Omelija f’Quddiesa fil-Parroċċa ta’ Sant’Andrea delle Fratte, Ruma

Il-VERĠNI MQADDSA MARIJA IMMAKULATA TAL-MIDALJA MIRAKOLUŻA

QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Parroċċa ta’ Sant’Andrea delle Fratte, Ruma
Il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru 2026

Omelija tal-Papa

Għeżież ħuti,

Illum hu jum ta’ festa għal din il-komunità parrokkjali, li ta’ kull sena, fis-27 ta’ Novembru, tfakkar il-mument li fih il-Verġni Marija talbet lil Santa Katarina Labouré tgħaqqad il-midalja li kellha tgħaddi fl-istorja bl-isem ta’ “Midalja Mirakoluża”. Lill-interċessjoni tal-Immakulata, permezz tad-devozzjoni lejn din il-midalja, ġew attribwiti tant konverżjonijiet. F’din il-knisja, proprju f’riġlejn ix-xbieha Marjana, Alfonsu Ratisbonne ħass il-Grazzja tmissu u daħal għalkollox fil-fidi Nisranija.

Jiena wkoll, bħall-Predeċessuri tiegħi, xtaqt niġi f’dan il-post hekk għażiż għad-Djoċesi tagħna, tant li ġie definit mill-Papa Benedittu XVI “Lourdes Rumana”. Niġi bħala pellegrin, biex insejjaħ l-għajnuna u l-interċessjoni tal-Verġni Marija f’mument diffiċli għall-istorja tal-umanità, immarkat minn gwerer u minn diżugwaljanzi inġusti li jidorbu d-dinjità umana. Nistedinkom tingħaqdu miegħi f’din it-talba.

Is-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Ġw 2:1-11) ħaditna Kana. Mhux b’kumbinazzjoni li l-liturġija tipproponi dan it-test fit-Tifkira tal-Verġni Mqaddsa tal-Midalja Mirakoluża: fil-fatt, Marija hawn tidher bħala l-Omm attenta, li tintebaħ b’dak li jonqos u tafdah f’idejn Binha. Huwa proprju dak li dan is-santwarju għex f’tant snin ta’ talb.

Fl-ikla tat-tieġ, Marija ddur fuq Binha b’dawn il-kelmiet: “M’għandhomx inbid” (v. 3). Hi ppreokkupata, għax dik il-festa, sinjal tal-patt ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu, qed tirriskja li tagħlaq b’mod deludenti. San Ġwann jpoġġi l-episodju fit-“tielet jum” (v. 1): hija allużjoni għall-Għid, u r-rakkont jeħtieġ naqrawh f’dan id-dawl. L-Evanġelista hekk jistedinna naqraw mill-ġdid it-tieġ ta’ Kana f’riġlejn is-Salib. F’Kana Ġesù jwieġeb lil ommu: “Mara, […] is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (v. 4). Dik is-siegħa tasal fuq il-Kalvarju, hemm fejn il-“Mara”, li lilha l-Imsallab jafda d-dixxiplu, hi preżenti biex tilqa’ l-ilma u d-demm li jgelglu mill-kustat tiegħu (ara Ġw 19:25-27). Dak id-demm huwa d-Demm tal-patt il-ġdid li llum noffru fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Dak l-ilma jevoka mill-ġdid id-don tal-Ispirtu s-Santu li jiġi mswwab fuq dawk li jaqsmu mill-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu u jagħmilhom aħwa f’ismu. Bil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù l-festa tat-tieġ issib il-milja tagħha, għax fi Kristu Alla jiltaqa’ darba għal dejjem mal-bniedem u jurih imħabbtu kollha. Għalhekk mill-ġrajja tal-Għid tibda umanità mġedda mill-grazzja ta’ Kristu u l-ħin kollu għammiela bl-Ispirtu.

Għeżież, il-preżenza u l-kelmiet tal-Omm tal-Mulej fit-tieġ ta’ Kana, bħall-ħafna ispirazzjonijiet li hi tqanqal f’dan u fis-santwarji Marjani kollha, iċaqalquna mit-telqa spiritwali li fiha xi kultant naqgħu. Fil-fatt, mhux biżżejjed inkunu mal-mejda biex nagħmlu festa. Jista’ jkun hemm ir-riskju li nkunu bilqiegħda għall-ikla tal-festa tal-ħajja bla ma ngħixu l-festa mħejjija mill-Mulej.

Fil-kuntest ta’ kriżi li għaddejja minnha l-epoka tagħna, huma attwali iktar minn qatt qabel il-kelmiet tal-Verġni: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Hawn tinsab il-missjoni kollha ta’ Marija: tagħtina lil Binha, turihulna, twassalna għandu. Fil-fatt hija l-ubbidjenza għal Kristu l-qawwa li terġa’ ttellaq il-ġrajjiet li jidhru mwaħħlin. Quddiem il-kriżi, Ġesù jivvalorizza dak li hemm, f’dak il-post u f’dak il-ħin. Hemm sitt ġarar tal-ħaġar, battala. Allura hu jgħid lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma” (v. 7). U l-qaddejja jimlewhom “sax-xifer” (v. 7). Ma hemm xejn ta’ barra minn hawn f’dan il-ġest: hija l-esperjenza ordinarja tax-xogħol, hu sempliċi ilma li jinġarr. Imma Kristu jitlob is-“sax-xifer” tagħna, biex fl-ubbidjenza tagħna ssib spazju l-abbundanza tiegħu. Il-Mulej jistedinna noffrulu l-ftit li għandna: umanità mġarrba mit-telfien tal-paċi, żgħażagħ li jitħabtu biex jibnu l-futur tagħhom, familji fejn intilef id-djalogu, is-solitudni ta’ tant nies fil-bliet. Ġesù jitlobna nibdew minn hawn, mill-ħajja ta’ kuljum tal-persuni, fiċ-ċertezza li hu jibqa’ magħna f’din l-istorja u fiha jiftaħ futur. Hi proprju din l-esperjenza li jagħmlu l-qaddejja f’Kana: fil-fatt huma biss, li obdew għall-kelma tal-Imgħallem, li jafu mnejn ġie dak l-“inbid tajjeb” (Ġw 2:10) li servew lill-mejda.

Ħuti, Ġesù qed isejħilna għall-konverżjoni, għal bidla fil-perspettiva. Ejjew ma nqisux l-istorja bħallikieku ma kien hemm xejn aktar tajjeb x’wieħed isib fiha, imma nitgħallmu nħarsu lejha b’għajnejh, l-għajnejn tal-Irxoxt, li dejjem jafu jirregalaw il-ferħ veru. Wara li daq l-inbid il-ġdid, sid il-mejda dar fuq l-għarus u qallu: “Int […] l-inbid it-tajjeb żammejtu sa issa” (Ġw 2:10). Hekk, jikkonkludi l-Vanġelu, Ġesù “wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli emmnu fih” (2:11): is-sinjal li seħħ ma jispiċċax mad-don tal-inbid, imma jqanqal il-fidi f’dawk li kienu xhieda tiegħu. Il-konverżjoni, qabel ma hi bidla ta’ ħajja, hi bidla ta’ mentalità. Il-ħajja tista’ tinbidel meta l-fidi tittrasforma l-mod ta’ kif aħna nifhmu d-dinja, ir-relazzjonijiet, l-istorja.

Din il-ħarsa ġdida għandna bżonn ngħixuha hawn ukoll, fil-qalba ta’ Ruma. Iċ-ċentru storiku tal-Belt tagħna qisu mejda armata f’għajnejn id-dinja: monumenti, palazzi, ħwienet, ristoranti u turisti minn kull kontinent. Imma madwar din il-mejda jgħixu u jaħdmu persuni li spiss jibqgħu ma jidhrux. Hemm foqra li jorqdu fit-triq, anzjani waħidhom; hemm tant ħutna barranin u ħaddiema b’pagi li jfieru d-dinjità tagħhom; hemm negozjanti li jġorru l-piż ta’ sigħat li jegħjuhom u ta’ inċertezza ekonomika dejjem tikber; fl-aħħar nett hemm turisti u pellegrini, li jaslu b’mistoqsija, xi drabi mhux espressa, għal sens u akkoljenza. Huwa proprju minn hawn li l-Mulej irid jerġa’ jibda l-festa tal-umanità.

Għeżież, il-komunità parrokkjali tagħkom hi fdata bil-ġmiel ta’ din il-knisja u ta’ din il-parti taċ-ċentru ta’ Ruma. Nistedinkom tkunu dejjem għas-servizz tal-persuni li magħhom tiltaqgħu, b’mod partikulari ta’ min hu l-aktar fil-bżonn, hekk li l-ġmiel tal-post li fih ngħixu jista’ jinbidel f’fidi li ssir karità.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija, biex f’dan is-santwarju l-foqra jsibu min jismagħhom, il-barranin min jilqagħhom, il-ħaddiema min jirrispettahom, il-pellegrini dawl ta’ tama. Tant fidili ta’ kuljum jidħlu f’dan it-tempju biex ilissnu lill-Verġni talba u invokazzjoni għall-għajnuna, u jerħu f’idejha xi niket, radd il-ħajr, xewqa. Aħna ċerti li hi tilqa’ kollox b’qalb ta’ Omm. Lilha nafdaw ruħna fiduċjużi, u nitolbu d-don li nagħmlu ta’ kuljum bil-ferħ dak li l-Mulej Ġesù jgħidilna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?