LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 4 ta’ Frar 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. 4. L-Iskrittura Mqaddsa: Kelmet Alla fi kliem il-bniedem
Għeżież Ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Il-Kostituzzjoni konċiljari Dei Verbum, li dwarha qed nirriflettu tul dawn il-ġimgħat, tindika fl-Iskrittura Mqaddsa, moqrija fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, spazju pprivileġġjat ta’ laqgħa li fih Alla jkompli jkellem lill-bnedmin ta’ kull żmien, biex, waqt li jagħtuh widen, jistgħu jagħrfuh u jħobbuh. Madankollu, it-testi bibliċi ma nkitbux f’lingwaġġ ċelesti jew lil hemm mill-ħiliet tal-bniedem. Fil-fatt, kif tgħallimna wkoll ir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum, żewġ persuni li jitkellmu ilsna differenti ma jinftehmux bejniethom, ma jistgħux jidħlu fi djalogu, ma jirnexxilhomx jistabbilixxu relazzjoni. F’xi każijiet, li tgħin lill-ieħor jifhmek hu l-ewwel att ta’ mħabba. Għalhekk Alla jagħżel li jitkellem billi jinqeda b’lingwaġġi umani u, hekk, diversi awturi, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, ġabru t-testi sagri tal-Iskrittura Mqaddsa. Kif ifakkarna d-dokument konċiljari, “il-kliem ta’ Alla, mogħti lilna b’ilsna ta’ bnedmin, sar jixbah il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħufija tan-natura ta; bniedem, sar jixbah lill-bniedem” (DV, 13). Għalhekk, mhux biss fil-kontenuti tagħha, imma wkoll fil-lingwaġġ, l-Iskrittura tikxef il-kondixxendenza ħanina ta’ Alla lejn il-bnedmin u x-xewqa tiegħu li jkun qrib tagħhom.
Matul l-istorja tal-Knisja, ġiet studjata r-relazzjoni li hemm bejn l-Awtur divin u l-awturi umani tat-testi sagri. Għal diversi sekli, ħafna teologi tħabtu biex jiddefendu l-ispirazzjoni divina tal-Iskrittura Mqaddsa, u kważi qiesu l-awturi umani biss bħala strumenti passivi tal-Ispirtu s-Santu. Fi żminijiet aktar riċenti, ir-riflessjoni reġgħet ivvalutat il-kontribut tal-aġjografi fit-tiswir tat-testi sagri, sal-punt li d-dokument konċiljari jitkellem fuq Alla bħala “awtur” prinċipali tal-Iskrittura Mqaddsa, imma jsejjaħ ukoll lill-aġjografi “awturi veri” tal-kotba mqaddsa (ara DV, 11). Kif josserva eseġeta għaref tas-seklu l-ieħor, “meta tbaxxi l-ħidma umana għal dik ta’ sempliċi skriba ma tkunx tigglorifika l-ħidma divina”.[1] Alla ma jimmortifika qatt lill-bniedem u l-potenzjalitajiet tiegħu!
Mela jekk l-Iskrittura hi kelmet Alla fi kliem il-bniedem, kull approċċ lejha li jittraskura jew jiċħad waħda minn dawn iż-żewġ dimensjonijiet jirriżulta parzjali. Minn hawn joħroġ li interpretazzjoni korretta tat-testi sagri ma tistax tinjora l-ambjent storiku li fih huma mmaturaw u l-forom letterarji mħaddma; anzi, meta wieħed jiċħad li jistudja l-kliem uman li bih Alla nqeda, ikun jirriskja li jaqa’ f’lettura fundamentalista jew spiritwalista tal-Iskrittura, li tittradixxi s-sinifikat tagħha. Dan il-prinċipju jgħodd ukoll għat-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla: jekk din titlef il-kuntatt mar-realtà, bit-tamiet u t-tbatijiet tal-bnedmin, jekk tinqeda b’lingwaġġ li ma jinftehimx, ftit li xejn komunikattiv jew anakronistiku, din tirriżulta innefikaċi. F’kull żmien il-Knisja hi msejħa tipproponi mill-ġdid il-Kelma ta’ Alla b’lingwaġġ li kapaċi jinkarna fl-istorja u jilħaq il-qlub. Kif fakkar il-Papa Franġisku, “kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Vanġelu, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda, xejriet oħra ta’ espressjoni, sinjali iżjed elokwenti, kliem mimli b’tifsira mġedda għad-dinja tal-lum”.[2]
Mill-banda l-oħra, daqstant ieħor riduttiva tkun lettura tal-Iskrittura li tittraskura l-oriġni divina tagħha, u tispiċċa biex tifhimha bħala sempliċi tagħlim uman, bħala xi ħaġa li għandha tiġi studjata sempliċiment mill-perspettiva teknika jew bħala “test tal-imgħoddi biss”.[3] Pjuttost, fuq kollox meta pproklamata fil-kuntest tal-liturġija, l-Iskrittura trid tkellem lil min jemmen illum, tmiss il-ħajja preżenti tiegħu bil-problematiċi tagħha, iddawwal il-passi li għandu jmidd u d-deċiżjonijiet li għandu jieħu. Dan isir possibbli biss meta min jemmen, jaqra u jinterpreta t-testi sagri taħt it-treġija tal-istess Spirtu li dawwalhom (ara DV, 12).
F’dan is-sens, l-Iskrittura sservi biex isseddaq il-ħajja u l-imħabba ta’ dawk li jemmnu, kif ifakkar Santu Wistin: “Kull min jaħseb li fehem l-Iskrittura Mqaddsa […], jekk permezz ta’ dan l-għarfien ma jirnexxilux itella’ l-binja ta’ din il-karità doppja, ta’ Alla u tal-proxxmu, għadu ma fehemhiex”.[4] L-oriġni divin tal-Iskrittura jfakkar ukoll li l-Vanġelu, fdat lix-xhieda tal-imgħammdin, imqar jekk iħaddan id-dimensjonijiet kollha tal-ħajja u tar-realtà, jittraxxendihom: dan ma jistax jiġi ridott għal sempliċi messaġġ filantropiku jew soċjali, imma hu t-tħabbira hienja tal-ħajja sħiħa u eterna, li Alla tana f’Ġesù.
Għeżież ħuti, irroddu ħajr lill-Mulej għax, fit-tjieba tiegħu, ma jħalli qatt lil ħajjitna nieqsa min-nutriment essenzjali tal-Kelma tiegħu, u nitolbu biex il-kliem tagħna, u aktar u aktar ħajjitna, ma jdallmux l-imħabba ta’ Alla li hi rrakkuntata fiha.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] L. Alonso Schökel, La parola ispirata. La Bibbia alla luce della scienza del linguaggio, Brescia 1987, 70.
[2] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 11.
[3] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 35.
[4] Santu Wistin, De doctrina christiana I, 36, 40.