitna, għax “id-dinja tistenna minna impenn ta’ ħajja u xhieda ta’ talb” (San Ġwanni Pawlu II, Omelija tal-Quddiesa għall-Persuni Kkonsagrati u l-Operaturi pastorali, Stadju “Vélez Sarsfield” ta’ Buenos Aires, 10 ta’ April 1987, 8). Dan jitlob li nitwaħħdu b’mod sħiħ u li ma jiġġarrafx ma’ Ġesù Kristu. Din hi x-xhieda tal-qaddisin, u hi xi ħaġa li tippermettilna li ngħixu bit-tama, imqar qalb id-diffikultajiet.
Illum, minn Córdoba – ċentru ġeografiku tal-pajjiż – nixtiequ rroddu ħajr lil Alla għall-frott kotran ta’ qdusija ta’ persuni li hu stess bagħat f’din l-art Arġentina, xi wħud twieldu fiha, oħrajn qattgħu parti kbira minn ħajjithomn hawn. Proprju bħalma l-muntanji Cordobani jintgħarfu għall-ġmiel u l-varjetà armonjuża tal-forom u l-isfumaturi tal-ilwien tagħhom, hekk ukoll il-Qaddisin u l-Beati ta’ hawn jingħarfu mid-diversi kariżmi u missjonijiet li rċivew. Joffru rappreżentazzjoni polifonika tas-sejħa universali, li għandu kull imgħammed, għall-qdusija, jew aħjar għat-twaħħid ma’ Kristu. Fl-uċuħ ta’ dawn il-qaddisin ta’ lemħa Arġentina nagħrfu għaqda staordinarja bejn il-passjoni għall-Vanġelu u l-impenn li nibnu Nazzjon b’għeruqu fil-fraternità u fis-solidarjetà. Kull wieħed u waħda minnhom għaraf jilqa’ l-isfidi tal-epoka storika tiegħu, u jibdilhom f’okkażjonijiet ta’ xandir tal-Bxara t-Tajba; mhux b’mod astratt, imma billi għaġnu l-eżistenza tagħhom sa ma saru xhieda kredibbli u effikaċi tal-imħabba tal-Mulej.
Qabelxejn, niftakru bi gratitudni f’San José Gabriel del Rosario Brochero. Dan is-saċerdot kien veru namrat tal-Mulej, li għaraf isib fit-talb il-qawwa tal-ħajja tiegħu. L-Eżerċizzi Spiritwali ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola bidlulu ħajtu għal dejjem, għaġnuh fix-xbieha ta’ Kristu u wettqu fih dak li tlabna fis-Salm Responsorjali: “Afda fil-Mulej u agħmel it-tajjeb” (Salm 37:3). Huwa biss min għaraf il-ħbiberija ta’ Ġesù Kristu li jista’ jwettaq ħidma appostolika bħal din; huwa biss min jaf li hu maħbub mill-Mulej li jista’ jkompli jkabbar is-saltna tiegħu ta’ karità u ta’ ġustizzja, u jagħti saħħtu kollha fix-xandir tal-Vanġelu, mingħajr ebda armi oħra ħlief il-kurċifiss u r-Rużarju Mqaddes.
Daqstant ieħor imsaħħra mill-ispiritwalità Injazjana, María Antonia de Paz y Figueroa għarfet torbot ma’ xulxin il-kontemplazzjoni u l-għajnuna lill-proxxmu. Hi għarfet li l-akbar att ta’ karità lejn l-ieħor hi li tqarrbu lejn Alla. Kif fakkar il-predeċessur meqjum tiegħi Franġisku, il-foqra għandhom bżonn ta’ Alla u ta’ persuni li jesprimu b’ħajjithom il-qawwa tal-imħabba Nisranija (ara Messaġġ għat-III Jum Dinji tal-Foqra, 13 ta’ Ġunju 2019, 8). Imqanqla minn din l-istess tnebbiħa, Mama Antula terrqet bla heda f’dawn l-artijiet, biex turi lil ħafna t-triq tal-Ġenna. Fil-fatt, il-prinċipju gwida tagħha kien li mmorru hemm fejn Alla kien għadu mhux magħruf biex nagħmluh magħruf.
Żewġ qaddisin, żewġ eżempji, żewġ modi kif jidentifikaw ma’ Kristu, minnu stess imqanqla f’din l-art, li minnha llum qed noffrulhom il-ġieħ tagħna.
Flimkien magħhom, irroddu ħajr lil Alla wkoll għall-martri li stqarru l-fidi tagħhom sal-għoti ta’ ħajjithom, bħal San Héctor Valdivielso Sáez u l-Beati martirizzati fil-gwerra ċivili Spanjola u fil-provinċji Arġentini ta’ La Rioja e Salta.
Irroddu ħajr lil Alla għad-doni li bihom hu żejjen lill-Knisja, u qanqal Ragħajja skont il-qalb tiegħu, bħall-Beatu Fra Mamerto Esquiú u l-Kardinal Eduardo Pironio.
Nesprimu rikonoxxenza partikulari għall-Ħajja kkonsagrata: għall-fundaturi ta’ Kongregazzjonijiet, bħal Santa Nazaria Ignacia u l-Beati María del Tránsito Cabanillas u Catalina de María Rodríguez; u għal tant reliġjużi nisa oħra li, bi mħabba mkebbsa, taw ħajjithom għall-edukazzjoni tat-tfal u għall-kura tal-morda, bħall-Beati María Ludovica de Angelis u Crescencia Pérez.
Il-Poplu fidil ta’ Alla jifraħ imbagħad għal dawk il-lajċi li laqgħu t-tħabbira tal-Vanġelu u għexu b’mod sħiħ il-vokazzjoni tal-Magħmudija tagħhom, billi ħabbew lil Alla u lill-proxxmu fis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum, bħalma kienu San Artémides Zatti u l-Beati Ceferino Namuncurá u Laura Vicuña.
Għeżież ħuti, dawn il-Qaddisin u Beati kollha diġà wettqu l-missjoni tagħhom fuq l-art. Illum imiss lilna li nimxu fuq il-passi tagħhom tal-qdusija li ħallewlna b’wirt. Qed niċċelebraw din il-Quddiesa għat-tqaddis tal-Poplu Arġentin, għat-tqaddis tagħkom kollha. Iftħu l-qlub tagħkom u, bil-grazzja ta’ Alla, imxu u kunu qaddisin (ara 1 Tess 4:3), fl-iskola u fil-pjazez, fil-familja u mal-ħbieb, fil-kampanja u fil-belt, fl-għelieqi u fl-uffiċċji. Morru u wasslu l-Vanġelu!
F’din iċ-ċelebrazzjoni, għandna sseħibna x-xbieha ta’ Kristu fqir: opra li l-istess Cura Brochero kkummissjoni mis-sodda tal-mard u li l-wiċċ tiegħu jiġbor, b’valur artistiku kbir, il-veri karatteristiċi ta’ dan il-poplu. Inħallu l-ħarsa tiegħu tisfidana; għad-dell tas-salib tiegħu nsibu s-salvazzjoni u l-ħajja, u l-mixja għat-tqaddis tagħna. Nitlob lill-Mulej, għall-interċessjoni ta’ San Ljun il-Kbir, biex jissokta jberikna u jagħtina l-grazzja li nistqarru dejjem: “Int il-Messija, bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16).
________________________
Tislima tal-Papa mill-gallarija tal-Arċiveskovat ta’ Córdoba
Tajjeb ħafna, insellem lil kulħadd!
F’dan il-jum ta’ festa rrodd ħajr lil Alla għad-don tal-fidi, għad-don li nistgħu naqsmuh b’dan il-mod. Ara kemm ħarġu fit-toroq!
Grazzi li lqajtuni, grazzi ta’ din it-tislima; imma fuq kollox nirringrazzjaw lil Alla għad-don tal-ħajja, għad-don ta’ dan l-entużjażmu, għal dak taż-żgħażagħ! Fejn huma ż-żgħażagħ?
Għad-don li nistgħu nħossuna magħqudin. Magħqudin ilkoll, dejjem konvinti li aħna magħqudin. Meta nkunu magħqudin, kollox nistgħu nagħmlu. Alla hu qrib tagħkom u se jkun dejjem preżenti.
Komplu għixu l-fidi tagħkom! Alla jbierek lil Cordoba kollha!
U l-barka ta’ Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, tinżel fuqkom ilkoll. Grazzi ħafna! U viva Kristu!
