(Ftit ħsibijiet minn Joe Farrugia)
Din mhix bħad-domanda, għal bosta bla tweġiba, tal-bajda jew it-tiġieġa. Id-domada li qed inpoġġi lili nnifsi u li nixtieq li min jaqra jaħseb dwarha ukoll hija fuq dak li qed jiġri fid-dinja llum, pajjiżna mhux eskluż. Meta ngħid id-dinja, mhux qed nitkellem dwar blat, ħxejjex u annimali, qed nitkellem dwarna l-bnedmin. Qed nitkellem dwar l-umanità. Qed nistaqsi dwar il-persuni. Qed nistaqsi dwari nnifsi. Għalija x’jiġi l-ewwel? Din id-domanda tressaq quddiemi ruxmata ta’ sitwazzjonijiet, uħud minnhom niltqgħu magħhom kuljum.
X’jiġi l-ewwel, ix-xogħol jew il-familja? Dejjem hemm l-argument li bla xogħol, il-familja ma tkunx tista’ tgħix. Minnu! Imma allura x-xogħol jieħu post il-familja?
X’jiġi l-ewwel l-ikel jew il-ħajja. Huwa minnu li bla ikel lanqas nista’ ngħix, imma għandi ngħix biex niekol jew niekol biex ngħix?
X’jiġi l-ewwel, l-individwu jew is-soċjetà? Kull bniedem jeħtieġ il-ħajja soċjali. Din ġejja mill-istess natura tagħna. Imma x’għandu jkun il-prinċipju, is-suġġett u l-għan aħħari, il-persuna jew is-soċjetà?
X’jiġi l-ewwel, id-drittijiet jew dmirijieti? Illum kulħadd jaċċetta li d-drittijiet huma meħtieġa għall-iżvilupp xieraq tal-persuna umana. Imma x’jiġri meta id-dritt tiegħi jsib ruħu f’kunflitt dirett ma’ obbligu li għandi lejn ħaddieħor? X’għandu jirbaħ?
Fil-familja x’għandu jiġi l-ewwel, il-ħajja soċjali jew l-edukazzjoni tal-ulied? Meta missier u omm ikunu kostretti jagħżlu fejn jitfgħu r-riżorsi finanzjari limitati tagħhom jekk hux fil-ħajja soċjali jew fl-edukazzjoni ta’ uliedhom, x’għandhom jagħżlu?
Għall-ġenituri, min għandu jiġi l-ewwel, il-parti l-oħra jew uliedhom?
Għall-professjonista li jaħdem fil-qasam tas-saħħa u li kontinwament huwa mxekkel mill-pressjoni tax-xogħol u tal-ħajja, x’għandu jiġi l-ewwel il-ħtiġijiet tiegħu jew dawk tal-pazjent?
Għall-avukat difensur li jaf b’ċertezza li l-klijent tiegħu huwa ħati, x’għandu jiġi l-ewwel il-ġustizzja jew dmirijietu lejn l-akkużat?
Għall-politiku li mhux darba jkollu jieħu deċiżjonijiet diffiċli, x’għandu jiġi l-ewwel, il-konvinzjonijiet morali tiegħu jew il-popolarità li ġġiblu l-voti u allura toffrilu l-opportunita li jkompli jaħdem?
Għall-bosta persuni dawn id-domandi ma jqajjmu ebda diffikultà. F’moħħhom faċli jiddeċiedu ‘l hawn jew ‘l hinn. Oħrajn jgħidulek li hija kwestjoni ta’ bilanċċ. Imma għal min fadal fih skala ta’ valuri, spiss it-tweġiba mhix daqstant faċli. Ħa nieħu bħala eżempju każ mibni fuq l-aħħar sitwazzjoni. Politiku li dejjem ipprova jimxi mal-konvinzjonijiet tiegħu, imma jaf li b’ċerti deċiżjonijiet li ser jieħu jitlef il-popolarità u allura l-opportunità li jkompli jaħdem għall-poplu, x’għandu jagħmel, ibaxxi rasu għat-tentazzjoni tal-popolariżmu jew jimxi mal-prinċipji li jħaddan bir-riżultat li jitqaċċat mix-xena kompletament? Xi ħadd jista’ jgħid li jekk persuni ta’ prinċipju jispiċċaw mix-xena politika, allura jkun il-poplu stess li jitlef mhux il-politiċi infushom. Dan huwa argument li mhux ta’ min jinjorah. Imma jiena nixtieq inħares lejn is-sitwazzjoni minn dawl ieħor. Inqabbilha ma’ sitwazzjoni preżentata minn John Horvat, fil-ktieb tiegħu, Return to Order.
Cruise li jibqa’ għaddej
Immaġina li qiegħed fuq cruise li ma tispiċċax, Il-banda qed idoqq, it-teatri huma mimlija u r-restoranti ffulati. F’din il-cruise issib kull tip ta’ kumdità moderna, kulħadd qed jidħaq, jiċcajta u jiddeverti. Hemm kmamar tal-logħob u swali taż-żfin. Il-passiġieri kollha jqisu din il-cruise bħala dritt tagħhom u mhux vaganza qasira ta’ mistrieħ. Fejn se jaslu, kemm se ddum il-cruise u min se jħallas l-ispejjes, ħadd minnhom ma jaf u forsi ħadd ma jimpurah. L-importanti hu li l-party jibqa’ għaddej.
Imma aktar ma jdum il-party, aktar jikrbu l-ispejjeż u jonqsu l-finanzi. Id-dejn jibda jikber, jibdew il-kwistonijiet bejn il-passiġieri. Fost l-ekwipaġġ innifsu, li jkun ilu ma jitħallas żmien, jibda d-disgwid. L-ikel jibda jonqos, imma xorta waħda ħadd ma jsib il-kuraġġ li jiffaċċja s-sitwazzjoni u jwaqqaf il-party.
Imbagħad l-awtur jgħid, “Dan il-vapur huwa l-Amerika”. Imma jista’ li dan il-mudell ma jgħoddx biss għall-Amerika? Jista’ jkun li nistgħu nappikawh ukoll għal pajjiżi oħra? Nistgħu nappikawh għall-pajjiżna, għas-sistemi tagħna, għall-familji tagħna, għal mod ta’ ħajja li qed ngħixu? Jista’ jkun li sakemm naraw li party għadu għaddej, ħadd minna ma għandu l-kuraġġ li jgħajjat, “Daqshekk!”
U allura nerġa’ nistaqsi, x’għandu jiġi l-ewwel? It-tweġiba għal din id-domanda mhux dejjem naqblu dwarha. Lanqas huwa faċli li nsibu tweġiba komuni. Mhux dejjem naqblu bejnietna dwar x’għandu jiġi l-ewwel u x’għandu jiġi wara. Imma dan lili ftit jinkwetani għaliex sakemm b’sinċerità nkunu qed infittxu tweġiba għad-domanda tagħna, allura għalina jkun għad fadal ukoll it-tama. Iżda kultant wisq nibża li sakemm il-party jkun għadu għaddej ftit li xejn jimpurtana li nagħmlu d-domada dwar x’għandu jigi l-ewwel. U ngħiduha kif inhi, jekk ma jimpurtaniex nagħmlu d-domanda ara kemm jista’ jimpurtana li nsibu t-tweġiba.
F’intervista li ta ftit tal-jiem ilu (fil-Corriere della Sera) il-Papa Franġisku stqarr li ma jeżistux “valuri li mhux negozjabbli” u valuri negożjabbli, għax il-valuri huma valuri u daqshekk. Tweġiba għal dan li ktibt tista’ tingħata biss jekk il-valuri għadna ngħożżuhom. Imma fis-soċjetà tallum qed jiġri li rridu nerġgħu niddefinixxu l-valuri biex jakkomodaw l-egoiżmu u s-suppervja tagħna. Minkejja li jista’ jkun hemm risposti differenti għal dawn id-domandi, jibqa’ dejjem fatt wieħed predominanti: jekk inwarrbu ‘l Alla, kif qed tipprova tagħmel is-soċjetà kontemporanja, nitilfu l-ġeniwinità u kull tweġiba ma tkunx ħlief opinjoni awtoreferenzjali fejn l-opinjoni personali titqies bħala l-unika waħda tajba. Il-veru nisrani għandu jkun jaf liema għandha tkun l-għażla tiegħu, imma l-proposta tad-dinja llum hi bħat-tielet tentazzjonni li x-xitan jagħmel lil Ġesù fis-silta tal-Evanġelju li se naqraw fi tmiem-il ġimgħa: glorja mingħajr salib!! Fl-omelija fid-Dar Santa Marta dil-ġimgħa l-Papa għamel riflessjoni dwar il-kliem ta’ Ġesù lid-dixxipli li l-opri tajba jirċievu ħlas għal mitt darba aktar minn din id-dinja……… imma wkoll il-persekuzzjoni!! Min jaħseb biss għal rasu, għall-karriera u l-poter dan ma jdoqqlux u jinħeba wara l-iskuża tad-drittijiet, skuża zoppa ħafna għax kif jgħid il-Papa Benedittu XVI il-kapriċċi ma nistgħux insejħulhom drittijiet.