Kant: Jiena nadurak bil-Qima (2 strofi)
Il-Verb t’Alla niżel fostna
u sar bniedem, għammar magħna
bla ma ħalla lil Missieru,
ħa sseħħ bih il-fidwa tagħna.
Missierna, Sliema, Glorja
F’dik il-lejla lid-dixxiplu
kien se jtih f’idejn l-għedewwa,
huwa ngħata lid-dixxipli
fil-ħobż ħaj li fih kull ħlewwa.
Missierna, Sliema, Glorja
F’żewġ xbiehat għeżież ħallielna
Ġismu w Demmu, l-Ikla tiegħu,
biex ġo fina jiżra’ l-ħajja
li għad ngħixu flimkien miegħu.
Missierna, Sliema, Glorja
Twieled, u sar wieħed minna;
għex, u fl-ikla baqa’ magħna;
miet, u ħallas prezz il-fidwa;
issa jsaltan, jippremjana.
Missierna, Sliema, Glorja
Vittma mqaddsa, li salvajtna,
li ftaħtilna l-bieb tal-ġenna,
biegħed minna l-ħbit tal-għadu,
qawwi l-qalb li bik tithenna.
Missierna, Sliema, Glorja
‘L Alla wieħed, tlett Persuni,
nagħtu ġieħ u nfaħħru u nbierku;
Hu jagħtina li fil-glorjata’ bla tmiem flimkien nixxierku.
Missierna, Sliema, Glorja
Silenzju/ soft background music 3 min
Innu________________
Ilejla, Ġesù qiegħed jagħmlilna stedina: biex nibqgħu miegħu; biex inkunu viċin tiegħu. Kien f’dan il-lejl, meta l-Mulej mar fil-Ġnien tal-Ġetsemani, u ħa miegħu lid-dixxipli tiegħu, b’mod speċjali lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, li kienu l-aktar tlieta viċin tiegħu, u talabhom: “Ishru miegħi, ibqgħu miegħi, itolbu miegħi, biex ma tidħlux fit-tiġrib”. (5 sek pawsa)
Illejla, aħna lkoll inġbarna hawn, biex noqgħodu ma’ Ġesù u nitolbu miegħu, ħalli ma nidħlux fit-tiġrib, ħalli ma nitfixklux. Ġesù, kien jaf x’ġej għalih: kienet ġejja t-tbatija, ġejja l-passjoni, ġej il-biża’, ġej l-abbandun. Ġesù kien jaf, li dawk li kienu tant qrib miegħu, kienu se jaħarbu, se jibżgħu; kien jaf li minn fosthom kien hemm dak li kellu jiċħdu, u anke dak li kellu jittradih. (3 sek pawsa)
Ġesù, jaf il-ħajja tagħna, jaf kemm aħna dgħajfin, u faċli niżbaljaw; faċli li aħna wkoll nitraduh; faċli li niċħduh. Għalhekk ejjew nilqgħu l-istedina tiegħu, biex noqgħodu miegħu, nishru u nitolbu.
Silenzju 1 minuta
Id-dixxipli qabadhom in-ngħas, u mar tlett darbiet fuqhom Ġesù jgħidilhom: “Ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi?” Irqadt Pietru, int li tgħid tiġi miegħi kullimkien, int li tgħid li tagħti ħajtek għalija? (5 sek pawsa)
Ejja ma norqdux, mhux l-irqad tan-ngħas, imma ejja ma norqdux l-irqad tal-indifferenza; ma norqdux l-irqad li nkunu l-ħin kollu mimlijin, għandna x’nagħmlu, m’għandniex ħin għal Ġesù. Ejjew nistrieħu f’Ġesù. L-Imgħallem tagħna stess jgħidilna: “Fejn tnejn jew tlieta jkun f’ismi, jiena nkun f’mofshom”. U Ġesù qiegħed magħna, għax miġburin f’ismu.
Silenzju 3 min
Glorja lilek nagħtu, o Ġesù, għal dan is-sagrament tal-għaqda, li llum qed issejħilna biex noqgħodu miegħek, u nikbru fi ħbiberija dejjiema, u fl-intimità Divina tiegħek. Inti turina, li “Alla hu mħabba”, għal dak kollu li Int, u dak kollu li għamilt. Int, o Sinjur, tajtna dan is-sagrament tal-imħabba. (10 sek pawsa)
X’mument ta’ intimità kien, meta fl-Aħħar Ikla li kellek mal-aktar għeżież tiegħek, l-Appostlu Ġwanni, serraħ rasu fuq il-Qalb Imqaddsa tiegħek. Kien mument ta’ mħabba tant profondà, li l-ħlewwa tiegħek imlietlu ruħu. (3 sek pawsa)
F’din is-siegħa qaddisa, li jien ġejt noqgħod hawn miegħek, nitolbok o Ġesù, biex tiġġbidni lejk, bħalma għamilt lil Ġwanni, lejn il-Qalb Ħanina tiegħek, biex fl-imħabba tiegħek insib il-mistrieħ, u nibqa’ fit-tenerezza tiegħek.
Silenzju 3min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann Ġw 17,1-6.9.15. 18-21
Wara li qal dan, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema u qal: “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu. Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt. Jien igglorifikajt lilek fuq l-art billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel. U issa, Missier, igglorifika lili għandek, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja.
Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek, u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek. Jiena għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, imma għal dawk li inti tajtni, għaliex huma tiegħek.
Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja. U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità. M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
“Waslet is-siegħa!” Hekk itenni Ġesù dakinhar tal-Aħħar Ċena, waqt li kien miġbur mad-dixxipli tiegħu. Is-siegħa ta’ Ġesù, kienet is-siegħa tal-mewt tiegħu. Hu għal din is-siegħa li huwa kien sar bniedem, sabiex iwettaq ir-rieda tal-Missier sal-aħħar, anke jekk għamel dan b’waqtiet ta’ biża’ meta talab lill-Missieru sabiex iwarrab minnu dan il-kalċi. Imma Ġesù ma jieqafx hemm, huwa jkompli t-talba: “Mhux li rrid jien, iżda li trid Int”. (5 sek pawsa)
Mulej, fil-mumenti ibsin tal-ħajja, fil-mumenti ta’ qtigħ il-qalb, ta’ tbatija, ta’ mard, għinna biex ma nitfixklux. Agħtina l-grazzja tiegħek, li bħalek aħna nintelqu f’idejn ir-rieda ta’ Alla għalina; biex verament ikollna l-paċi tal-qalb. (3 sek pawsa)
Missier, f’idejk nintelaq jiena, agħmel minni dak li trid Inti.
Silenzju biss 3 min
Inroddulek ħajr, o Ġesù għax f’dak il-lejl inti ftakart fina wkoll, u tlabt għalina li emminna bis-saħħa tal-Kelma tiegħek li twasslet lilna minn ġenerazzjoni ta’ Nsara għal oħra, u permezz ta’ dawk li għażilthom biex ikomplu l-ħidma tal-appostli.
B’dieqa, ikollna nitolbuk ukoll tfejjaq il-feriti tal-firdiet ta’ bejnietna li nistqarru ismek, sabiex, permezz tal-għaqda tal-imħabba bejnietna, id-dinja temmen fik, il-Mibgħut tal-Missier. (3 sek pawsa)
Mulej Ġesù, insebbħuk għax bqajt magħna bħala ikel Ewkaristiku. Fl-Ewkaristija, aħna nistgħu ngħaqqdu l-offerta tagħna ma’ tiegħek u, f’isimna lkoll, fi djalogu mal-Missier, is-saċerdot jitlob sabiex il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tiegħek, u magħhom l-offerta tax-xejn tagħna tinbidel f’salvazzjoni. (5 sek pawsa)
Mulej Ġesù, kemm insibuha iebsa biex nibqgħu fid-dinja mingħajr ma nkunu tad-dinja! Kemm insibuha iktar faċli li ninġarru mal-kurrent; għinna nżommu ħarsitna ’l fuq u saqajna mal-art! Kultant inħossu l-ħażen jiblagħna minn barra u jnawwarna minn ġewwa. Imma aħna għandna fiduċja fit-talba dejjiema tiegħek għalina, li għalkemm ma teħlisniex mit-tiġrib jew ma twarrabniex mid-dinja, Int se tħarisna mill-Ħażin, sabiex ma nintilfux minn ħdanek.
Silenzju 3 min
Kant: ________________
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann Ġw 13:34-35 15:9-13
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.
Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbjetkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.
Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin fik ħabbejtkom jien.”
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu, Ġesù, jagħtina kmandament ġdid. Din id-darba, mhux qed jgħidilna kif kien qalilna darba oħra: “kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk agħmlu intom lilhom” (Lq 6:31); allura nħobb kif nixtieq li ħaddieħor iħobb lili. F’dan il-kmandament il-ġdid Ġesù, qiegħed jitlob minna biex inħobbu kif iħobbna hu stess: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ħobbu intom lil xulxin”. (10 sek pawsa)
“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”. Ħabib, jekk tixtieq li tagħżel li tkun dixxiplu tiegħi, trid tħobb bħali….. Naf li mhux faċli għalik! Mhix ħaġa li tagħmilha hekk, kif ġib u laħaq. Għandek bżonni. U jien qed nitolbok: biex tibqa’ magħqud miegħi. “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi, billi tħarsu l-kmandamenti tiegħi”. U l-kmandament tiegħi tafu x’inhu? Ħobbu kif ħabbejtkom jien. (3 sek pawsa)
Għeżież tiegħi, nitlobkom biex tibqgħu fija; għax min jibqa’ fija, bħalma l-fergħa tkun imqabbda fid-dielja, tagħmlu l-frott; anzi, ħafna frott tagħmlu. Imma jekk tinqatgħu minni, jiġrilkom bħal-fergħa li tinqata’ miz-zokk tad-dielja; allura tinxfu u tmutu.
Għeżież, ibqgħu fija, ibqgħu ħaġa waħda miegħi; sibu ħin li tkunu miegħi, ħalli timtlew bl-imħabba tiegħi, u intom stess imbagħad, tkun xhieda ta’ din l-imħabba, meta tgħixuha mal-oħrajn.
Silenzju biss 3 min
Mulej, agħtina l-qawwa, ħalli nħobbu bħalek; ħalli nħobbu, kif tħobbna Int, u nħarsu l-kmandament tiegħek. Ma għandekx lista twila ta’ kmandamenti, o Ġesù; imma tajtna kmandament wieħed: li nħobbu lil xulxin, kif ħabbejtna Int. Għax jekk inħobbu b’din l-imħabba, hemm Int magħna. Għax Int, o Ġesù, Inti mħabba.
Jekk irridu niltaqgħu miegħu, jekk irridu nagħżlu lilu: mela ejjew nibdew nagħżlu lil ħutna, irridu nagħżlu l-imħabba, irridu nagħżlu lil min hu fil-bżonn; irridu nagħżlu lil min hu bil-ġuħ u bil-għatx, barrani, imwarrab, għeri. Jekk irridu nħobbu lil Ġesù, irridu nixbħu lilu: l-imħabba tiegħi, trid tixbaħ lil dik tiegħu. Għax fejn hemm din l-imħabba, hemm jinsab Alla. U jekk jien irrid nkun ma’ Alla, rrid inkun fl-imħabba. Ma nistax ngħid li jien ma’ Ġesù jekk ma nħobbx. Inħobb mhux kif jaqbilli, jew meta jaqbilli, meta hu ħafif, jew skont l-aptit, imma kif ħabbni Hu, li ħabbni għall-aħħar, li ta ħajtu għalija. Fejn l-imħabba tkun, Alla hemm jinsab.
Ejjew inħobbu b’din l-imħabba; ejjew nitolbu din il-grazzja ta’ din l-imħabba, ħalli nesperjenzaw l-imħabba ta’ Alla.
Silenzju 3 min
Kant: ________________
Talb tal-Komunità
Sidna Ġesù ħejjielna ikla, u għaliha jistieden lil kulħadd; fiha tana ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb li jagħtu l-ħajja lid-dinja. Nadurawh u ngħidulu:
Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.
Kristu, Bin Alla l-ħaj, int ordnajtilna biex nagħmlu l-ikla ewkaristika b’tifkira tiegħek: agħmel li l-Knisja tiegħek tiċċelebra b’fedeltà dan il-misteru ħalli tistagħna bil-ġid tiegħu. Ngħidu flimkien.
Kristu, li int waħdek il-Qassis ta’ Alla l-Għoli, int ħallejt f’idejn is-saċerdoti biex joffru s-sagrifiċċju u jamministraw is-sagramenti tiegħek: għinnhom jgħixu ħajja li taqbel mal-qdusija tal-misteri li jiċċelebraw. Ngħidu flimkien.
Kristu, manna mis-sema, int tagħmel ġisem wieħed flimkien lil dawk kollha li jaqsmu bejniethom ħobża waħda: kattar is-sliem u saħħaħ l-għaqda ta’ dawk kollha li jemmnu fik. Ngħidu flimkien.
Kristu, tabib tagħna mis-sema, int tagħtina l-ħobż tiegħek bħala mezz għall-ħajja ta’ dejjem u rahan tal-qawmien mill-imwiet: rodd is-saħħa lill-morda u t-tama ħajja lill-midinbin. Ngħidu flimkien.
Kristu, inti l-ħabib l-aktar fidil li tgħix għalina fuq l-artal biex dejjem insibuk: mit-tabernakli mqaddsa, imxerrda ma’ art twelidna, ibqa’ saltan u ixħet il-barka tiegħek fuq il-gżejjer tagħna li dejjem ħabbew. Ngħidu flimkien.
Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.
Silenzju biss 2 min
Nagħlqu din l-Adorazzjoni flimkien billi ngħidu flimkien it-talba sabiħa ta’: Ruħ ta’ Kristu
Ruħ ta’ Kristu, qaddisni
Ġisem ta’ Kristu, salvani.
Demm ta’ Kristu, isqini.
Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni.
Passjoni ta’ Kristu, sabbarni.
O Ġesù twajjeb, ismagħni.
Fil-pjagi tiegħek, aħbini.
Tħallini qatt ninfired minnek.
Mill-għadu ħażin ħarisni.
Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli.
Ġewwa ħdanek ilqagħni,
biex mal-qaddisin tiegħek infaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen