Evanġelizzazzjoni Ġdida – X’inhi?

F’Ottubru 2012, fil-Vatikan se jiltaqgħu isqfijiet minn madwar id-dinja sabiex flimkien jiddiskutu t-tema tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Nisranija.  Bħal ma ġara fl-Assembleji tas-Sinodu tal-Isqfijiet passati, din id-darba wkoll, il-Konferenza Episkopali Maltija se tkun rappreżentata minn wieħed mill-Isqfijiet Maltin. Peress li fl-aħħar Sinodu dak tal-2008 dwar il-Kelma ta’ Alla kien ħa sehem l-Arċisqof Pawlu Cremona, allura huwa probabli li din id-darba jkun l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech li jirrapreżenta liż-żewġ djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex.

Sena ilu,  eżattament fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Papa Benedittu XVI ippublika Motu Propju; dokument uffiċċjali li bih waqqaf Kunsill Pontifiċju għall-promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida.

Fit-2 ta’ Frar ta’ din is-sena, is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, l-Arċisqof Nikola Eterović, ippublika l-linji-gwida, magħrufa uffiċċjalment bħala Lineamenta, li fuqhom se titmexxa d-diskussjni ta’ l-Isqfijiet f’dan is-Sinodu. F’dawn il-linji-gwida, insibu numru ta’ mistoqsijiet, imqassma wara kull kapitlu, li kif naqraw fl-istess dokument huma maħsuba biex iqajjmu diskussjoni f’kull livell tal-Knisja.

Naħseb li l-maġġoranza kbira ta’ Kattoliċi Maltin, il-frażi, “Evanġelizzazzjoni Ġdida” ma semgħuha qatt.  Fost oħrajn illum donnu li din qed issir bħal, buzz word, li bħal ma jiġri f’bosta oqsma oħra tal-moda, tibda tintuża biex wieħed forsi juri kemm huwa aġġornat. Imma kemm nafu tassew x’riedu jfissru l-aħħar Papiet, (Pawlu VI, Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI) b’din il-frażi, għandi dubji serji.  Niddubita wkoll jekk ir-riflessjoni u diskussjoni dwar din it-tema, bdietx bis-serjetà fil-parroċċi, fl-għaqdiet jew  movimenti u f’livelli oħra tal-Knisja f’pajjiżna.

Is-Segretarjat għal-Lajċi u l-Forum ta’ Għaqdiet u Moviment, ħadu numru ta’ inizjattivi biex iħajjru  tibda jew tikber din id-diskussjoni f’kull livell tal-Knisja, imma b’mod partikolari fostna il-lajci nsara.

  1. Slitna d-domandi preżentati fil-Lineamenta tal-Vatikan u qed nippreżentawhom bil-Malti, ħalli b’hekk niffaċilitaw id-diskussjoni fl-organi kollha parrokkjali u fl-għaqdiet.  Dawn tista’ ssibhom billi tmur fuq dan is-sit provdut hawnhekk… > http://www.laikos.org/Domandi_Lineamenta_Evangelizazzjoni.htm
  2. Ġbarna u se nkomplu niġbru lista ta’ dokument uffiċċajli u kitbiet oħra li jistgħu jgħinu biex nikbru fl-għarfien sewwa ta’ x’inhi tassew l-Evanġeliżazzjoni Ġdida u liema huma l-prijoritajiet tagħha b’mod partikolari f’pajjiżna.  Dawn tista ssibhom minn hawn… > http://www.laikos.org/Evangelizazzjoni_Gdida.htm
  3. Qegħdin ukoll nipprovdu din il-paġna fil-blog tal-Laikos biex kull min huwa tassew interessat, iħalli l-kummenti u s-suġgerimenti tiegħu.  Dawn aħna nkunu nistgħu ukoll ngħadduhom lill-Isqfijiet Maltin ħalli lilhom ukoll jistgħu jgħinuhom fit-tmexxija pastorali tal-Knisja f’pajjiżna.

Bl-għajnuna ta’ Alla, hemm maħsuba numru ta’ inizjattivi oħra.  Imma sa dakinhar li dawn jiġu finalizzati u nkunu nistgħu nħabbruhom, nixtiequ nistednuk tiktbilna l-kummenti u s-suġgerimenti tiegħek dwar din it-tema tant importanti għall-Knisja fiż-żminijietna llum.

Għidilna  x’tfisser għalik l-Evanġelizzazzjoni Ġdida u x’taħseb li għandhom ikunu il-prijoritajiet tagħha fil-kuntest lokali.