74. Id-Djaknu għandu ħafna funzjonijiet pastorali.


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 13/10/1993.

1. Il-Konċilju Vatikan II jiddetermina il-post li, fil-linja tat-tradizzjoni l-iktar antika, jokkupaw id-Djakni fil-ġerarkija ministerjali tal-Knisja: “Fi grad inferjuri tal-ġerarkija hemm id-Djakni, li fuqhom ġew imqiegħda l-idejn “mhux għas-saċerdozju, imma għal ministeru”.

Infatti sostnuti mill-grazzja sagramentali fil-ministeru tal-liturġija tal-predikazzjoni u tal-karità, jaqdu lill-poplu ta’ Alla, f’komunjoni mal-Isqof u l-presbiterju tiegħu” (Lumen Gentium, 29). Il-formula “mhux għas-saċerdozju, imma għal ministeru” hija meħuda minn test tat-Traditio apostolica ta’ Ippolito, imma l-Konċilju jqiegħdha fuq orizzont iktar wiesà.  F’dan it-test antik, il-“ministeru” jiġi ppreċiżat bħala “servizz tal-Isqof”; il-Konċilju jimponi l-aċċent fuq is-servizz tal-poplu ta’ Alla. Infatti diġa dan is-sinifikat fundamentali tas-servizz djakonali kien ġie stabbilit fil-bidu minn San Injazju ta’ Antijokja, li kien sejjaħ lid-Djakni “ministri tal-Knisja ta’ Alla”, waqt li wissa li għal dan il-mottiv kienu obbligati li jigħġbu lil kulħadd (cf. Ad Tral., 2, 3). Barra minn awżiljarju tal-Isqof, matul is-sekli d-Djaknu kien meqjus għas-servizz ukoll tal-komunità nisranija.

2. Biex ikunu aċċettati li jiżvolġu l-funzjonijiet tagħhom, id-Djakni jirċievu, qabel l-Ordinazzjoni, il-ministeri ta’ lettore u ta’ accolito. Il-konferiment ta’ dawn iż-żewġ ministeri juri orjentament essenzjali doppju fil-funzjonijiet djakonali, bħal ma tispjega l-Ittra apostolika Ad Pascendum ta’ Pawlu VI (1972): “B’mod partikolari ikun aħjar li l-ministeri ta’ lettur u ta’ akkoltu jkunu afdati lil dawk li, bħala kandidati għall-Ordni tad-djakonat u tal-presbiterjat, jixtiequ jikkonsagraw ruħhom b’mod speċjali lil Alla u lill-Knisja. Din infatti, propju għaliex “qatt ma tieqaf titma lilha nfisha bil-ħobż tal-ħajja tal-mejda kemm tal-kelma ta’ Alla kif ukoll tal-ġisem ta’ Kristu, u li tipproponih lill-fidili”, tqis ferm opportun li l-kandidati għall-Ordni Sagri, kemm bl-istudju kif ukoll bl-eżerċizzju gradwat tal-ministeru tal-kelma u tal-altar, jafu u jimmeditaw għal kuntatt intimu dan l-aspett doppju tal-funzjoni saċerdotali” (Ench. Vat., IV, 1781). Dan l-orjentament jgħodd mhux biss għall-funzjoni saċerdotali, imma wkoll għal dik djakonali.

3. Hemm bżonn niftakru li, qabel il-Konċilju Vatikan II, il-lettorat u l-akkolitat kienu meqjusa bħala Ordnijiet minuri. Diġa fis-sena 252 il-Papa Kornelju, f’ittra lil Isqof, kien indika sebà gradi fil-Knisja ta’ Ruma (cf. Eusebio, Hist. Eccl., VI, 43: PG 20, 622): saċerdoti, djakni, suddjakni, akkolti, eżorċisti, letturi u ostjarji. Fit-tradizzjoni tal-Knisja latina kienu aċċettati tliet ordnijiet maġġuri: saċrtdozju, djakonat u suddjakonat; u erbà ordnijiet minuri: akkolitat, eżorċistat, lettorat u ostjarjat. Kien ordinament tal-istruttura ekkleżjastika dovut għall-bżonnijiet tal-komunitajiet insara tul is-sekli u deċiż mill-awtorità tal-Knisja.

Bir-ristabiliment tad-djakonat permanenti, din l-istruttura ġiet mibdula u għal dak li jirrigwarda l-qasam sagramentali, miġjuba mill-ġdid għal tliet Ordnijiet ta’ istituzzjoni divina: djakonat, presbitarjat, Episkopat. Infatti Pawlu VI, fl-Ittra apostolika tiegħu dwar il-ministeri tal-Knisja latina (1972), neħħa – minbarra t-“tonsura”, li kienet turi d-dħul fl-istat klerikali – is-suddjakonat li l-funzjonijiet tiegħu ġew mgħoddija lil-lettur u lill-akkoltu. Żamm il-lettorat u l-akkolitat, imma meqjusin mhux iktar bħala Ordini, imma bħala ministeri, u mogħtija mhux bħala “ordinazzjoni”, imma bħala “istituzzjoni”. Dawn il-ministri għandhom ikunu rċevuti mill-kandidati għad-djakonat u għall-presbiterjat, imma huma wkoll aċcessibli għal-lajċi li fil-Knisja jridu jassumu l-impenji biss li għalihom jikkorrispondu: il-lettorato, bħala uffiċċju tal-qari tal-Kelma ta’ Alla fl-assemblea liturġika, bl-eċċezzjoni tal-Vanġelu, u li jassumu xi funzjonijiet (bħat-tmexxija tal-kant, it-tagħlim tal-fidili); u l-akkolitat, mwaqqaf biex jgħin lid-Djaknu u biex jagħmilha ta’ ministru għas-Saċerdot (cf. Ministeria quaedam, V, VI: Ench. Vat., IV, 1762-1763).

4. Il-Konċilju Vatikan II jelenka l-funzjonijiet liturġiċi u pastorali tad-Djaknu: “Jamministra b’mod solenni l-Magħmudija, iżomm u jqassam l-Ewkaristija, jassisti u jbierek f’isem il-Knisja iż-Żwieġ, iwassal il-Vjatku lill-moribondi, jaqra l-Iskrittura Mqaddsa lill-Fidili, jgħallem u jħeġġeġ lill-poplu, jippresiedi fil-kult u fit-talb tal-fidili, jamministra s-sagramentali, jiddirieġi r-rit funebri u tad-difna” (LG 29).

Il-Papa Pawlu VI, fis- Sacrum Diaconatus Ordinem (n. 22, 10): Ench. Vat., II, 1392), ukoll iddispona li d-Djaknu jistà “jiggwida b’mod leġittimu, f’isem il-kappillan jew l-Isqof, l-komunitajiet insara mitlufa”. Din hija funzjoni missjunarja li tiżvolġi fit-territorji, fl-ambjenti, fl-istrati soċjali, fil-gruppi, fejn jonqos jew ma jkunx disponibbli b’mod faċli l-Presbiteru. Speċjalment fil-postijiet fejn mhu disponibbli ebda Saċerdot biex jiċċelebra l-Ewkaristija, id-Djaknu jlaqqà mill-ġdid u jmexxi l-komunità f’ċelebrazzjoni tal-Kelma bid-distribuzzjoni tal-Ispeċi Sagri, ikkonservati b’mod xieraq. Din hija funzjoni ta’ supplenza li d-Djaknu jiżvolġi b’mandat ekkleżjali meta jkun meħtieġ minħabba nuqqas ta’ Saċerdoti. Imma din is-supplenza, li ma tistà tkun qatt sostitwita b’mod sħiħ, issejjaħ mill-ġdid, lill-komunitajiet nieqsa mis-saċerdoti, għall-urġenza tat-talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali u li jagħmlu kull sforz biex jiffavorixxuhom bħala ġid komuni għall-Knisja u għalihom stess. Id-Djaknu wkoll għandu jippromwovi dan it-talb.

5. Dejjem skont il-Konċilju, il-funzjonijiet mogħtija lid-Djaknu ma jistgħux inaqqsu l-irwol tal-lajċi msejħa u disposti li jikkollaboraw mal-ġerarkija fl-apostolat. Anzi, fost id-dmirijiet tad-Djaknu hemm dak li “jippromwovi u jsostni l-attivitajiet apostoliċi tal-lajċi”. Ladarba preżenti u mdaħħal iktar mis-Saċerdot fl-oqsma u fl-istrutturi sekolari, huwa għandu jħossu nkoraġġit biex jiffavorixxi l-avviċinament bejn il-ministeru ordnat u l-attivitajiet tal-lajċi, fis-servizz komuni tas-Saltna ta’ Alla.

Funzjoni oħra tad-Djakni hija dik karitattiva, li tinvolvi wkoll servizz opportun fl-amministrazzjoni tal-ġid u tal-opri ta’ karità tal-Knisja. Id-Djakni għandhom f’dan il-qasam l-funzjoni li “jeżerċitaw f’isem il-ġerarkija, id-dmirijiet tal-karità u tal-amministrazzjoni, kif ukoll l-opri ta’ servizz soċjali” (Pawlu VI, Sacrum Diaconatus Ordinem, 22, 9): Ench. Vat., II, 1392).

F’dan ir-rigward il-Konċilju jindirizzalhom rakkomandazzjoni li tirriżulta mill-iktar tradizzjoni antika tal-komunitajiet Ewropej: “Waqt li huma ddedikati għall-uffiċċji ta’ karità u ta’ assistenza, id-djakni għandhom jiftakru t-twissija ta’ San Polikarpu: «kollhom ħniena, attivi, mexxejja fil-verità tal-Mulej, li għamel lilu nnifsu qaddej ta’ kulħadd »” (Lumen Gentium, 29; cf. Ad Phil., 5,2, ed. Funk, I, p. 300).

6. Dejjem skont il-Konċilju, id-djakonat donnu b’mod partikolari utli fil-Knejjes żgħażagħ. Għalhekk id-digriet Ad gentes jistabilixxi: “Hemm fejn il-Konferenzi Episkopali iqisuh opportun, jirristawraw l-Ordni djakonali bħala stat permanenti, skont il-kostituzzjoni “dwar il-Knisja”. Huwa tajjeb, li rġiel, li fil-fatt jeżerċitaw il-ministeru tad-Djaknu, jew għaliex bħala katekisti jippridkaw il-Kelma ta’ Alla, jew għaliex f’isem il-kappillan jew l-Isqof huma kapijiet ta komunitajiet insara imbegħda, jew għaliex jeżerċitaw il-karità tagħhom permezz appuntu ta’ opri soċjali u karitattivi, jkunu  kkonfermati u stabilizzati permezz tat-tqegħid tal-idejn, li hija tradizzjoni apostolika, u jkunu marbutin b’mod sod mal-altar biex ikunu jistgħu iwettqu b’mod iktar profitabbli l-ministeru tagħhom bl-għajnuna tal-grazzja sagramentali tad-djakonat” (Ad Gentes, 16).

Huwa magħruf li fejn l-azzjoni missjunarja waqqfet komunitajiet insara ġodda,il-katekisti jiżvolġu spiss irwol essenzjali. F’bosta postijiet huma huma li janimaw il-komunità, jgħallmuha, iwassluha biex titlob. L-Ordni tad-djakonat tistà tikkonfermahom fil-missjoni li jwettqu, permezz ta’ konsagrazzjoni iktar uffiċjali u mandat mogħti b’mod iktar espress tal-awtorità tal-Knisja bl-għoti ta’ sagrament, li fih, minbarra s-sehem fis-sors ta’ kull apostolat, li huwa l-grazzja ta’ Kristu Feddej, msawba fil-Knisja mill-Ispirtu Santu, jirċievi karattru li ma jitħassarx li  jikkostitwixxi b’mod speċjali lin-nisrani lil Kristu, “li sar “Djaknu”, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd” (CCC 1570).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb