It-Tnejn, 17 ta’ Marzu 2014: Naħfru biex ikollna l-ħniena: din hi t-triq li tnissel il-paċi fi qlubna u fid-dinja. Dan kien il-ħsieb ewlieni li għamel il-Papa Franġisku fl-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.
Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom: il-Papa kkummenta din l-eżortazzjoni ta’ Ġesù u afferma minnufih li mhux faċli nifhmu dan l-atteġġjament ta’ ħniena għax aħna mdorrijin niġġudikaw; m’aħniex bnedmin li b’mod naturali nħallu ftit wisa’ biex nifhmu u anke biex inħennu.
Biex ikollna l-ħniena, osserva l-Papa, hemm ħtieġa ta’ żewġ atteġġjamenti. L-ewwel, li nkunu nafu lilna nfusna: inkunu nafu li għamilna tant affarijiet mhux sew, li aħna midinbin! U quddiem l-indiema, il-ġustizzja t’Alla tinbidel f’maħfra u ħniena. Imma jeħtieġ li nistħu minħabba dnubietna.
Hu minnu li ħadd minna ma qatel lil ħadd, imma għamilna tant nuqqasijiet żgħar, tant dnubiet kull jum li jgħaddi. U meta wieħed jaħseb: ‘Imma kif, imma x’qalb ċkejkna! Għamilt dan kontra l-Mulej,’ u nistħu – nistħu quddiem Alla – din il-mistħija hija grazzja: hija l-grazzja li aħna midinbin.
‘Jien midneb u nistħi quddiemek filwaqt li nitolbok maħfra.’ Hu sempliċi tgħid hekk, imma diffiċli ħafna tgħid: ‘Jiena dnibt.’
Spiss, osserva l-Papa Franġisku, niġġustifikaw id-dnub tagħna għax nagħtu t-tort lil ħaddieħor, kif għamlu Adam u Eva. Forsi, kompla jgħid, l-ieħor għenni, ħaffifli t-triq biex nagħmel dak li għamilt… imma jien inkun għamiltu! Jekk nindmu, kemm jirriżultaw affarijiet sbieħ għax inkunu umli! U b’dan l-atteġġjament ta’ ndiema tikber fina l-ħila li jkollna l-ħniena għax inħossu fuqna l-ħniena t’Alla, kif ngħidu fil-Missierna: ‘Aħfrilna bħalma aħna naħfru.’ Għalhekk, jekk jiena ma naħfirx, ninqata’ ‘l barra u nkun offside.
L-atteġġjament l-ieħor biex ikollna l-ħniena hu li niftħu qlubna, żied il-Papa, għax il-qalb ċkejkna u magħluqa hija egoista u bla ħila li taħfer.
Niftħu qlubna! Imma jien midneb! Ara x’għamel dak jew l-ieħor. Jien għamilt tant! Min jien biex niġġudikah? Din hi l-frażi: Min jien biex niġġudika lil dan? Min jien biex inpaċpaċ fuq dak? Min jien, jien li għamilt l-istess affarijiet u forsi anke agħar?
Qalb miftuħa! U l-Mulej jgħid: ‘Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati! Tikkundannawx biex ma tkunux ikkundannati! ‘Aħfru u jinħafer lilkom. Agħtu u jingħatalkom.’ Din hi l-ġenerożità tal-qalb! U x’jingħatalkom? ‘Siegħ mimli u marsus, imfawwar, ikun imqiegħed f’ħoġorkom.’ Hija x-xbieha tan-nies li kienu jmorru jiġbru l-qamħ u jiftħu l-fardal biex jingħataw aktar, aktar qamħ. Jekk int għandek qalbek miftuħa, int tkun tista’ tirċievi aktar.
Il-qalb kbira, qal il-Papa Franġisku, ma tikkundannax, imma taħfer, tinsa… għax Alla nesa ħtijieti: Alla ħafirli dnubieti. Niftħu qlubna. Dan hu sabiħ, esklama l-Papa: ħennu. Il-bnedmin li jħennu għandhom qalb kbira, kbira: dejjem jiskużaw lill-oħrajn u jaħsbu fid-dnubiet tagħhom personali.
Imma rajt x’għamel dak? Imma jien xbajt minn dak li għamilt u m’għandix x’naqsam. Din hi t-triq tal-ħniena li għandna nitolbu għaliha. Imma jekk aħna lkoll, il-popli kollha, il-persuni, il-familji, il-kwartieri fejn noqogħdu, ikollna dan l-atteġġjament, kemm titnissel paċi fid-dinja, kemm titnissel paċi fi qlubna! Għax il-ħniena twassalna għall-paċi. Ftakru dejjem: Min jien jien biex niġġudika? Nistħu u niftħu qlubna. Jalla l-Mulej itina din il-grazzja, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta