Il-Ġimgħa, 14 ta’ Frar 2014: In-Nisrani qatt mhu wieqaf imma dejjem miexi biex jasal qabel id-diffikultà, afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Fl-okkażjoni tal-festa tal-qaddisin patruni tal-Ewropa Ċirillu u Metodju, il-Qdusija Tiegħu ddeskriva l-identità tad-dixxiplu u wissa li l-Evanġelju għandu jitħabbar bil-ferħ għax bit-tgergir mhux se nagħmlu xi pjaċir lill-Mulej. Il-Papa wissa wkoll li għandna nirreżistu t-tentazzjoni li qalb l-ilpup insiru lpup aħna wkoll.
Kif għandu jkun id-dixxiplu ta’ Ġesù? Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-figuri ta’ Ċirillu u Metodju biex jispjega l-identità tan-Nisrani. Hu u jikkummenta l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli qal minnufih li n-Nisrani hu ‘mibgħut’. Ġesù jibgħat lid-dixxipli tiegħu u jistedinhom jibqgħu mexjin ‘il quddiem. Dan ifisser, osserva l-Papa, li n-Nisrani hu dixxiplu ta’ Kristu f’mixja, mixja li tieħdu dejjem ‘il quddiem.
Ma nistgħux nimmaġinaw Nisrani statiku għax in-Nisrani wieqaf ikun marid, ikollu xi marda fl-identità nisranija tiegħu. In-Nisrani hu dixxiplu miexi, dejjem għaddej. Imma fl-aħħar, il-Mulej (smajnieh dan fis-salm) jibgħat: ‘Morru fid-dinja kollha ħabbru l-Evanġelju.’ Morru. Imxu. Hekk hu: l-ewwel atteġġjament tal-identità nisranija hi l-mixja. Mixja: anke jekk tiltaqa’ mad-diffikultajiet, tmur lil hinn minnhom.
Dan hu dak li ġralu Pawlu f’Antjokja tal-Pisidja, fejn kien hemm diffikultà mal-komunità Lhudija u għalhekk marru l-pagani. Ġesù, fakkar il-Papa, għamel stedina biex immorru f’salib it-toroq u nistiednu lil kulħadd, lit-tajbin u lill-ħżiena. Hekk jgħid l-Evanġelju, tenna Franġisku: anke lill-ħżiena! Kulħadd! Għalhekk in-Nisrani jimxi u jekk jiltaqa’ mad-diffikultajiet, imur lil hinn minnhom biex iħabbar li s-Saltna t’Alla hi fil-qrib.
It-tieni aspett tal-identità tan-Nisrani, żied jgħid Franġisku, hi li n-Nisrani jrid jibqa’ dejjem ħaruf. In-Nisrani, reġa’ saħaq il-Papa, huwa ħaruf u għandu jżomm din l-identità. Il-Mulej jibgħatna bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Imma xi ħadd jista’ jissuġġerixxi li nużaw il-forza kontriehom. Naħsbu f’David, osserva l-Papa, meta kellu jitqabad mal-Filistew, riedu jlibbsuh bl-armaturi kollha ta’ Sawl u ma setax jiċċaqlaq. B’hekk, spjega Franġisku, ma baqax hu, ma baqax it-tfajjel umli, is-sempliċi David. Fl-aħħar qabad l-iżbandola u rebaħ il-battalja.
Bħall-ħrief… ma nsirux ilpup… għax kultant it-tentazzjoni tkun li naħsbu: ‘imma dan diffiċli, dawn l-ilpup moħħhom jilħqilhom u jien se nkun makakk aktar minnhom,’ eh? Ħaruf. Mhux iblah, imma ħaruf. Ħaruf. Bl-intelliġenza ta’ Nisrani imma ħaruf. U għax int il-ħaruf , Hu jiddefendik. Imma jekk inti tħossok qawwi daqs il-lupu, Hu ma jiddefendikx, iħallik waħdek u l-ilpup jikluk ħaj.
It-tielet aspett ta’ din l-identità hu l-istil tan-Nisrani, jiġifieri l-ferħ. L-Insara, afferma l-Papa, huma persuni li jifirħu għax jafu lill-Mulej u jwassluh. U, wissa Franġisku, in-Nisrani ma jistax jimxi mingħajr ferħ, ma jistax jimxi bħal ħaruf mingħajr ferħ. Anke fil-problemi, fid-diffikultajiet, fl-iżbalji u d-dnubiet, hemm dejjem il-ferħ ta’ Ġesù li jaħfer u jgħin. Allura l-Evanġelju għandu jibqa’ miexi ‘l quddiem imwassal minn dawn il-ħrief mibgħuta mill-Mulej li dejjem miexi, bil-ferħ.
L-Insara li r-ritmu tagħhom hu bil-mod u qerriedi, li jgħixu dejjem hekk, igergru dwar kollox u bil-geddum, ma jagħmlu ebda pjaċir la lill-Mulej u lanqas lill-Knisja. Dan mhux l-istil tad-dixxiplu. Lill-Insara Santu Wistin jgħidilhom: ‘Mur, imxi, kanta u imxi!’ Bil-ferħ: dan hu l-istil tan-Nisrani, li jħabbar l-Evanġelju bil-ferħ. Il-Mulej imbagħad jagħmel kollox. Iżda l-ħafna gdiedem, anke l-qrusa jwassluna ngħixu dak li nsejħulu kristjaneżmu mingħajr Kristu. Is-Salib ineżża’ lill-Insara li hemm jibku quddiem il-qabar, bħall-Madalena, imma mneżżgħin mill-ferħ li sabu lill-Irxoxt.
Fil-festa taż-żewġ dixxipli nsara Ċirillu u Metodju, afferma mill-ġdid il-Papa Franġisku, il-Knisja tridna nirriflettu fuq l-identità nisranija. In-Nisrani, żied jgħid Franġisku, qatt ma jieqaf, hu bniedem dejjem miexi, dejjem jasal qabel id-diffikultajiet. U jimxi, tenna, bħal ħaruf. Mhux imkabbar bil-ħiliet tiegħu, hu bniedem li jimxi fil-ferħ.
Il-Mulej, temm il-Papa, bl-interċessjoni ta’ dawn iż-żewġ aħwa qaddisin, patruni tal-Ewropa, itina l-grazzja li ngħixu ta’ Nsara li jimxu bħall-ħrief u bil-ferħ.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta