Il-Ħamis, 13 ta’ Frar 2014: Bniedem li jemmen jista’ jitlef il-fidi minħabba l-passjonijiet u l-vanità, filwaqt li pagan jista’ jibda jemmen jekk ikun umli. Dan hu l-ħsieb ewlieni tal-omelija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
Il-qari tallum iġegħilna nirriflettu fuq żewġ mixjiet: mill-idolatrija lejn Alla l-ħaj u, bil-maqlub, minn Alla l-ħaj lejn l-idolatrija.
Il-meditazzjoni tal-Papa bdiet mill-qari tal-Evanġelju li fih naraw lil mara kuraġġuża, minn Kana, jiġifieri bniedma pagana, li titlob lil Ġesù jeħles lil bintha mix-xitan li hemm fiha. Hija omm iddisprata, ikkummenta l-Papa Franġisku, hija omm li għas-saħħa ta’ bintha tagħmel kollox. Ġesù jispjegalha li hu ġie l-ewwel u qabel kollox għan-nagħaġ tad-dar ta’ Iżrael u dan jgħidulha b’lingwaġġ iebes: ‘Ħalli l-ulied jixbgħu l-ewwel għax mhux sew li tieħu l-ħobż tal-ulied biex tagħtih lill-klieb.’
Dil-mara, li żgur ma kinitx marret l-università, kompla jgħid il-Papa, kienet taf twieġeb. U ma weġbitx bl-intelliġenza imma bit-tqanqil ta’ omm, bl-imħabba: ‘Imma anke l-klieb jieklu dak li jaqa’ minn fuq il-mejda: agħtini ftit minn dal-frak!’ Dil-mara, spjega l-Papa, ma stħatx u minħabba l-fidi tagħha Ġesù jagħmel il-miraklu li riedet.
Hi kienet irriskjat li taqta’ figura ħażina, imma baqgħet tinsisti, u mill-paganiżmu, mill-idolatrija, tat lura s-saħħa lil bintha u, personalment, sabet lil Alla l-ħaj. Din hi l-mixja ta’ persuna ta’ rieda tajba: min ifittex lil Alla, isibu. Il-Mulej iberikha. Dawn in-nies jagħmlu din il-mixja u l-Mulej jistenniehom! Imma hu l-Ispirtu s-Santu li jmexxihom f’din it-triq. Kuljum, fil-Knisja tal-Mulej ikun hemm nies li jagħmlu din il-mixja, fis-skiet, biex isibu lill-Mulej, li jħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxihom.
Iżda hemm ukoll mixja bil-maqlub ta’ dan, osserva Franġisku, dik ta’ Salamun kif naqraw fl-ewwel qari. Salamun kien l-aktar bniedem għaref tad-dinja, kien irċieva mingħand Alla barkiet kbar, kellu fama universali u setgħa sħiħa, kien jemmen f’Alla. Imma x’ġara? Kienu jogħġbuh in-nisa u kellu ħafna konkubini pagani li wassluh biex jgħawweġ it-triq u jimxi wara allat oħra. B’hekk hu daħħal l-idoli f’Iżrael. U dawn in-nisa, naqra naqra, dgħajfu l-qalb ta’ Salamun. Qalbu ma baqgħetx sħiħa mal-Mulej, bħall-qalb ta’ missieru David.
Qalbu ddgħajfet tant li tilef il-fidi. Tilef il-fidi. L-aktar bniedem għaref ħalla lilu nnifsu jitkaxkar minħabba mħabba zienja, ħalla lilu nnifsu jitmexxa mill-passjonijiet tiegħu. Imma, tgħiduli: ‘Padre, ma tilifx il-fidi; kien jemmen f’Alla u kien jaf il-Bibbja bl-amment!’ Minnu dan, imma li jkollok il-fidi ma jfissirx li tkun taf tgħid il-Kredu. Tista’ tgħid il-Kredu imma tkun tlift il-fidi.
Salamun, kompla l-Papa, kien midneb bħal missieru David. Imma baqa’ miexi u minn midneb inbidel u sar korrott. Qalbu kienet korrotta minħabba din l-idolatrija. Missieru kien midneb, imma l-Mulej ħafirlu dnubietu kollha għax kien umli u talab maħfra. Iżda Salamun, li kien tant għaref, inġarr mill-passjonijiet u l-korruzzjoni tiegħu. Għax hu proprju fil-qalb li bniedem jitlef il-fidi.
Iż-żerriegħa tal-ħażen tal-passjonijiet nibtet f’qalb Salamun u wasslitu għall-idolatrija. U smajna wkoll, wara l-ewwel qari, fl-Alleluja, dan il-parir sabiħ: ‘Ilqgħu l-Kelma bl-umiltà, bil-ħlewwa. Il-Kelma li nżergħet fikom tista’ twassalkom għas-salvazzjoni.’
Ejjew nagħmlu tagħna l-mixja tal-mara Kananea, dik il-mara pagana, u nilqgħu l-Kelma t’Alla li nżergħet fina u li se twassalna għas-salvazzjoni. Jalla l-Kelma qawwija ta’ Alla tħarisna f’din it-triq u ma tħallix li aħna naqgħu fil-korruzzjoni li tmexxina lejn l-idolatrija, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta