Adorazzjoni – 25 Ħadd ta’ matul is-Sena”B”

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

Kull glorja nagħtu lilek, o Ġesù, għal dan is-Sagrament tal-għaqda; fejn Int ma tieqaf qatt tistedinna biex ninġabru hawn ilkoll madwarek. Imma llum, Int qiegħed isejħilna biex nidħlu għall-ħbiberija li ma tintemmx, f’intimità divina tiegħek. Bla dubju, Inti wrejtna li “Alla huwa mħabba”, għal dak kollu li Int u li għandek; u li għadek tagħtina f’dan is-Sagrament tal-imħabba.
Agħtina, o Ġesù, dik l-imħabba perfetta li tneħħi kull biża’, billi nikkonfermaw bla riżerva li nagħmlu biss ir-rieda tal-Missier. Eħles lil moħħna minn kull ansjetà u biża, u b’fiduċja sħiħa, noffru lilna nfusna kompletament lilek, u li dan nagħmluh permezz tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija, l-omm tenera tiegħek u tagħna.

Silenzju/background music 3 min
Innu: __

Qari mill-Evanġelju skond San Mark Mk 9,30-37
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.
Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Silenzju/ soft background music 1min

F’din is-silta li għadna kemm smajna, Ġesù jkompli jitkellem mill-passjoni u l-mewt tiegħu; u li se jibdilha b’sagrifiċċju għas-salvazzjoni tal-bnedmin. Iżda dan il-kliem, l-appostli ma fehmuhx. Għax għalihom il-Messija, huwa dak li għandu jiġi bil-glorja, biex jeħlishom darba għal dejjem mill-ħakma Rumana. (2 sek pawsa)

Mulej, tieħux għalina. Lanqas aħna ma nifhmuh dan id-diskors. Is-salib għalina jfisser tbatija. Anki fi żmienek, għall-Lhud, is-salib kien skandlu, u l-Griegi kienu jħarsu lejh bħala bluha. Imma aħna li nemmnu, nħarsu lejn is-salib, lejn it-tbatija, bħala mezz ta’ fidwa.

Mulej, ħaddanna bejn dirgħajk, kif għamilt lil dak it-tfajjel ċkejken, u għallimna nilqgħu lilek, il-fehmiet tiegħek, it-toroq tiegħek. U agħtina l-grazzja, li quddiem it-tbatija ma nikkrollawx, ma nitilfux il-fidi tagħna; imma nagħrfu li Int qiegħed magħna, tħaddanna miegħek.

Silenzju 3 min
Waqt li Ġesù kien qed jitkellem mal-appostli tiegħu fuq it-tbatija tiegħu; dawn bejniethom kienu qed jitkellmu u jitħaddtu fuq min kien l-ikbar fosthom. Ġesù jgħidilhom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, stħaw minnu; “għax fit-triq kienu qed jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar”.

Ġesù jgħid, li Hu ġie biex jaqdi, u mhux biex ikun moqdi. U jkompli Ġesù: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”. (2 sek pawsa)
Li inti tibbulja lil ħaddieħor; li inti taħseb, li inti aħjar minn ħaddieħor; li inti taħseb li tista’ twaqqa’ għaċ-ċajt lil ħaddieħor; mhix parti mill-vokazzjoni nisranija. In-nisrani huwa dak li jħares lejn Kristu, u jifhem li l-vokazzjoni tiegħu, hija vokazzjoni ta’ qadi: li jxerred l-imħabba, l-ħniena u l-ħlewwa.
Mulej, agħtina l-grazzja, li bħalek inkunu umli u mansweti; ħalli d-dinja nibdluha mhux bil-bullying, imma bl-eżempju ta’ qadi li nagħtu lil ħaddieħor bħal Kristu.

Silenzju/ soft background music 4 min
Kant: ____

Talbiet tal-Komunità
Ejjew inressqu t-talb tagħna quddiem il-Mulej, biex dejjem jagħtina l-għerf li ġej mis-sema.

Nitolbuk Mulej, għall-Papa Franġisku, biex tagħmlu kontinwament il-messaġġier tal-ħniena ta’ Alla għad-dinja kollha. Nitolbu
Nitolbu għar-rgħajja tal-Knisja, biex jifhmu li fost il-poplu u qalb il-poplu, huma dejjem qaddejja. Nitolbu

Nitolbu għal dawk kollha fdati b’xi setgħa, sabiex ikunu xhieda tal-verità, tal-ġustizzja, tal-irġulija u tal-onestà. Nitolbu
Nitolbu għal min hu mfixxkel minħabba r-rabja jew l-għira, biex il-Mulej jgħinnhom jersqu lejn il-Qalb ta’ Ġesù, biex ifittxu t-tisfija, l-faraġ, u l-paċi tassew. Nitolbu.

Nitolbu għal dawk, li minħabba l-mard, it-tbatija, s-sogħba, tfixklu fil-fidi tagħhom; biex it-tbatija fil-ħajja ma tkunx għalina ta’ tfixkil, imma tressaqna lejn il-Mulej Ġesù msallab u rxuxtat. Nitolbu.
Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Kant: Dal Misteru