Kelmet Alla fi kliem il-bniedem. Katekeżi tal-Papa Ljun XIV dwar id-Dei Verbum tal-Konċilju Vatikan II

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 4 ta’ Frar 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. 4. L-Iskrittura Mqaddsa: Kelmet Alla fi kliem il-bniedem

Għeżież Ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Il-Kostituzzjoni konċiljari Dei Verbum, li dwarha qed nirriflettu tul dawn il-ġimgħat, tindika fl-Iskrittura Mqaddsa, moqrija fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, spazju pprivileġġjat ta’ laqgħa li fih Alla jkompli jkellem lill-bnedmin ta’ kull żmien, biex, waqt li jagħtuh widen, jistgħu jagħrfuh u jħobbuh. Madankollu, it-testi bibliċi ma nkitbux f’lingwaġġ ċelesti jew lil hemm mill-ħiliet tal-bniedem. Fil-fatt, kif tgħallimna wkoll ir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum, żewġ persuni li jitkellmu ilsna differenti ma jinftehmux bejniethom, ma jistgħux jidħlu fi djalogu, ma jirnexxilhomx jistabbilixxu relazzjoni. F’xi każijiet, li tgħin lill-ieħor jifhmek hu l-ewwel att ta’ mħabba. Għalhekk Alla jagħżel li jitkellem billi jinqeda b’lingwaġġi umani u, hekk, diversi awturi, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, ġabru t-testi sagri tal-Iskrittura Mqaddsa. Kif ifakkarna d-dokument konċiljari, “il-kliem ta’ Alla, mogħti lilna b’ilsna ta’ bnedmin, sar jixbah il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħufija tan-natura ta; bniedem, sar jixbah lill-bniedem” (DV, 13). Għalhekk, mhux biss fil-kontenuti tagħha, imma wkoll fil-lingwaġġ, l-Iskrittura tikxef il-kondixxendenza ħanina ta’ Alla lejn il-bnedmin u x-xewqa tiegħu li jkun qrib tagħhom.

Aktar