75. Id-Djakni huma msejjħa għal Hajja ta’ Qdusija.

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 20/10/1993.

1. Fost it-temi bażiċi tal-katekeżi dwar id-djakonat, hija mportanti u attraenti b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-ispirtu tad-djakonat, li tmiss u tinvolvi dawk kollha li jirċievu dan is-sagrament biex jeżerċitaw l-funzjonijiet skont dimensjoni evanġelika.

Din hija t-triq li twassal għall-perfezzjoni nisranija lill-ministri tagħha u tippermettilhom jirrendu servizz (djakonija) tassew effikaċi fil-Knisja, “bl-iskop li jinbena il-Ġisem ta’ Kristu” (Ef 4, 12).

Titqanqal minn hawn l-ispiritwalità djakonali, li għandha s-sors tagħha f’dik li l-Konċilju Vatikan II isejjaħ “grazzja sagramentali tad-djakonat” (Ad Gentes,  16). Barra li hija għajnuna prezzjuża fit-twettiq tal-funzjonijiet varji, hija taffettwa b’mod profond fil-karattru tad-Djaknu waqt li timpenjah għall-offerta, għad-donazzjoni tal-persuna kollha għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla fil-Knisja. Kif inhu ndikat mit-terminu nnifsu tad-djakonat, dak li jikkaratterizza mill-qrib l-ħass u x-xewqa ta’ min jirċievi s-sagrament huwa l-ispiritu ta’ servizz. Bid-djakonat hemm tendenza li dak li jkun iwettaq dak li Ġesù ddikjara fir-rigward tal-missjoni tiegħu: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mk 10, 45; Mt 20, 28).

Bla ebda dubju Ġesù kien indirizza dan il-kliem lit-Tnax, li huwa kien iddestina għas-saċerdozju, biex iġegħlhom jifhmu li, ukoll jekk armati bl-awtorità mogħtija minnu, huma kellhom iġibu ruħhom bħalu, bħala qaddejja. It-twissija, mela, tgħodd għall-ministri kollha ta’ Kristu; hija, madankollu, għandha sinifikat partikolari għad-Djakni, li għalihom, bis-saħħa tal-ordinazzjoni, l-aċċent huwa mqiegħed b’mod espress fuq dan is-servizz. Huma, li ma jiddisponux mill-awtorità pastorali tas-Saċerdoti, huma partikolarment iddestinati biex juru, fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom kollha, l-intenzjoni li jaqdu. Jekk il-ministeru tagħhom huwa koerenti ma’ dan l-ispirtu, huma jwiegħdu maġġorment fid-dawl dik il-parti tal-wiċċ ta’ Kristu: is-servizz. Il-fatt li jkunu mhux biss “qaddejja ta’ Alla”, imma wkoll ta’ ħuthom.

2. Dan huwa tagħlim ta’ ħajja spiritwali ta’ oriġni evanġelika, mgħoddija fl-ewwel tradizzjoni nisranija bħal ma jikkonferma dak it-test antik li jġib l-isem ta’ “Tagħrif tal-Appostli” (sec. III). Id-Djakni huma mħeġġa biex jispiraw ruħhom mill-episodju evanġeliku tal-ħasil tar-riġlejn: “La darba l-Mulej għamel dan, – hemm miktub – intom Djakni la taħsbuhiex li tagħmluh għal dawk li huma morda u batuti, għaliex intom ħaddiema tal-verità, imlibbsa bl-eżempju ta’ Kristu” (XVI, 36: ed. Connolly, 1904, p. 151). Id-djakonat jimpenja għas-segwitu ta’ Ġesù f’dan l-atteġġjament ta’ servizz umli li ma jesprimix ruħu biss fl-opri ta’ karità, imma jinvesti u jimmudella l-mod kollu tal-ħsieb u tal-aġir.

F’din il-prospettiva wieħed jifhem il-kondizzjoni stipulata mid-dokument Sacrum Diaconatus Ordinem għall-ammissjoni taż-żgħażagħ għall-formazzjoni djakonali: Ikunu aċċettati għat-taħriġ djakonali biss dawk iż-żgħażagħ li jkunu wrew inklinazzjonijiet naturali tal-ispirtu tas-servizz, tal-ġerarkija sagra u tal-komunità nisranija” (n. 8: Ench. Vat., II, 1378). L-“inklinazzjoni naturali” m’għandhiex tiftiehem fis-sens ta’ spontanjetà sempliċi tad-dispożizzjonijiet naturali, għalkemm ukoll din hija assunzjoni li wieħed għandu jagħti kasha. Din hija inklinazzjoni tan-natura animata mill-grazzja, bi spirtu ta’ servizz li jadatta l-imġieba umana ma’ dik ta’ Kristu. Is-sagrament tad-djakonat jiżviluppa din l-inklinazzjoni: jirrendi s-suġġett parteċipi b’mod iktar intimu tal-ispirtu ta’ servizz ta’ Kristu, jippenetra r-rieda bi grazzja speċjali, waqt li jagħmel iva li hu, f’imġiebtu kollha, ikun animat minn inklinazzjoni ġdida għas-servizz tal-aħwa.

Dan huwa servizz li għandu jingħata qabel kollox f’forma ta’ għajnuna lill-Isqof u lill-Presbiteru, kemm bħala kult liturġiku kif ukoll fl-apostolat. Huwa ġustament meħtieġ li wieħed, hawn, josserva, li min kien dominat minn mentalità ta’ kontestazzjoni, jew ta’ oppożizzjoni għall-awtorità ma jistax iwettaq b’mod adegwat għall-funzjonijiet djakonali. Id-djakonat ma jistax ikun mogħti għajr lil dawk li jemmnu fil-valur tal-missjoni pastorali tal-Isqof u tal-Presbiteru, u għall-assistenza tal-Ispirtu Santu li jiggwidahom fl-attività tagħhom u fid-deċiżjonijiet tagħhom. B’mod partikolari nerġgħu nirrepetu li d-Djaknu għandu “jipprofessa lill-Isqof qima u ubbidjenza” (Ivi, 30: Ench. Vat., II, 1400).

Imma s-servizz tad-Djaknu huwa ndirizzat, imbagħad, ħalgl-komunità nisranija tiegħu u għall-Knisja kollha, li għaliha ma jistax ma jrabbix attakkament profond minħabba l-missjoni tiegħu u l-istituzzjoni divina tiegħu.

3. Il-Konċilju Vatikan II jitkellem ukoll dwar id-dmirijiet u l-obbligi li d-Djakni jassumu bis-saħħa ta’ sehem propju fil-missjoni u fil-grazzja tas-saċerdozju suprem: huma “waqt li jaqdu fil-misteri ta’ Kristu u tal-Knisja, għandhom iżommu ruħhom puri minn kull vizzju u pjaċir għal Alla u jistudjaw, li jagħmlu kull ġeneru ta’ opri tajba quddiem il-bnedmin (cf. 1 Tm 3, 8-10. 12-13)” (Lumen Gentium, 41). Huwa, mela, dan tagħhom, dmir ta’ xhieda, li jinvesti mhux biss is-servizz u l-apostolat tagħhom, imma ħajjithom kollha.

Dwar din ir-responsabiltà u dwar l-obbligi li hija tinvolvi, jiġbed l-attenzjoni Pawlu VI fid-dokument diġa kkwotat Sacrum Diaconatus Ordinem: “Id-Djakni, bħal dawk li jiddedikaw lilhom infushom għall-misteri ta’ Kristu u tal-Knisja, jastjenu minn kull abitudni ħażina u jipprovdu li jkunu dejjem iktar denji lejn Alla, “lesti għal kwalunkwè opra tajba” għall-fidwa tal-bnedmin. Minħabba, mela, l-Ordni Sagri riċevut, huma għandhom jissuperaw bil-kbir lill-oħrajn kollha fil-prattika tal-ħajja liturġika, fl-imħabba għat-talb, fis-servizz divin, fl-eżerċizzju tal-ubbidjenza, fil-karità u fil-kastita” (n. 25: Ench. Vat., II, 1395).

B’mod partikolari, fejn tidħol il-kastità, iż-żgħażagħ li ġew ordnati Djakni jimpenjaw ruħhom biex jikkonservaw iċ-ċelibat u jgħaddu ħajja f’għaqda iktar intensa ma’ Kristu. F’dan iż-żmien, ukoll dawk li huma l-iktar anzjani, “bl-ordinazzjoni riċevuta…m’għandhomx jiżżewġu minħabba d-dixxiplina ekkleżjastika tradizzjonali” (Ivi., 16: Ench. Vat., II, 1386).

4. Biex dak li jkun jissodisfa dawn l-obbligi u, ukoll b’mod iktar profond, biex iwieġeb għall-esiġenzi tal-ispirtu tad-djakonat bil-għajnuna tal-grazzja sagramentali, hija mitluba prattika tal-eżerċizzji tal-ħajja spiritwali, li l-Ittra apostolika ta’ Pawlu VI tesprimi hekk: 1) jiddedikaw ruħhom b’mod regolari għall-qari u għall-meditazzjoni intima tal-kelma ta’ Alla; 2) spiss, jew ukoll kuljum jieħdu sehem b’mod attiv għas-sagrifiċċju tal-Quddiesa, irejqu lilhom infushom spiritwalment regolari bis-sagrament tal-Ewkaristija Mqaddsa u lilu b’mod devot jinvistaw; 3) jippurifikaw ruħhom frekwentement bis-sagrament tal-Penitenza u, bl-iskop li jirċevuh b’mod iktar dehen, kuljum jeżaminaw il-kuxjenza tagħhom;  4) b’eżerċizzju intens ta’ ħniena filjali iqimu u jħobbu lill-Verġni Marija, Omm Alla (cf. Ivi, 26: Ench. Vat., II, 1396).

“Hija ħaġa konvenjenti ħafna li d-djakni maħtura b’mod stabbli jirreċitaw kuljum talinqas parti mill-Uffiċċju divin, li għandha tkun stabbilita mill-Konferenza episkopali” (Ivi, 27: Ench. Vat., II, 1397). – l-istess Konferenzi Episkopali għandhom id-dmir li jistabilixxu  normi iktar partikolari għall-ħajja tad-Djakni, skont il-kondizzjonijiet tal-postijiet u taż-żminijiet..

Fl-aħħarnett, għal min jirċievi d-djakonat hemm obbligu ta’ formazzjoni dutrinali permanenti, li jipperfezzjona u jattwalizza dejjem iktar dik mitluba qabel l-ordinazzjoni: “Id-Djakni ma jwaqqfux l-istudji, b’mod partikolari dawk sagri; jaqraw b’mod regolari l-kotba divini tal-Iskrittura; jiddedikaw ruħhom għall-fehim tad-dixxiplini ekkleżjastiċi b’mod li jistgħu b’mod rett jesponu għall-oħrajn d-dutrina kattolika u jsiru dejjem iktar kapaċi li jgħallmu u jqawwu l-erwieħ tal-fidili. Għal tali skop, id-djakni huma mistiedna biex jieħdu sehem f’laqgħat perjodiċi li fihom jiġu ffaċċjati u ttrattati problemi marbuta ma’ ħajjithom u mal-ministeru sagru” (Ivi, 29: Ench. Vat., II, 1399).

5. Il-katekeżi dwar id-djakonat, li ridt niżvolġi biex niddisinja l-kwadru sħiħ tal-ġerarkija ekkleżjastika, tenfasizza mela dak li f’din l-Ordni, bħal f’dawk tal-Presbiterjat u tal-Episkopat, hija tal-ogħla mportanza: parteċipazzjoni spiritwali speċifika fis-Saċerdozju ta’ Kristu u l-impenn tal-ħajja fil-konformità miegħu taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu. Ma nistax nikkonkludi mingħajr ma nfakkar li d-Djakni wkoll, bħall-Presbiteri u l-Isqfijiet, impenjati fit-triq tas-servizz fis-seġwitu ta’ Kristu, huma assoċjati iktar b’mod speċjali mas-Sagrifiċċju feddej, skont il-massima fformulata minn Ġesù fid-diskors lit-Tnax ta’ Bin il-bniedem, li ġie biex “jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mk 10, 45). Id-Djakni huma mela msejħa biex jieħdu sehem fil-misteru tas-Salib, biex jaqsmu it-tbatijiet tal-Knisja, biex isofru l-ostilità li tolqotha, f’għaqda ma’ Kristu Redentur. Huwa dan l-aspett doloruż tas-servizz djakonali, huwa dan li jirrendih iktar fertili.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading