Sejħa – Vokazzjoni

Minn Dun Pawl Sciberras

L-istorja ta’ ħafna nies importanti fil-Bibbja tibda bis-sejħa ta’ Alla. Alla jagħżel lil xi ħadd bil-ħsieb li jafdalu missjoni f’idejh. Imbagħad isejjaħlu. Jekk dan iwieġeb, Alla jkellmu u jgħidlu xi jrid minnu. Din hi l-istorja ta’ Abraham (Ġen 12,1), ta’ Mosè (Eż 3,10.16), ta’ Samwel (1 Slat 3,4ss), ta’ Għamos (Għam 7,15), ta’ Isaija (Is 6,9), ta’ Ġeremija (Ġer 1,7), ta’ Eżekjel (Eżek 3,1.4). F’dawn il-każijiet jingħad li Alla lil dawn ħbiebu sejħilhom b’isimhom. Imma biex tkun sejħa ta’ Alla m’hemmx għalfejn tkun daqshekk diretta. Alla jsejjaħ ukoll b’modi oħra, ukoll permezz ta’ bnedmin oħra, kif sejjaħ lil Sawl u lil David permezz ta’ Samwel (1 Sam 10,1; 16,12) u ’l Aron permezz ta’ Mose (Eż 28,1; ara Lhud 5,4).

Fit-Testment il-Ġdid mhuwiex Alla li jsejjaħ, iżda Ġesù Kristu. Ġesù, l-Iben ta’ Alla, ġie fid-dinja minn ħdan il-Missier (Ġw 1,18). U ġie b’missjoni, biex ikellem lill-bnedmin f’isem il-Missier (Ġw 3,34; 7,16; 14,10; 17,8). Il-Missier bagħtu, iżda mkien ma jingħad li sejjaħlu. Din in-nota tfisser ħafna. Tfisser li Ġesù li fil-bidu kien ma’ Alla (Ġw 1,1), ma kellux bżonn is-sejħa ta’ Alla għax hu minn dejjem ma’ Alla. Lill-profeti Alla sejħilhom u bagħathom. Lil Ibnu bagħtu biss; bagħtu minn ħdejh (Gal 4,4), imma ma sejjaħlux. Ġesù ġie biex isejjaħ il-bniedem ħalli jindem u jerġa’ lura lejn Alla. Beda bis-sejħa tat-Tnax, u sejħilhom biex jibgħathom (Mk 3,13-14 par) , u oħrajn (Mk 10,21; Lq 9,5 -62). U sejjaħ lil kulħad, lil kull min ried imur warajh (Mt 16 24). Għalhekk l-insara, id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu, huma l-imsejħin biex jimxu warajh. “Imsejħin biex ikunu qaddisin” (Rum 1,7; 1 Kor 1,2). Din hi l-vokazzjoni u l-missjoni tal-insara fid-dinja. Għal dan Pawlu kien iħeġġeġ lill-insara skont is-sejħa li biha kienu msejħa” (Ef 4,1; 1 Kor 1,16). Imbagħad kulħadd għandu minn Alla l-vokazzjoni personali tiegħu skont l-istat li għalih ġie msejjaħ u skont id-doni jew il-kariżmi tal-Ispirtu (1 Kor 7,17- 24; 12,4ss). Il-Knisja hi l-komunità tal-imsejħin (Ekklesìa). Kull membru tagħha fiha għandu jgħix u jaħdem skont is-sejħa tiegħu.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading