Il-Ġimgħa, 11 ta’ April 2014:Ejjew nitgħallmu mill-Evanġelju kif niġġieldu lid-demonju, afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa tal-lum fid-Dar Santa Marta. Il-Qdusija tiegħu enfasizza li lkoll kemm aħna nkunu ttentati għax ix-xitan ma jridx li aħna nkunu qaddisin. Fil-fatt, il-ħajja nisranija hija taqbida mal-ħażen.
Il-ħajja ta’ Ġesù kienet taqbida. Hu ġie biex jegħleb il-ħażen, biex jirbaħ fuq il-prinċep ta’ did-dinja, biex jegħleb lid-demonju. Il-Papa Franġisku beda l-omelija b’din l-affermazzjoni, omelija dedikata kollha għall-ġlieda max-xitan. Taqbida, qal il-Papa, li kull Nisrani jrid jiffaċċja. Id-demonju, saħaq il-Papa, ittanta lil Ġesù kemm-il darba u f’ħajtu Ġesù ħass it-tentazzjonijiet bosta drabi, minbarra li kellu l-persekuzzjonijiet. Aħna l-Insara li rridu nimxu wara Ġesù jeħtiġilna nkunu nafuha sewwa din il-verità.
Aħna wkoll ikollna t-tentazzjonijiet, anke aħna suġġetti għall-attakki mid-demonju, għax l-ispirtu tal-ħażen ma jridniex inkunu qaddisin, ma jridx ix-xhieda nisranija, ma jridx li aħna nkunu dixxipli ta’ Ġesù.
Kif jagħmel l-ispirtu tal-ħażen biex ibegħidna minn Ġesù bit-tentazzjonijiet tiegħu?, staqsa l-Papa. It-tentazzjoni tad-demonju għandha tliet karatteristiċi u aħna rridu nkunu nafuhom biex ma naqgħux fin-nassa.
Kif jagħmel id-demonju biex ibegħidna minn Ġesù? It-tentazzjoni tibda bil-ftit imma tibqa’ tissaħħaħ. It-tieni, minbarra li tissaħħaħ, tniġġes lil xi ħadd ieħor, tgħaddi għand l-oħrajn u ssir komunitarja. U fl-aħħar, biex titraqqad il-kuxjenza, tiġġustifika ruħha. Tikber, tniġġes u tiġġustifika ruħha.
L-ewwel tentazzjoni ta’ Ġesù tidher qisha ‘seduzzjoni’. Ix-xitan jgħid lil Ġesù biex jintefa’ għal isfel minn fuq it-tempju biex b’hekk, isostni x-xitan, kulħadd jgħid: ‘Araw lill-Messija.’ L-istess kif għamel ma’ Adam u Eva: hija seduzzjoni. Ix-xitan, qal il-Papa, jitkellem kważi qisu surmast spiritwali. U meta t-talba tiegħu tkun irrifjutata, jiġi lura b’aktar qawwa. Ġesù jgħid dan fl-Evanġelju ta’ Luqa: meta niċħdu lid-demonju, hu jmur isib leġjun u jiġi lura magħhom. Għalhekk jitqawwa għax ikollu lil min qiegħed miegħu.
Hekk ġara ma’ Ġesù: id-demonju jsib l-appoġġ tal-għedewwa tiegħu. U dak li deher qisu ħajta ilma, ħajta ilma kalm, isir tempesta. It-tentazzjoni tikber u tniġġes. U fl-aħħar tiġġustifika ruħha. Il-Papa fakkar li meta Ġesù pprietka fis-sinagoga, l-għedewwa mill-ewwel ippruvaw iċekknuh għax bdew jgħidu: ‘Dan mhux bin Ġużeppi l-mastrudaxxa, bin Marija? Qatt ma mar l-università! B’liema awtorità qed jitkellem? Ma studjax!’
Hekk, it-tentazzjoni daħlu fiha kollha, kulħadd kontra Ġesù. Il-quċċata ta’ dan kollu, aktar qawwija mill-ġustifikazzjoni, żied il-Papa, hi dik tas-saċerdot meta jgħid: ‘Mhux aħjar li jmut bniedem wieħed, biex insalvaw lill-poplu?’ Għandna tentazzjoni li tikber u tibqa’ tikber u tniġġes lill-oħrajn.
Naħsbu ftit dwar l-għajdut: kelma waħda… Jien għandi ftit għira għal dik il-persuna, għall-oħra… u l-ewwel nibda ngħir għaliha ġo fija, waħdi, imbagħad ikolli bżonn naqsam ħsiebi ma’ xi ħadd ieħor u ngħid: ‘Imma int rajtha lil dik il-persuna?’ U b’hekk tikber u tniġġes lil xi ħadd ieħor u lil xi ħadd ieħor…
Dan hu l-mekkaniżmu tal-għajdut u lkoll kemm aħna jkollna t-tentazzjoni li nqassu! Forsi xi ħadd minnkom, jekk hu qaddis, le, imma anke jien kont ittentat biex nisparla! Din hi tentazzjoni ta’ kuljum. Tibda fin fin, ħelu ħelu, bħal ħajta ilma, tikber, tniġġes u tiġġustifika ruħha.
Noqogħdu attenti, żied jgħid Franġisku, meta fi qlubna nħossu xi ħaġa li tiżġiċċa biex teqred lill-persuni. Noqogħdu attenti għax jekk ma niqfux fil-ħin, dik il-ħajta ilma, meta tikber u tniġġes, issir tempesta li twassalna biss biex niġġustifikaw il-ħażen li nkunu għamilna, kif iġġustifikaw ruħhom dawn in-nies tal-Evanġelju meta affermaw li aħjar imut wieħed għall-poplu.
Ilkoll kemm aħna nkunu ttentati għax il-liġi tal-ħajja spiritwali, il-ħajja nisranija tagħna, hija taqbida. Taqbida, għax il-prinċep ta’ did-dinja – id-demonju – ma jridx il-qdusija tagħna, ma jridx li aħna nimxu wara Kristu. Forsi xi ħadd minnkom jista’ jgħid: ‘Imma padre, kemm int antikwat: titkellem dwar ix-xitan fis-seklu 21!’ Imma ħarsu ‘l hawn, qal Franġisku, ix-xitan hemm qiegħed, anke fis-seklu 21! U niftħu għajnejna u ma nkunux boloh, eh? Irridu nitgħallmu mill-Evanġelju kif niġġildulu, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta