Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi!
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għall-għarrieda u jsibkom reqdin.
U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.
Mk 13:33-37.
2. Riflessjoni/talba:
i. F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt.
Jekk ħajti bla skop
ma hemmx għalfejn nishar!
Jekk issa biss jeżisti
m’hemmx bżonn ftuħ għal dak li ġej.
Imma jekk ġej min iħobbni
jekk ħajti għandha valur li jibqa’
Nagħmel mezz li nkun attent!
Irrifletti:
- Għal xhiex l-aktar li toqgħod attent?
ii. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
Nista’ ngħix imħasseb
Dwar il-futur li jista’ jkun agħar
Jew b’ansjetà ta’ kif nista’ nimpressjona
U niġri minn ħaġa għall-oħra.
U nista’ ngħix b’fiduċja ta’ Dak li fdani
inwettaq dak li fdani bih
b’ferħ, b’umiltà, għaliH.
Irrifletti
- Kif tgħix ir-responsabbiltajiet tiegħek?
iii. Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għall-għarrieda u jsibkom reqdin.
U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!.
Kull ħin jista’ jkun il-mument kruċjali
Fejn tiltaqa’ mal-imħabba ta’ Dak li jafdak.
Sib ħin biex tisthar
Biex titlob
Biex issikket l-elf leħen
Li jipprova jiddettalek ħajtek.
Ishar, iskot, stenna, itlob
sakemm tisma’ l-unika leħen
tal-maħbub,
ta’ dak li jsalva.
Irrifletti
- Ieqaf fil-presenza t’Alla: “Ejja”.
3. Missierna