Il-Papa f’Santa Marta: Mit-tgergir għat-tama

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 3 ta’ April 2013: ‘It-tgergir jagħmel ħażin għall-qalb. Huwa kattiv, u mhux biss dak kontra l-oħrajn imma wkoll dak kontra tagħna nfusna, meta kollox jidhrilna morr.’ B’dawn il-konsiderazzjonijiet fuq il-ħajja ta’ kuljum il-Papa Franġisku għamel attwali l-episodju tad-dixxipli ta’ Emmaws, irrakkontat mill-evanġelista Luqa (24, 13-35), waqt l-omelija ta’ nhar l-Erbgħa, 3 ta’ April 2013, waqt il-quddiesa tas-soltu fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, li għaliha attendew id-dipendenti tad-Domus Romana Sacerdotalis.

Fil-kumment tiegħu dwar l-Evanġelju, il-Papa waqaf fuq it-taħwid tad-dixxipli minħabba l-mewt tal-Imgħallem sal-punt li ħasbu li kien ikun aħjar li jitilqu mill-belt. Imma, imsejknin, kienu jitkellmu dejjem dwar dan, le? U kienu jgergru. Wieħed jista’ jgħid li dan kien ftit jew wisq il-jum tat-tgergir. Imma dawn id-diskorsi ma kienu jġagħluhom jagħmlu xejn iktar milli jingħalqu fihom infushom. U f’qalbhom kienu jaħsbu: ‘Kellna tant tama, imma issa falla kollox.’ U f’din is-sitwazzjoni, qal il-Qdusija Tiegħu, kienu jsajru ħajjithom fil-meraq tat-tgergir tagħhom, u baqgħu sejrin hekk. 

Minn hawn ir-riferiment għalina lkoll. Il-Papa kompla li hu jaħseb li, bosta drabi, aħna wkoll, meta jseħħu affarijiet diffiċli, ukoll meta jżurna s-salib, ngħaddu minn dan il-periklu li ningħalqu fit-tgergir. B’danakollu, ukoll f’dak il-waqt, il-Mulej jinsab qribna, imma ma nagħrfuhx. Jimxi flimkien magħna, imma ma nagħrfuhx. Ikellimna wkoll, u aħna ma nisimgħuhx. It-tgergir ikun għalina bħal sikurezza. Din hija l-verità tiegħi, il-falliment, m’hemmx iktar tama. U b’dawn il-ħsibijiet komplew ukoll jimxu d-dixxipli. U Ġesù x’għamel? Ħa paċenzja bihom. L-ewwel jismagħhom, imbagħad jispjegalhom bil-mod. U mbagħad, fl-aħħar, jidhrilhom.

Ġesù, żied il-Papa, jagħmel hekk magħna. Ukoll fl-iktar ħinijiet mudlama, hu dejjem magħna, jimxi magħna. U fl-aħhar iħallina naraw il-preżenza tiegħu. Waqt li reġa’ lura lejn it-tgergir, li hu kattiv għaliex jeqirdilna t-tama, il-Papa Franġisku ħeġġeġ biex ma nidħlux f’dan il-logħob li ngħixu bit-tgergir għaliex il-preżenza tal-Mulej saret evidenti meta qasam il-ħobż u d-dixxipli setgħu jaraw il-pjagi, imbagħad hu għab. Hemm bżonn li jkollna tama u fiduċja f’Alla li jakkumpanjana dejjem fil-mixja tagħna, ukoll fl-iktar sigħat mudlama.

Għalhekk, ikkonkluda l-Papa, għandna nkunu sikuri li l-Mulej ma jitlaqna qatt.  Hu dejjem magħna, anke fil-mumenti diffiċli. U ma nfittxux kenn fit-tgergir: dan jagħmel ħażin lill-qalb.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: