Karmenu Psaila minn Birkirkara, jikteb: Qrajt b’interess l-ittra ta’ Alfred Massa (Leħen is-Sewwa, 24 ta’ Mejju)li lmenta li s-saċerdoti m’għadhomx iqarru fil-konfessjonarju u waqt il-qrar ma jilbsux l-istola.
Personalment inħossni nqerr aktar komdu bilqiegħda u wiċċ imb wiċċ mal-konfessur. Naħseb li jekk xi ħadd ikun irid joqgħod f’konfessjonarju u għarkupptejh, is-saċerdot ma jsibx diffikultà.
Li nixtieq hu li s-saċerdoti ma jqarrux jekk mhux libsin b’ilbies lituġiku jew suttana jew ċoqqa, jekk ma tkunx xi okkażjoni jew ħaġa ta’ malajr jew għax ikun mitlub li jqarar bla mistenni. Naqbel ukoll li tintuża l-istola.
L-aktar ħaġa li tħawwadni hi li donnhom il-konfessuri m’għandhomx l-istess regoli u min jgħid dak mhux dnub u tista’ titqarben u min fuq l-istess materja jgħid dak dnub u ma tistax titqarben. Dan qed iġib ħafna taħwid fil-fidili.
Naħseb li regoli hemm imma l-awtoritajiet tal-Knisja qed jiġbdu l-attenzjoni ta’ min ma jimxix fuq ir-regoli?