Il-fidi mhix kontra r-raġuni, ir-raġuni teħtieġ il-fidi. Omelija mill- Arċisqof Charles J. Scicluna

L-Erbgħa, 25 ta’ Novembru 2026: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa liturġika ta’ Santa Katerina Verġni u Martri. Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, Verġni u Martri, Żejtun.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma u minn fejn ġejjin? Inti taf sinjur,” għidtlu jien. Imbagħad qalli, “Dawk huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron t’Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu” (Apok 7:13–15).

Katerina ta’ Lixandra hija waħda minnhom. Waħda minn dawn il-qaddejja tal-Mulej minn kull poplu u lsien weqfin quddiem it-tron, quddiem il-ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod bil-friegħi tal-palm f’idejhom, li jgħollu leħinhom u jgħidu: “is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf” (Apok 7:10).

Katerina ta’ Lixandra hija waħda minnhom li fl-eternità tkanta t-trijonf tal-ħniena t’Alla. Hi tfaħħar lill-għarus tagħha, lill-ħaruf – Ġesù ta’ Nażaret, li ħaddanha u għarrasha miegħu, xhud ommu l-għażiża. Imma hi kontinwament fl-eternità ma’ sħabha lebsin ilbies abjad bil-palm tar-rebħa f’idejhom tagħraf li s-salvazzjoni ġejja minn Alla u mill-ħaruf. Hi bħal l-oħrajn li ħammru l-ibgħad partijiet tad-dinja bid-demm tagħhom bħala xhieda, tal-fedeltà lejn il-Mulej Ġesù, jagħrfu li lbieshom nħaslu fid-demm tal-Mulej.

Il-ħasil, is-safa li  ġej mill-ħniena t’Alla fil-festa tal-lum, festa antikissima, daqskemm hija antika d-devozzjoni lejn Katarina, tieħu sinifikat tassew profond għax isem din ix-xebba irżina minn Alexandria, il-belt li waqqaf Alessandru l-Kbir fuq ix-xatt tal-Mediterran fl-Eġittu tal-lum, din ix-xbejba rżina isimha jixhed il-ħasil tat-tisfija li jagħtina l-Mulej, għaliex isimha jfisser ‘kollha ndafa, kollha safa, kollha sbuħija’, Katerina l-imsoffija, il-maħsula, is-safja. Issafiet fil-misteru tal-magħmudija bħalma ssaffejna u tgħammidna aħna. Meta ħadnet il-fidi f’Alla l-Imħabba l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Issafiet bid-demm tal-Mulej kull darba li tqarbnet bil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù li mhuwiex il-premju tat-tajbin imma mediċina u farmaku għalina d-dgħajfin fit-triq tal-ħajja. L-Ewkaristija mhux ta’ b’xejn hija viaticum -il-ħobż tal-pellegrin tat-triq. Issafiet u għexet il-vokazzjoni ta’ isimha sabiħ, kull darba ħalliet lill-Mulej isaffi s-sensi tagħha. Isaffi l-ħarsa t’għajnejha biex f’kull wieħed minn ħutha tara lill-Mulej : “Kull m’għamiltu mal-iżgħar min dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25: 31-46). Saffilha widnejha biex ma tisma’ qatt id-deni ta’ din id-dinja ħlief il-Kelma Tiegħu li tagħti faraġ u dawl. Saffilha fommha biex bil-kliem mirqum tagħha mhux biss tagħti risposta lil min ifittex il-għaliex tal-fidi tagħna, imma wkoll turi  li l-fidi mhijiex kontra r-raġuni u r-raġuni għandha bżonn il-fidi. 

Il-Mulej saffa s-sensi tagħha biex tħoss Miegħu għal kull bniedem u imtliet bl-għerf tal-kurċifiss – il-għerf veru li jagħti d-dawl għaliex il-Mulej huwa l-verità. Huwa t-triq, huwa l-ħajja. Katerina ssaffiet kull darba li meta kienet ippersegwitata afdat fil-Mulej kif smajna mill-ewwel qari ta’ Bin Sirak, “qawwi qalbek għamel il-ħila biex ma titħawwadx fi żmien il-għawġ. Intrabat miegħu u la titlaqx biex tkun imkabbar fl-aħħar  tiegħek” (Bin Sirak 2:2-3).  Hekk kienet Katerina. Afdat fil-mument tal-għawġ fil-Mulej Ġesù li miegħu kienet marbuta b’għerusija safja, profonda, qaddisa. Il-verġinità tagħha ma kinitx biss fiżika imma fuq kollox spiritwali. Kienet totalment ta’ Ġesù u għażilha biex tixhed għalih mhux biss fil-ħajja bl-intelliġenza akuta tagħha, tiddjaloga u targumenta mal-għorrief ta’ żmienha imma wkoll bit-tixrid ta’ demmha. “Intrabat miegħu la titlaqx biex tkun imkabbar fl-aħħar tiegħu” (Bin Sirak 2:3)  Kull ma jiġrilek ilqgħu sew fil-mard, u sew fil-għaks. Sabbar ruħek għax bin-nar id-deheb jissaffa. Katerina qalbha tad-deheb, għax ħalliet il-Mulej isaffila qalbha bin-nar tal-ħniena tiegħu.  Ġesù istess jgħid, “Nar ġejt inpoġġi fid-dinja u kemm nixtieq li dan jaqbad” (Luqa 12:49). Imma jgħid ukoll li  hemm magħmudija oħra. Irrid nitgħammed biha” (Lq 49:50-51) – il-magħmudija tas-salib, il-magħmudija tad-dulur, il-magħmudija tal-persekuzzjoni. Katerina għażilha wkoll biex tgħaddi wkoll minn din il-magħmudija u għalina ngħatat bħala eżempju, għax Katerina ta’ Lixandra mhijiex biss parti mill-patrimonju tagħna tal-Mediterran, tal-knisja u tal-orjent tal-punent imma hija persunaġġ attwali anke llum.

Fid-djalogi tagħha mal-filosofi ta’ żmienha u li Lixandra kienet għajn ta’ għerf; ta’ dibattiti, depożitorju tal-għerf taż-żmien. Hija għarfet li l-fidi għandha bżonn ir-raġuni biex ma ssirx superstizzjoni. Tajjeb nieqfu fuq din il-ħaġa li għażlet Katerina fiż-żgħożija tagħha u li minnha ħadet għerf profond. Il-fidi għandha bżonn ir-raġuni biex ma ssirx superstizzjoni.  Hawn uħud minna li jemmnu f’Ġesù u mbagħad imorru għand xi saħħara jew tnejn biex taqralhom ix-xorti. Il-fidi għandha bżonn ir-raġuni biex ma ssirx superstizzjoni. Imma r-raġuni għandha bżonn il-fidi biex tiskopri l-veru destin tal-umanità għax ir-raġuni twassal lill-bniedem sa punt, ’lil hemm għandna bżonn lil Alla li jiggwidana. Hemm tidħol il-fiduċja tagħna fih. Ir-raġuni mingħajr Alla tikkundanana għal solitudni kbira.

Katerina qatt ma kienet waħeda, anke fl-agħar turmenti, anki meta kellha tiffaċċja l-krudeltà tat-tiranni ta’ din id-dinja. Ma kinitx waħeda. Il-mewt tagħha għall-bnedmin setgħet kienet qisha disfatta – ir-rebħa tax-xitan imma x-xitan qatt ma għandu l-aħħar kelma. L-aħħar kelma hi  l-ħniena t’Alla. Jekk aħna llum, xahar qabel il-Milied fil-25 ta’ Novembru niltaqgħu hawn biex insellmu t-tifkira ta’ Katerina ta’ Lixandra verġni u martri, qegħdin hawn għax nemmnu li l-aħħar kelma fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna u tal-umanità hija l-ħniena t’Alla.

Is-sena li għaddiet kelli l-grazzja li mmur fuq is-Sinai u nżur il-monasteru ta’ Santa Katerina. Min għad għandu s-saħħa nissuġġerilu jagħmel dal-vjaġġ. Mhux faċli imma l-esperjenza li tidħol fil-knisja Biżantina u li tara mill-bogħod il-post fejn għadu miżmum sal-lum b’devozzjoni  kbira mill-Ortodossi il-fdalijiet ta’ Santa Katarina. huwa mument importanti u sabiħ. Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ Sant Katerina din iż-żagħżugħa verġni u martiri biex tħares ħarsa ta’ ħniena lejn il-Mediterran, lejn l-Ewropa, lejn Malta.

Hi li ġejja mill-Eġittu tgħallimna li meta nħarsu u nqimu lill-qaddisin tagħna qegħdin nifhmu kemm hi kbira l-Kattoliċità tal-knisja, l-universalità tal-fidi tagħna li ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn min hu mill-Eġittu bħal Katerina jew minn Lidda, mit-Turkija tal-lum bħal San Ġorġ jew minn Narbona bħal San Bastjan. Qisu ftit il-qaddisin antiki martri li aħna nivveneraw, u ifhmu minn fejn ġejjin. Anke San Pawl Missierna kieku llum kien ikollu passaport Tork. Min jista’ jifhem ħa jifhem! Imma llum inħarsu lejn Katerina din l-Eġizzjana qaddisa kbira ta’ Lixandra, u aħna li nqimuha nħossuna parti mill-familja kbira li ma tagħmel l-ebda distinzjoni ħlief bejn dawk li huma ta’ Ġesù u dawk li huma kontra.

Katerina nitolbok tidħol għalina biex il-Mulej isaffina fil-magħmudija, jibqa’ jsaffina fis-sagrament tal-qrar, fis-sagrament qaddis tal-Ewkaristija, u fl-imħabba lejn  il-proxxmu kollu.

Viva Santa Katerina!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?