LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 4 ta’ Novembru 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes. 9. Il-promozzjoni tal-paċi (GS, 77-93)
Katekeżi tal-Papa
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Il-meditazzjoni tagħna tkompli llum fuq il-kapitlu V tal-Gaudium et spes (GS), iddedikat lill-promozzjoni tal-paċi. Il-Padri konċiljari qabelxejn jammiraw il-proġett ta’ Alla għall-umanità, jiġifieri “li fi Kristu Ġesù hija msejħa biex issir familja ta’ wlied Alla” (GS, 92). Bħala tali, f’isem il-Mulej aħna msejħin inkunu aħwa, u nibnu dinja fis-sliem. Din il-perspettiva, mimlija tama, għandha l-għan li tħaddan mhux biss lill-umanità, imma anki l-ħolqien kollu, skont dak li tissuġġerixxi l-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin.
Fil-fatt, permezz ta’ Kristu u fid-dawl tiegħu, “Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (Kol 1:20). Il-paċi li twarrad mis-salib ta’ Kristu hi offruta bħala frott ta’ fidwa lill-bnedmin kollha u lill-ħolqien kollu: din il-paċi hija kemm don ta’ grazzja, li nilqgħuh, kemm impenn ta’ libertà, li ngħixuh skont il-beatitudni mxandra minn Ġesù: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9).
It-tagħlim tal-Gaudium et spes mhu xejn inġenwu: konxji mid-dnub tal-bniedem, aħna nafu li “l-paċi qatt mhi bħal ħaġa miksuba għal dejjem imma għandha tinbena l-ħin kollu” (GS, 78). Għalhekk ma hemmx wisa’ għar-rassenjazzjoni, hekk li l-vjolenza għandha ssir ħaġa inevitabbli. Anzi, il-karatteristiċi tal-gwerer moderni jwasslu lill-Padri konċiljari biex jaġġornaw id-duttrina ekkleżjali dwar dan: dawk l-attroċitajiet, jgħidu, “jobbligawna li nħarsu lejn il-gwerra b’mentalità għalkollox ġdida” (GS, 80).
Dan huwa “obbligu”, imwieżen mill-Ispirtu s-Santu, biex id-dixxipli ta’ Kristu llum josservaw l-istorja fid-dawl tal-Vanġelu. Jekk inġeddu aħna wkoll din l-attenzjoni, naraw kif “ir-rivoluzzjoni diġitali qed timmodifika l-grammatika tal-kunflitti. Mal-gwerra li tidher, qed jiżdiedu xejriet imħallta: attakki ċibernetiċi, manipulazzjoni tal-informazzjoni, kampanji ta’ influwenza, awtomazzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. […] Dak li jinħoloq għad-difiża malajr jista’ jinbidel f’offiża, u l-konfini bejn protezzjoni u aggressjoni donnhom qed jisfumaw fix-xejn” (Magnifica humanitas, 183). Il-kunflitti, li llum qed jidhru dejjem aktar diżumani u qerrieda, ikattru l-mibegħda u l-inġustizzji bejn il-popli, barra li jħarbtu l-ħolqien u l-ġmiel tiegħu.
Ħadd ma jista’ jinjora kemm tbatija qed tifni rġiel u nisa ta’ kull età. L-appell solenni tal-Konċilju biex imħuħ u qlub iduru lura lejn Kristu, Sultan tas-sliem, jistieden lill-bnedmin kollha biex ifarrku l-ktajjen ideoloġiċi u ekonomiċi li jagħmlu lill-bniedem ilsir tal-gwerra. Dwar dan, jeħtieġ intennu bil-qawwa li “l-ġirja għall-armamenti hija pjaga mill-aktar gravi tal-umanità u tagħmel ħsara lill-fqar b’mod intollerabbli. Hu ta’ min tassew jibża’ illi jekk din il-ġirja tibqa’ sejra għad tasal biex tagħmel straġi tal-mewt li tagħha diġà qiegħda tħejji l-mezzi” (GS, 81). Dan il-kliem profetiku tal-Konċilju llum jidwi bħala twissija iktar u iktar urġenti: huwa, anzi, l-għajta stess li titla’ quddiem is-setgħanin tal-art minn qalb it-tbatija tal-popli, tat-tfal maqtula u mbiċċra, tal-familji meqruda.
Il-Konċilju Vatikan II jitlob mill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li jħejju l-epoka li fiha “kull gwerra tkun ipprojbita” (GS, 82). B’dan, mhux iċaħħad bl-ebda mod “lill-gvernijiet il-jedd tad-difiża leġittima” (GS, 79), imma għal dan il-għan qed ifakkar fil-bżonn ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, li kapaċi jintervienu b’mod effikaċi biex jistabbilixxu mill-ġdid il-ġustizzja li ġiet midruba, u jaġixxu b’difiża għal min hu maħqur. Għalhekk, il-Konċilju jinvoka d-disponibbiltà li nippromovu istituzzjonijiet għas-servizz tal-paċi, nibnu flimkien ordni politiku u ekonomiku dinji msejjes fuq il-koperazzjoni, fuq id-djalogu, fuq il-qsim flimkien tar-riżorsi kulturali u materjali tan-Nazzjonijiet, għas-servizz ta’ żvilupp uman integrali.
Quddiem dawn id-dmirijiet, l-Insara huma msejħa jkunu melħ tal-art u dawl tad-dinja. Waqt li nafdaw dejjem fil-grazzja ta’ Alla, ma għandniex nibżgħu naħdmu fuq quddiem fil-bini tal-paċi u fil-ħarsien tad-dinjità umana, kemm permezz tat-talb kontinwu, kemm b’għażliet koerenti soċjali u politiċi. It-tħabbira tal-Vanġelu tgħaddi mill-edukazzjoni tal-kuxjenzi, il-konverżjoni tal-qlub u l-ħajja sagramentali, waqt li nżommu dejjem bħala prinċipju lil Kristu, li hu s-sliem tagħna.
Għeżież ħuti, nitolbu bil-fiduċja lil Alla l-qawwa li ndawlu l-ħajja tagħna u lid-dinja bix-xhieda tal-Vanġelu, li hu kelma ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ salvazzjoni għall-popli kollha. L-Ispirtu ta’ Kristu jqanqal dejjem esperjenzi ta’ fraternità u ta’ paċi, irawwam is-sinċerità tad-djalogu bejn il-persuni u l-popli. Fuq kollox fiż-żmien tat-tbatija, ma negħjew qatt infittxu u naqsmu dak tal-paċi vera, li fl-istess waqt hu don ta’ Alla u frott ta’ impenn uman bla heda.
Il-Verġni Marija, Sultana tal-paċi, twieżen bl-interċessjoni qawwija tagħha kull sforz għall-ġid, illum u dejjem.
