It-Tnejn, 17 ta’ Frar 2014: Il-mutur li jmexxi l-Knisja huwa l-paċenzja tal-poplu t’Alla li jissaporti bil-fidi l-provi tal-ħajja ta’ kuljum, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu fil-quddiesa li ppresjeda fid-Dar Santa Marta.
Il-paċenzja mhix rassenjazzjoni; hija xi ħaġa oħra. Il-Papa kien qed jikkummenta dwar l-ittra ta’ San Ġakbu fejn jgħid: ‘Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib.’ Qisha xi stedina biex nimteddu fuq sodda tal-imsiemer, osserva l-Papa, imma fil-fatt mhux hekk. Il-paċenzja tgħinna nissaportu l-provi, dawk l-affarijiet li diffiċli tissaportihom u li bihom timmatura ħajjitna.
Min m’għandux paċenzja jrid kollox mill-ewwel, malajr. Min hu nieqes minn dan l-għerf tal-paċenzja, enfasizza l-Papa, hu bniedem kapriċċuż bħat-tfal kapriċċużi. Dawn in-nies xejn ma jogħġobhom. Il-persuna li ma tiħux paċenzja, spjega Franġisku, hija persuna li ma tikbirx, li tibqa’ bil-kapriċċi tat-tfal, ma tafx tieħu l-ħajja kif tiġi: din jew xejn. Din hi tentazzjoni: li wieħed isir kapriċċuż.
Tentazzjoni oħra ta’ min m’għandux paċenzja, afferma l-Papa, hi l-omnipotenza, li jkun irid xi ħaġa mill-ewwel, kif jiġrilhom il-fariżej meta jitolbu mingħand Ġesù sinjal mis-sema: riedu spettaklu, miraklu. Huma jħawdu l-mod kif jaħdem Alla mal-mod kif jaħdem xi saħħar. Alla ma jġibx ruħu ta’ saħħar. Alla għandu l-mod tiegħu ta’ kif jimxi. Il-paċenzja t’Alla. Anke Hu għandu l-paċenzja. Kull darba li nersqu lejn is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, inkunu qed inkantaw innu lill-paċenzja t’Alla! Imma kif iġorrna fuq spallejh il-Mulej, b’liema paċenzja, b’kemm paċenzja!
Il-ħajja nisranija trid tinbena fuq din il-mużika tal-paċenzja, għax kienet proprju l-mużika ta’ missirijietna, tal-poplu t’Alla, ta’ dawk li emmnu l-Kelma t’Alla, li mxew fuq il-kmandament li Alla ta lil missierna Abraham: ‘Imxi quddiemi u ara li ħadd ma jkollu xi jmaqdar fik.’
Il-poplu t’Alla, afferma l-Papa meta kkwota l-ittra lil-Lhud, sofra ħafna, kien ippersegwitat u maqtul, imma kellu fih il-ferħ li jsellem il-wegħdiet t’Alla mill-bogħod. Din hi l-paċenzja li aħna għandu jkollna waqt il-provi: il-paċenzja ta’ persuna adulta, il-paċenzja t’Alla li jġorrna fuq spallejh. U din hi, kompla jgħid, il-paċenzja tal-poplu tagħna.
Kemm hu paċenzjuż il-poplu tagħna, anke issa! Meta mmorru fil-parroċċi u nsibu lil dawk li qed ibatu, li għandhom il-problemi, li għandhom xi wild diżabbli jew marid, imma li jibqgħu għaddejjin fil-ħajja, bil-paċenzja … ma jitolbux sinjali, bħal dawn tal-Evanġelju li riedu jaraw sinjal u kienu jgħidu: ‘Tina sinjal.’ Le, dawn li jbatu ma jitolbux sinjal imma jafu jaqraw is-sinjali taż-żmien: jafu li meta twarrad it-tina tkun waslet ir-rebbiegħa; jafu jaraw dan. Iżda dawn tal-Evanġelju tallum, li m’għandhomx paċenzja, ma kinux jafu jaqraw is-sinjali taż-żmien u għalhekk lanqas għarfu lil Ġesù.
Il-Papa temm l-omelija billi faħħar lill-bnedmin tal-poplu tagħna, nies li jbatu, li jbatu ħafna affarijiet, imma li ma jitilfux it-tbissima tal-fidi, li huma mogħnija bil-ferħ tal-fidi. U dawn in-nies, il-poplu tagħna, tal-parroċċi tagħna, tal-istituzzjonijiet tagħna – tant nies – huma l-mutur tal-Knisja, bil-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum.
‘Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.’ (Ġak. 1, 1-4) Jalla l-Mulej itina lkoll il-paċenzja, il-paċenzja hienja, il-paċenzja tax-xogħol, tal-paċi, itina l-paċenzja t’Alla, dik li għandu Hu, u jtina l-paċenzja li għandu l-poplu fidil tagħna li hu ta’ eżempju għalina.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta