Kitba u qari ta’ Dun Pawl Sciberras
Bil-kelma “fidi” aħna ġeneralment nifhmu l-att tal-moħħ li bih naċċettaw bħala veri l-veritajiet rivelati minn Alla għaliex irrivelahomlna hu. Dan il-kunċett jaqbel mal-kunċett bibliku fuq il-fidi, iżda l-Bibbja f’dan ir-rigward tafferma aktar is-sens tal-fiduċja tal-bniedem li jaċċetta l-kelma ta’ Alla għax hi kelma ta’ Alla; għax Alla la jqarraq u lanqas jitqarraq. Il-kunċett bibliku tal-fidi joħroġ mill-għerq ’amàn (emmen), li jfisser “tkun fis-sod”, moħħok mistrieħ li tkun fis-sewwa; fil-każ tal-fidi tkun fis-sod u fis-sewwa żgur għax isserraħ fuq il-kelma ta’ Alla. Alla hu ne’emàn, “fidil”, ta’ min jafdah u joqgħod fuqu, ta’ kelmtu (Dt 7,9; Ġer 42,5). Wieħed jemmen f’Alla jew aħjar, lil Alla, għax jafda fih u joqgħod b’moħħu mistrieħ fuq il-kelma tiegħu. Din kienet il-fidi ta’ Abraham (Ġen 15,6), li fit-tradizzjoni Lhudija u nisranija ttieħdet bħala eżempju tal-fidi (Rum 4,3; Gal 3,6; Lhud 11,8 ss.). Din hi t-tip ta’ fidi li Isaija talab minn Aħaż (Is 7,9) u minn dawk li ma kellhomx għax jibżgħu fi żmien ta’ biża’ (Is 28,16). Hi l-fidi li sserraħlek moħħok f’ċirkustanzi ta’ biża’ u ta’ qtigħ il-qalb, għax isserrah fis-sod fuq il-kelma jew il-wegħda ta’ Alla. Bħall-fidi ta’ Abraham, li “meta ma kellu ebda tama, ittama u emmen” (Rum 4,18). Għalhekk il-fidi hi, fl-aħħar mill-aħħar, fiduċja f’Alla. Temmen f’Alla jew lil Alla jfisser taċċetta l-kelma tiegħu, ukoll jekk tqila jew iebsa, u toqgħod għaliha b’moħħok mistrieħ għal kollox.
Fit-Testment il-Ġdid jibqa’ l-istess kunċett tal-fidi f’Alla tat-Testment il-Qadim, iżda jingħad ukoll u fl-istess sens għall-fidi f’Ġesù Kristu. Il-kelma Griega għall-fidi tat-Testment il-Ġdid hi pístis u l-verb pisteúo, “emmen”. Tfisser sew il-fidi f’Alla u f’Ġesù Kristu u sew il-fiduċja fihom jew fil-kelma tagħhom. Għalhekk hi wkoll fidi fl-Evanġelju jew ubbidjenza għall-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu (Rum 5,1; 10,16; 16,26). Fit-Testment il-Ġdid Ġesù hu l-oġġett tal-fidi u fl-istess ħin motiv tal-fidi. L- Evanġelji juru li Ġesù kien jitlob lin-nies li jemmnu fih innifsu u li jemmnu għall-kelma tiegħu. Il-profeti kienu jħeġġu l-poplu biex jemmnu f’Alla u jemmnu għall-kelma tiegħu mwassla lilhom permezz tagħhom. Ġesù kien jippreżenta lilu nnifsu u s-setgħa tiegħu bħala oġġett tal-fidi (Mt 9,28; Mk 4,41; Lq 8,35; Mk 2,10 par). Min jemmen irid jaċċetta lil Ġesù ta’ Nażaret kif hu nnifsu jippreżenta ruħu. Dan jidher b’mod aktar ċar mill-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Il-fidi hi f’Ġesù bħalma hi f’Alla (Ġw 14,1; 11,45.48). Hi f’Ġesù bħala Bin il-bniedem u l-Messija (9,36. 38; 11,27), li ġie mibgħut minn Alla (16,30). Il-bniedem jemmen f’Ġesù u f’dak li hu għall-kelma tiegħu stess, għax hu nnifsu rrivela fuqu nnifsu (Ġw 2,22; 5,47; 8,45; 17,3; ara 1 Ġw 3,23; 4,3).
Għal San Pawl ukoll Ġesù bil-veritajiet kollha rrivelati fuqu hu l-oġġett tal-fidi nisranija (Rum 4,24-25; 10,9; 1 Kor 15,3-4; 1 Tim 3,16; eċċ.). Pawlu jkompli jiżviluppa l-fidi taħt aspetti diversi tagħha. Hi l-fidi li twassal għall-ġustifikazzjoni (1,17; 3,21-31; Gal 2,16; 3,8; eċċ.). Hu permezz tal-fidi li nsiru wlied Alla u niksbu s-salvazzjoni (Gal 3,26; Ef 2,8). Mhumiex bl-opri tal-liġi li l-bniedem jiġi ġġustifikat quddiem Alla, iżda bil-fidi f’Ġesù Kristu (Rum 4 u Gal 3). Imma l-fidi vera gġib magħha wkoll id-dmir tal-opri li jixirqulha; hi “l-fidi li taħdem bl-imħabba” (Gal 5,6; Rum 13,8-10). Skont
Pawlu l-opri tajba huma l-frott tal-fidi u x-xhieda tagħha. Il-fidi tiġi mill-kelma, mis-smigħ tal-kelma ta’ Kristu (Rum 10,14-17). Ghalhekk jeħtieġ ix-xandir bil-“Kelma tal-fidi ” (Rum 10,8). Jemmen min jisma’ l-kelma, jilqagħha u joqgħod għaliha; biha jasal għall-“ubbidjenza tal-fidi” (Rum 1,5). Dan ifisser li l-fidi mhijiex biss aċċettazzjoni tal-kelma iżda wkoll azzjoni skont il-kelma. Għal Pawlu m’hemmx fidi vera mingħajr l-azzjoni li toħroġ mill-fidi. Hawn jiġi jaqbel mat-tagħlim ta’ San Ġakbu, li “hi mejta l-fidi mingħajr għemil” (Gak 2,26). Mhux min jisma’ l-kelma jkun iġġustifikat quddiem Alla, iżda min, wara li jkun semagħha, jaċċettaha, joqgħod għaliha u jagħmilha (Ġak 1,22-25; Rum 13,8-10). Din hi l-fidi ħajja, u l-fidi li tagħti l-ħajja. “Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux” (Lhud 11,1). Il-bniedem li jemmen ma jaċċettax biss il-kelma ta’ Alla u ta’ Ibnu Ġesù Kristu għal din il-ħajja, iżda jemmen ukoll fil-wegħdiet tal-ħajja ta’ dejjem li għad trid tiġi (1 Tess 4,14). Fid-dawl tal-fidi fil-misteru ta’ Kristu, li bata u miet u qam mill-mewt, iħares ’il quddiem lejn il-jum tal-glorifikazzjoni miegħu wkoll (Fil 3,20-21). “Hekk il-fidi hi wkoll tama f’Alla” (1 Pt 1,21). Il-fidi ta’ issa ssir it-tama f’dak li għad irid jiġi. Ir-rivelazzjoni għal issa għadha oskura u imperfetta; “issa ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni” (2 Kor 5,7; 1 Kor 12,12; 1 Ġw 3,2). Imma t-tama hi ċerta għax isserraħ fuq il-kelma ta’ Alla li minnha tiġi l-fidi, u t-tama toħroġ mill-fidi.