V Fl-Evanġelju tal-lum il-Mulej uriena kemm hi importanti il-fidi tagħna fih, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi li nkunu fihom. Għalkemm aħna dgħajfin fil-fidi, nitolbuh jisma’ t-talbiet tagħna.
1. Saħħaħ, Mulej, fil-fidi lill-mexxejja kollha tal-Knisja tiegħek biex jibqgħu jipperseveraw fil-missjoni li inti sejjaħtilhom għaliha. Nitolbu
2. Intervjeni int, Mulej, fit-tmexxija ta’ kull ġens biex il-bnedmin jgħixu ħajja iktar fl-ordni u b’hekk il-ġid tad-dinja jintlaħaq bejn kulħadd. Nitolbu
3. Tinsiex, Mulej, lil dawk li qed ibatu l-persekuzzjoni minħabba l-fidi tagħhom u agħtihom il-kuraġġ biex jibqgħu jafdaw fik. Nitolbu
4. Ħenn għalina, Mulej, meta nonqsuk bid-dgħufijiet tagħna, filwaqt li nitolbuk biex tgħinna biex bħall-mara Kangħanija xorta nibqgħu insejħulek kuljum fl-inżul u t-tlugħ tal-ħajja tagħna. Nitolbu
V Mulej, aħna nafu li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn, għalhekk nitolbuk biex tkabbar il-fidi tagħna fik u biex b’hekk inkomplu nkunu xhieda tiegħek. Bi Kristu Sidna