Diskors fil-Katidral – Nuestra Señora de la Asunción (Córdoba)

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ
6-17 ta’ Novembru, 2026

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, DJAKNI, RELIĠJUŻI RĠIEL U NISA, SEMINARSTI U OPERATURI PASTORALI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Katidral – Nuestra Señora de la Asunción (Córdoba)
It-Tlieta, 10 ta’ Novembru, 2026

Diskors tal-Papa

Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu,

qabel kollox nixtieq irrodd ħajr lill-Kardinal Rossi għall-indirizz li għamilli, kif ukoll lil min qasam magħna t-testimonjanzi tiegħu u lilkom ilkoll, għall-entużjażmu li bih ilqgħajtuni. Għalija hu ta’ ferħ kbir li ninsab hawn fostkom illum: persuni konsagrati, seminaristi, saċerdoti, l-imgħammdin kollha li tajtu ħajjitkom għall-qadi tal-Mulej u tal-poplu tiegħu.

Waqt dan l-aħħar innu, ħafna minnkom kellhom idejhom merfugħin ‘il fuq, forsi biex isselmuli, forsi biex takkumpanjaw il-kant. Dawn huma l-idejn li qed ifittex Ġesù: irid idejkom biex ikompli l-missjoni tiegħu!

Jien u nħejji dan id-diskors ġew f’moħħi l-Eżerċizzi Spiritwali, li għandhom post tant importanti fl-istorja ta’ din l-art. Kienet koinċidenza hienja nisma’ lil Swor Maria Elisabeth tikkowta waħda mill-kontemplazzjonijiet. Fi żmien meta dawn kienu kważi se jintilfu, Mama Antula, kienet ivvjaġġat distanzi enormi biex tara li jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd. Għexieren ta’ snin wara, il-qaddis saċerdot Cura Brochero għamilhom l-element ċentrali tal-ministeru tiegħu, qasam muntanji flimkien mal-kompaeżani tiegħu sa ma’ wasal f’dil-belt, biex jagħti l-opportunità lil kulħadd iġarrab l-esperjenza ta’ laqgħa personali ma’ Alla. Aktar reċenti, Ġiżwita mill-Arġentina, il-Papa Franġisku, ġab miegħu l-għana spiritwali injazjana u qasamha mal-Knisja universali.

Sal-lum stess, saċerdoti, seminaristi, membri ta’ ordnijiet reliġjużi u lajċi għandhom jinġabru fis-skiet biex, fil-preżenza t’Alla, isaqsu lilhom infushom x’qed jitlob Alla minn ħajjithom. Għalhekk nixtieq li dal-waranofsinhar ikollna l-kumpanija ta’ xi mistoqsijiet meħudin mill-Eżerċizzi. Sant’Injazju jibda bil-Prinċipju u l-Fundament (cfr n. 23). Għaldaqstant, l-ewwel mistoqsija hi din: għaliex ninsabu hawn? Qabel kull responsabbiltà, ministeru jew dmir, kien hemm sejħa. Ġurnata waħda Kristu għadda minn ħajjitna, sejħilna u fhimna li tabilħaqq ta’ min jimxi warajh. Kulma ġie wara għandu jkun it-tkomplija ta’ dik “l-iva” tal-bidu.

Mal-mogħdija tas-snin tista’ sseħħ xi ħaġa paradossali: ħidma sfiqa għal Alla, u nibdew niddedikaw dejjem anqas ħin biex inkunu miegħu. Inkomplu nservu, niċċelebraw u nimpenjaw ruħna f’mitt ħaġa neċessarja, però bir-riskju li aktar inserrħu fuq dak li nagħmlu milli fuq Dak li għalih qed naħdmu. Il-Prinċipju u l-Funadment iservi biex l-affarijiet jerġgħu lura fil-post ġust tagħhom: ħajjitna hi ta’ Alla u ssib il-veru raġuni tagħha biss meta fiċ-ċentru tal-bqija kollu jkun hemm Hu. Għalhekk, induru bis-sempliċità lejn l-Ewkaristija, lejn is-smigħ tal-Kelma u lejn dik il-komunjoni personali mal-Mulej li jwieżen il-bqija kollu. Nerġgħu nkebbsu fina dak in-nar li ġurnata waħda xegħel fina l-vokazzjoni u ma nħallux il-pressjoni tal-mument, l-għejja jew ir-rutina jitfuhulna.

Matul l-Eżerċizzi, imbagħad, insibu quddiemna mistoqsijiet oħra li ma nistgħux naħarbu minnhom: x’hemm fina li tilef l-ordni? B’liema mod inqasna li Alla? (cfr nn. 32-43). Wara ħafna – u anki ftit – snin, inwieġbu “iva” lill-Imgħallem, infatti, nistgħu nidraw nieħdu atteġġjamenti li żmien qabel kienu jinkwetawna: ebusija mal-oħrajn, reżistenza għall-korrezzjoni, rivalitajiet, inkella ġibdiet, dnubiet jew rabtiet li, ftit ftit, jibdew jisirqulna l-libertà tagħna. U tista’ tiġri ħaġa aktar gravi: nistgħu nispiċċaw nitgħallmu kif niġġustifikaw kollox, insibu “raġunijiet” – pastorali, komunitarji jew personali – għal imġiebiet li nafu li mhumiex korretti.

Nonqsu minn dmirna wkoll meta nittraskuraw li nagħmlu l-ġid li jkun possibli li jsir: meta ma nibqgħux nisimgħu bil-paċenzja, meta nagħżlu l-kumdità jew nibqgħu fommna sieket quddiem xi ħaġa li fil-fatt għandna d-dmir li nikkonfrontawha. M’hemm ebda età li fiha l-bniedem iħossu eżenti mill-ħtieġa tal-konverżjoni. Għandna neżaminaw il-kuxjenza tagħna, inqerru spiss u għandu jkollna l-umiltà meħtieġa quddiem min jikkoreġina. Għeżież ħuti, ejjew nagħrfu b’mod ċar u bil-kuraġġ fejn ma konniex fidili lejn Alla u nqiegħdu kollox fl-idejn ħanina tiegħu.

Hu biss wara li nkunu ammettejna dnubietna li Sant’Injazju jressaqna quddiem Alla, ir-Re etern (cfr nn. 91-98), li jibqa’ jsejħilna u jibgħatna. Il-Mulej jaf minn xiex aħna magħmulin  u jagħżel li jafda fina (cfr 2 Kor 4,7). Għalhekk, il-kwistjoni mhix kemm aħna ddiżappuntajnih, iżda jekk aħna għadniex disponibbli għalih.

Fil-vokazzjoni, għall-bidu hemm it-tendenza li noffrulu kollox. Imbagħad, maż-żmien jitfaċċaw preferenzi personali, comfort zones, u magħhom ċerta idea dwar liema direzzjoni nixtiequ li tieħu ħajjitna. Jista’ l-Mulej ikompli jibgħatna fejn ma kellniex ħsieb lil mmorru? Jista’ jitlobna nħallu warajna ħwejjeġ li għalihom iddedikajna snin sħaħ, jew naċċettaw xi kompitu li qatt ma għaddielna minn moħħna li nagħżluh għalina personali?

Din hi l-libertà li gradwlment tissaffa bil-meditazzjoni taż-Żewġ stendardi, tat-Tliet gruppi ta’ nies u tal-Għażla (cfr nn. 136-189): nitgħallmu nagħrfu dak li jsawwarna, dak li jinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħna u sa liema punt aħna disposti li nħallu lil Alla jaħdem f’ħajjitna. Tabilħaqq, aħna mibgħutin għand poplu u rridu nsaqsu lilna nfusna xhinu dak li aħna msejħin biex noffrulu. Għeżież seminaristi, tgħallmu ħarsu lejn l-affarijiet mill-għajnejn ta’ Alla u tgħallmu tħallu lill-poplu jevanġelizzakom. Anki min jaf anqas jista’ jgħallimna ħafna: kif skopra Julian waqt il-quddiesa.

Il-Knisja li tinsab f’mixja fl-Arġentina, għandha sensibbiltà għanja u vivaċi għall-bżonnijiet soċjali ta’ wliedha. Minn dan nibtu bosta għamliet ġenerużi ta’ qrubija ma’ min qed ibati. Madankollu, din il-qrubija għandha tmur aktar ‘l hinn għax kull persuna li aħna naqdu għandha sejħa biex tiltaqa’ ma’ Kristu u tħallih jittrasformaha. Il-Papa Franġisku

stqarr dan bi kliem li ta’ min jerġa’ jiftakru: “l-agħar diskriminazjzoni li jbatu minnha l-foqra hi n-nuqqas ta’ attenzjoni spiritwali” (Eżort. app. Il-ferħ tal-Vanġelu, 24 ta’ Novembru, 2013, 200). 

ILġuħ u l-inġustizzja huma kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu tweġiba, kif ukoll il-mard, is-solitudni, in-nuqqas ta’ xogħol u n-nuqqas ta’ saqaf dinjituż. Il-karità nisranija tħossha serjament sehem f’dan kollu. Fl-istess ħin, qatt m’għandna ninsew li min qed ibati għandu bżonn jirċievi minn għandna l-akbar don li għandha l-Knisja: Ġesù Kristu. L-għażiż Predeċessur tiegħi afferma dan b’mod ċar ħafna: “mhix negozju, mhix xi aġenzija umanitarja, il-Knisja mhix NGO, il-Knisja hi mibgħuta biex twassal lil Kristu u l-Vanġelu (…) Nagħmlu mod xi darba jiġri li l-Knisja ma twassalx lil Ġesù, dik tkun Knisja mejta! (Franġisku Udjenza ġenerali, 23 ta’ Ottubru, 2013). Kemm hi kbira għalhekk il-vokazzjoni tagħna! Inwasslu lil Kristu, inħaffu l-laqgħa miegħu permezz tal-Kelma, tas-Sagramenti u qrubija li tgħin lill oħrajn jagħrfu l-preżenza tiegħu f’ħajjithom. Il-persuni afdati f’idejkom jixtiequ minnkom il-kura ta’ dak li l-Knisja ilha tħares għalihom għal sekli sħaħ.

Wara l-Għażla, l-Eżerċizzi jmexxu lil dak li jkun biex jibqa’ ma’ Ġesù waqt il-Passjoni (cfr nn. 190-217). Permezz t’hekk, dawk li għażlu li jimxu wara l-Mulej jitgħallmu jibqgħu miegħu meta s-sekwela twassal għas-salib (cfr Lq 9,23). Il-vokazzjoni tagħna wkoll tiltaqa’ minn mumenti bħal dawn: meta ma narawx il-frott, meta s-servizz li nagħtu jitlob minna prezz u meta l-fedeltà ma tibqax sostnuta mill-entużjażmu tal-bidu. Ħafna minnkom jafuha tajjeb dil-forma ta’ fedeltà esiġenti: inkomplu nitolbu wkoll meta t-talb qiesu jiżvojta u nkomplu nservu meta, minkejja kull sforz, donnu jidher li xejn mhu qed jinbidel. Hemm stadji fil-ħajja saċerdotali u konsagrata li fihom li sempliċiment “tippersevera” minnu nnifsu jkun għamla konkreta ħafna ta’ don. Anki fost il-ħafna mistoqsijiet u fl-għejja, bil-ħajja tagħna nkomplu ngħidu: “Hawn jien”.

San Héctor Valdivielso, l-ewwel qaddis Arġentin, hu mudell ta’ din il-fedeltà. Kellu biss erbgħaugħoxrin sena u kien għadu kif temm l-Eżerċizzi Spiritwali meta dak li ftit żmien qabel kien ressaq quddiem Alla kellu jwieżnu fil-prova. Hekk, it-talb tiegħu inbidel f’xhieda u l-quċċata tax-xhieda kien it-tixrid ta’ demmu.

Iżda hemm modi oħra biex inkunu xhieda: billi nipperseveraw meta għaddejjin mit-tbatija. Laura u Padre Martín qanqlu fija riflessjoni dwar iż-żmien li ftit ilu qattajt l-isptar, u qed niftakar ukoll fis-saċerdot Brochero li, minkejja li kien għama u marid bil-lebbra, baqa’ jaqdi lill-poplu tiegħu. Fi żmienna mbagħad, hi meraviljuża l-idea li tintuża t-tekonoloġija bħala mezz biex tingħata xhieda tal-fidi: kunu kreattivi u fittxu toroq oħra kif tipprietkaw. Ftakru, għeżież ħbieb: il-mod kif aħna ngħixu l-vokazzjoni tagħna hu mezz ta’ evanġelizzazzjoni.  La l-età u lanqas il-limitazzjonijiet fiżiċi m’għandhom qatt jitfu ż-żelu tagħna; is-saħħa tagħna tista’ tiddgħajjef, il-qawwa t’Alla qatt.

Dil-qawwa tidher fil-Qawmien tal-Mulej. Għalhekk, lil min ikun qed jitħarreġ, Sant’Injazju jmexxih lejn l-Irxoxt u jistiednu jikkontempla kif għandu jeżerċita “l-uffiċċju ta’ konslu” (cfr n. 224). Hekk jgħallimna niddixxernu fejn ikun qed jopra l-Imgħallem u nirċievu minnu l-enerġija biex nerġgħu lura lejn il-missjoni tagħna. Il-mixja tal-Knisja fl-Arġentina wkoll għandha sejħa biex tinterroga lilha nfisha, u tagħraf bi gratitudni dak li l-Mulej qed iwettaq fiha u fl-istess ħin tiddixxerni fejn Hu jrid jiftaħ toroq ġodda. Il-Mulej diġà jinsab hemm u jasal qabilna (cfr Mt 28,7).

Fi tmiem l-Eżerċizzi, il-Kontemplazzjoni biex naslu għall-Imħabba tistedinna nirriflettu fuq kemm irċevejna mingħand Alla (cfr nn. 230-237. Quddiem doni daqstant abbundanti, Sant’Injazju jixprunana biex inwieġbu: “Ħu, Mulej, u rċievi…” (cfr n. 234). Il-mixja tal-eżerċizzi għalhekk, tintemm fejn kollox kellu l-bidu tiegħu: b’ħajja mogħtija mil-ġdid b’dispożizzjoni sħiħa lil Alla, bil-potenzjal kollu tagħha u bil-limiti tagħha. Għalhekk, il-mistoqsija li llum forsi għandna nippruvaw inwieġbu hi: “Il-Mulej għadu jista’ jiddisponi minni?” Jekk it-tweġiba hi “iva”, allura għad fadal ħafna x’nagħmlu.  Ma naqtgħux qalbna! Ġesù jibqa’ miexi mal-Knisja tiegħu, u lil min jafda ruħu f’idejh jagħmlu aktar għammiel.

L-Arġentina taf tajjeb x’jista’ jagħmel Alla ma’ min jagħtih id-dispożizzjoni tiegħu. Mama Antula waslet Buenos Aires ħafja u kulma kellha kien biss kurċifiss f’idejha: kellha verament ftit iżda kien biżżejjed biex tibda. Brochero kompla jipprietka minkejja li spiss Alla u l-bagħal tiegħu biss kienu konxji tal-għejja tiegħu. Il-Beatu Ceferino miet qabel ma’ għalaq dsatax-il sena; ma kellux jasal għax-xjuħija, imma żgur li kellu żmien biżżejjed biex jgħid b’mod ċar għal min ried jgħix. Alla għadu jkompli jxerred il-grazzja tiegħu u jrid jorbot fuqkom biex ixxerduha minn La Quiaca sal-Ushuaia, u sat-truf l-aktar imbiegħda tad-dinja (cfr Mk 16,15).

Imtlew bil-kuraġġ biex tħarsu lejn l-Arġentina mill-għajnejn ta’ Alla! Kunu żgħażagħ li jiddixxernu jekk Kristu hux qed isejħilkom; parroċċi li jkunu verament komunitajiet ta’ fidi; familji reliġjużi li baqgħu fidili lejn il-kuraġġ li wrew il-fundaturi tagħhom; seminarji u novizzjati li fihom ikunu ffurmati l-qaddisin… Oħolmu bi Knisja li tkompli “tagħmel ħoss”, kif talabkom tagħmlu Arġentin bħalkom, il-Papa Franġsiku (cfr Laqgħa maż-żgħażagħ Arġentini, 25 ta’ Lulju, 2013). “Ħoss” li jasal f’kull rokna tad-dinja sabiex kullimkien jidwi l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, jekk l-Eżerċizzi jgħallmuna xi ħaġa, din hi, li wara li nkunu eżaminajna ħajjitna quddiem il-preżenza ta’ Alla, jeħtieġ li nerġgħu lura lejH bħala persuni ttrasforamti. Immorru lura lejn il-komunitajiet tagħna bit-tama, bil-libertà u bix-xewqa li nkomplju nservu. Forsi ma narawx dak kollu li Alla jkun għoġbu jwarrad minn dak li nkunu żrajna, propju bħalma lanqas rawħ dawk li ġew qabilna, iżda mingħajr id-dedikazjzoni tagħhom, illum aħna ma konniex inkunu hawn.

Jalla Alla jsib fina rġiel u nisa lesti li jimxu warajh u jħallu l-imħabba Tiegħu ssawwarhom: nies li qatt ma jaqtgħu qalbhom fit-tfittxija tal-qdusija. Il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar f’din l-art u jien konvint li għad irid jagħmel ħafna aktar. Jalla l-Omm tagħna ta’ Luján takkumpanjana f’dil-mixja u tgħinna biex b’ħajjitna lill-Mulej ngħidulu li jista’ jkompli jorbot fuqna. Grazzi ħafna.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?