…ommu toħroġ għad-dawl it-teżori tiegħu
Michael Caruana
Il-ktieb “Is-Sigriet ta’ Ibni – Għaliex Carlo Acutis hu meqjus qaddis”, ta’ Antonia Salzano Acutis u Paolo Rodari, reġa’ ġie stampat u jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca, il-Marsa. Dan il-ktieb jistedinna niskopru l-ħajja u l-fidi ta’ Carlo Acutis permezz tal-ħarsa ta’ ommu. Hu stedina biex nirriflettu fuq il-qdusija fil-ħajja ta’ kuljum u nersqu lejn Ġesù b’qalb sinċiera, filwaqt li nagħmlu mill-imħabba u mis-servizz lill-oħrajn parti mill-mixja spiritwali tagħna lkoll.
Fid-daħla tagħha għall-ktieb, Antonia Salzano Acutis tgħid li ħafna jistaqsuha liema hu s-sigriet moħbi fil-figura ta’ binha Carlo li fi ftit snin irnexxielu jikseb il-ħbiberija u l-għożża ta’ għadd kbir ta’ persuni li jitolbu l-interċessjoni tiegħu. Għaliex id-dinja kollha titlob lil sempliċi tfajjel li miet ta’ 15-il sena? Għaliex il-Knisja ddikjaratu qaddis, tistaqsi ommu.
Hi tissokta li ħafna ppruvaw jirrakkuntaw dwar Carlo, imma mhix ħaġa sempliċi li bniedem jirnexxilu jifhem l-individwalità ta’ bniedem ieħor jekk qabel ma jkunx daħal f’relazzjoni diretta miegħu. “Jekk hu minnu li ‘l-essenzjal hu inviżibbli għall-għajnejn u lanqas il-qalb ma tarah ċar’, bħala omm Carlo ppruvajt nikteb ktieb ħiereġ mill-qalbi biex lill-bosta devoti tiegħu ngħinhom isiru jafuh u jħobbuh.
Sens reliġjuż mill-aktar qawwi mit-twelid mexxa lil Carlo biex jinfetaħ għall-oħrajn, partikolarment għal dawk tal-aħħar, għall-foqra u d-dgħajfin. Carlo għex dejjem b’ħarstu fuq Alla. Kien jgħid li ‘konverżjoni hi process ta’ tnaqqis, inqas jien biex nagħmel wisgħa għal Alla’,” issostni Antonia Salzano Acutis. Ġesù kien iċ-ċentru ta’ ħajtu.
“Dawn huma teżori li se nipprova noħroġ għad-dawl, it-teżori ta’ Carlo, is-sigriet tiegħu”, itemm tikteb ommu.
Il-ktieb qed jinbiegħ 12-il euro.
