Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Quddiesa tal-Griżma f’Ħamis ix-Xirka

QUDDIESA TAL-GRIŻMA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Ħamis ix-Xirka, 2 ta’ April 2026

Għeżież ħuti,

Wasalna issa fuq l-għatba tat-Tridu tal-Għid. Mill-ġid il-Mulej se jeħodna fil-quċċata tal-missjoni tiegħu, biex il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jsiru l-qalba tal-missjoni tagħna. Fil-fatt, dak li ser nerġgħu ngħixu għandu fih il-qawwa li jibdel dak li l-kburija umana normalment tipprova twebbes: l-identità tagħna, il-post tagħna fid-dinja. Il-libertà ta’ Ġesù tibdel il-qalb, tikkura l-ġrieħi, tfewwaħ u ddawwal lil wiċċna, tirrikonċilja u tiġbor, taħfer u tirxoxta.

Fl-ewwel sena li fiha qed nippresiedi l-Quddiesa tal-Griżma bħala Isqof ta’ Ruma, nixtieq nirrifletti magħkom fuq il-missjoni li għaliha Alla jikkonsagrana bħala poplu tiegħu. Hija l-missjoni Nisranija, l-istess waħda ta’ Ġesù, u mhux oħra. Fiha kull persuna tipparteċipa skont il-vokazzjoni tagħha u f’ubbidjenza personali ħafna għal-leħen tal-Ispirtu, imma qatt mingħajr l-oħrajn, mingħajr qatt tittraskura jew tfarrak il-komunjoni! Isqfijiet u presbiteri, waqt li nġeddu l-wegħdiet tagħna, aħna hawn għas-servizz ta’ poplu missjunarju. Aħna flimkien mal-imgħammdin kollha l-Ġisem ta’ Kristu, imxerkin mill-Ispirtu tiegħu ta’ libertà u ta’ faraġ, Spirtu ta’ profezija u ta’ għaqda.

Dak li Ġesù jgħix fil-mumenti tal-qofol tal-missjoni tiegħu hu antiċipat mill-oraklu ta’ Iżaija, indikat minnU fis-sinagoga ta’ Nazaret bħala Kelma li se sseħħ “illum” (ara Lq 4:21). Fil-fatt, fis-siegħa tal-Għid, isir definittivament ċar li Alla jikkonsagra biex jibgħat. “Bagħatni” (Lq 4:18), jgħid Ġesù, waqt li jiddeskrivi dak il-moviment li jorbot il-Ġisem tiegħu mal-foqra, mal-ħabsin, ma’ min qed jitlajja fid-dlam u ma’ min jinsab maħqur. U aħna, membri tal-Ġisem tiegħu, insejħu “appostolika” Knisja mibgħuta, imbuttata lil hemm minnha nfisha, ikkonsagrata lil Alla fil-qadi tal-ħlejjaq tiegħu: “Bħalma l-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21).

Nafu li qabelxejn, li niġu mibgħuta jfisser distakk, jew aħjar, ir-riskju li nħallu dak li hu familjari u ċert, biex navventuraw fil-ġdid. Interessanti li “bil-qawwa tal-Ispirtu” (Lq 4:14), li niżel fuqu wara l-magħmudija fil-Ġordan, Ġesù jirritorna l-Galilja u jiġi “Nazaret, fejn kien trabba” (Lq 4:16). Dan huwa l-post li issa jkollu jħalli. Hu jitħarrek “kif kien imdorri jagħmel” (v. 16), imma biex iniedi żmien ġdid. Issa jkollu jitlaq darba għal dejjem minn dak ir-raħal, sa ma jimmatura dak li nżera’ fih, Sibt wara Sibt, fis-smigħ fidil tal-Kelma ta’ Alla. Bl-istess mod huwa jsejjaħ oħrajn biex jitilqu, jirriskjaw, biex ebda post ma jsir ħajt li jifred, ebda identità ma ssir bejta għal ftit.

Għeżież, aħna nimxu wara Ġesù, li “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma xejjen lilu nnifsu” (Fil 2:6-7): kull missjoni tibda minn dik l-għamla ta’ tixjin li fiha jitwieled kollox mill-ġdid. Id-dinjità tagħna ta’ wlied Alla ma tistax titteħdilna, lanqad tintilef, imma lanqas l-affetti, il-postijiet, l-esperjenzi li hemm fl-għeruq tal-ħajja tagħna ma jistgħu jiġu kkanċellati. Aħna werrieta ta’ tant tajjeb kif ukoll ta’ limitazzjonijiet ta’ storja li fiha l-Vanġelu għandu jġib dawl u salvazzjoni, maħfra u fejqan. Hekk, ma hemmx missjoni mingħajr rikonċiljazzjoni mal-oriġni tagħna, mad-doni u l-limitazzjonijiet ta’ formazzjoni li rċivejna; imma, fl-istess waqt, ma hemmx paċi mingħajr tluq, ma hemmx għarfien mingħajr distakk, ma hemmx ferħ mingħajr riskju. Aħna nkunu l-Ġisem ta’ Kristu jekk nibqgħu mexjin ’il quddiem, u nagħmlu paċi mal-passat mingħajr ma niġu mjassrin minnu: kollox jerġa’ jinstab u joktor jekk l-ewwel inħalluh imur, bla biża’. Dan hu l-ewwel sigriet tal-missjoni. U ma nesperimentawhx darba biss, imma kull darba li nitilqu, għal mandat ġdid.

Il-mixja ta’ Ġesù turina li d-disponibbiltà li nitilfu, li nitbattlu, mhix fini fih innifsu, imma kundizzjoni għal-laqgħa u għall-intimità. L-imħabba hi vera biss jekk hi diżarmata, ftit li xejn għandha bżonn ta’ spazji x’tieħu, ma għandhiex għalfejn tiddandan, tħares delikatament dgħufija u għera. Insibuha bi tqila biex ninxteħtu f’missjoni hekk esposta, imma ma hemmx “bxara tajba lill-fqajrin” (ara Lq 4:18) jekk immorru għandhom bis-sinjali tal-poter, lanqas hemm liberazzjoni awtentika jekk ma ninħelsux mill-pussess. Hawn immissu t-tieni sigriet tal-missjoni Nisranija. Wara dak tad-distakk hemm il-liġi tal-laqgħa. Nafu li matul l-istorja l-missjoni kienet mhux darba u tnejn imħawda mil-loġika tal-ħakma, barranija għalkollox għat-triq ta’ Ġesù Kristu. San Ġwanni Pawlu II kellu ċ-ċarezza u l-kuraġġ li jirrikonoxxi kif “minħabba dik ir-rabta li, fil-Ġisem mistiku, tgħaqqadna ma’ xulxin, ilkoll kemm aħna, imqar jekk ma għandniex responsabbiltà personali għalihom u bla ma nieħdu post il-ġudizzju ta’ Alla li waħdu jaf il-qlub, inġorru l-piż tal-iżbalji u tal-ħtijiet ta’ min ġie qabilna”.[1]

B’konsegwenza ta’ dan, issa hi prijorità li niftakru li la fil-qasam pastorali, u lanqas fil-qasam soċjali u politiku, il-ġid ma jista’ jiġi mill-abbuż tal-poter. Il-missjunarji kbar huma xhieda ta’ min joqrob fuq ponot subgħajh, li bħala metodu għandhom il-qsim tal-ħajja, is-servizz diżinteressat, iċ-ċaħda ta’ kull strateġija ta’ kalkolu, id-djalogu, ir-rispett. Din hija t-triq tal-inkarnazzjoni, li dejjem mill-ġdid tieħu x-xejra ta’ inkulturazzjoni. Fil-fatt, is-salvazzjoni tista’ tiġi milqugħa minn kulħadd biss fil-lingwa materna. “Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu?” (Atti 2:8). Is-sorpriża ta’ Pentekoste tirrepeti ruħha meta ma nippretendux li nistgħu naħkmu aħna ż-żminijiet ta’ Alla, imma għandna l-fiduċja fl-Ispirtu s-Santu, li “jinsab hemm, anki llum, bħal fi żmien Ġesù u l-Appostli: jinsab hemm u qed jaħdem, jasal qabilna, jaħdem iżjed minna u aħjar minna; xogħolna la hu li niżirgħuh u lanqas li nqajmuh aħna, imma qabelxejn li nagħrfuh, nilqgħuh, nikkoperaw miegħu, nagħmlulu t-triq, nimxu warajh. Jinsab hemm u qatt ma qata’ qalbu minn żmienna; bil-maqlub, jitbissem, jiżfen, jinfed, jolqot, igeżwer, jasal anki hemm fejn qatt ma konna stħajjilna”.[2]

Biex nistabbilixxu din is-sintonija mal-inviżibbli, jeħtieġ naslu hemm fejn aħna mibgħuta b’sempliċità, u nagħtu ġieħ lill-misteru li kull persuna u kull komunità ġġorr magħha. Aħna ospiti: bħala isqfijiet, bħala saċerdoti, bħala reliġjużi, bħala Nsara. Fil-fatt, biex nospitaw irridu nitgħallmu nħallu lil min jospitana. Anki l-postijiet li fihom is-sekularizzazzjoni tidher iktar avvanzata ma humiex art ta’ konkwista, jew ta’ rikonkwista: “Kulturi ġodda jkomplu jinħolqu f’dawn il-mergħat kbar umani fejn in-Nisrani m’għadux iżjed dak li jaqra u jagħti s-sens, imma minnhom jirċievi hu stess lingwaġġi, simboli, messaġġi u mudelli oħra li joffru direzzjonijiet oħra fil-ħajja, spiss f’kuntrast mal-Vanġelu ta’ Ġesù. […] Jeħtieġ naslu hemm fejn qed jiġu msawra rakkonti u mudelli ġodda, nilħqu bil-Kelma ta’ Ġesù l-imkejjen l-iżjed profondi ta’ ruħ il-belt”.[3] Dan iseħħ biss jekk fil-Knisja nimxu flimkien, jekk il-missjoni ma hix avventura erojka ta’ xi ħadd, imma xhieda ħajja ta’ Ġisem b’ħafna membri.

Hemm imbagħad it-tielet dimensjoni, forsi l-aktar radikali, tal-missjoni Nisranija. Fir-reazzjoni vjolenta tan-nies ta’ Nazaret għall-kelma ta’ Ġesù diġà tidher il-possibbiltà drammatika tal-inkomprensjoni u tar-rifjut: “Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel” (Lq 4:28-29). Imqar jekk il-qari liturġiku ħalla barra din il-parti, dak li qed inħejju biex niċċelebraw sa mil-lejla jimpenjana biex ma naħarbux, imma biex “ngħaddu minn nofs” il-prova, bħal Ġesù, li, “għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer” (Lq 4:30). Is-salib hu parti mill-missjoni: il-mandat isir iktar iebes u tal-biża’, imma anki iżjed għotja b’xejn u qawwija. U hekk l-okkupazzjoni imperjalistika tad-dinja tiġi interrotta minn ġewwa, il-vjolenza li sal-lum hi l-liġi tal-ġurnata tiġi mneżżgħa mill-maskra tagħha. Il-Messija fqajjar, priġunier, rifjutat, jinżel fid-dalma tal-mewt, imma hekk iġib id-dawl għal ħolqien ġdid.

Kemm qawmien induqu aħna wkoll, meta, ħielsa minn atteġġjament difensiv, ninżlu fis-servizz bħal żerriegħa fl-art! Fil-ħajja, nistgħu ngħaddu minn sitwazzjonijiet li fihom kollox jidher spiċċa. U hemm nistaqsu jekk il-missjoni kinitx għalxejn. Huwa minnu: b’differenza minn Ġesù, aħna ngħixu wkoll fallimenti li jiddependu mill-insuffiċjenza tagħna jew ta’ ħaddieħor, spiss minn kobba mħabbla ta’ responsabbiltajiet, ta’ dwal u dellijiet. Imma nistgħu nagħmlu tagħna t-tama ta’ ħafna xhieda. Niftakar waħda, li hi partikularment għażiża għalija. Xahar qabel mewtu, fuq il-pitazz tal-Eżerċizzi spiritwali tiegħu, l-Isqof qaddis Óscar Romero niżżel hekk: “In-Nunzju ta’ Costa Rica wissieni dwar periklu imminenti proprju f’din il-ġimgħa… Iċ-ċirkustanzi imprevisti naffrontawhom bil-grazzja ta’ Alla. Ġesù Kristu għen lill-martri u, jekk ikun hemm bżonn, se nħossu qrib ħafna meta nafdalu l-aħħar nifs tiegħi. Imma, iktar mill-aħħar waqt ta’ ħajti, l-importanti hu li nagħtih ħajti kollha u ngħix għalih… Biżżejjed għalija, biex inkun ferħan u fiduċjuż, li nkun naf b’ċertezza li fih hemm ħajti u l-mewt tiegħi; li, minkejja d-dnubiet tiegħi, fih qegħidt il-fiduċja tiegħi u ma nitħawwadx, u oħrajn jissoktaw, b’aktar għerf u qdusija, il-ħidma għall-Knisja u għall-patrija”.

Ħuti, il-qaddisin jiktbu l-istorja. Dan hu l-messaġġ tal-Apokalissi. “Grazzja lilkom u sliem mingħand Ġesù Kristu, ix-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja” (Apok 1:5). Din it-tislima tiġbor fil-qosor il-mixja ta’ Ġesù f’dinja maqsuma bejn potenzi li jifnuha. Fi ħdanha tiela’ poplu ġdid, mhux ta’ vittmi, imma ta’ xhieda. F’din is-siegħa mudlama tal-istorja Alla għoġbu jibgħatna nxerrdu l-fwieħa ta’ Kristu fejn issaltan l-intiena tal-mewt. Inġeddu l-“iva” għal din il-missjoni li titlob minna l-għaqda u li twassal għall-paċi. Iva, aħna hawn qegħdin! Nissuperaw is-sens ta’ impotenza u ta’ biża’! Aħna nħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru l-qawmien tiegħek, nistennew il-miġja tiegħek.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] San Ġwanni Pawlu II, Bolla tal-indizzjoni tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000 Incarnationis mysterium (29 ta’ Novembru 1998), 11.

[2] C.M. Martini, Tre racconti dello Spirito, Milano 1997, 11.

[3] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 73-74.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading