Il-Papa f’Santa Marta: Kull komunità nisranija għandha timmudella ħajjitha fuq dik li kienet il-ħajja tal-ewwel Knisja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 29 ta’Mejju 2014:Kull komunità nisranija għandha timmudella ħajjitha fuq dik li kienet il-ħajja tal-ewwel Knisja u għandha tivverifika l-ħila tagħha li tgħix fl-armonija, tagħti xhieda tal-Qawmien ta’ Kristu u tgħin lill-foqra.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa ċelebrata llum fid-Dar Santa Marta.

Ikona fi tliet daqqiet ta’ pinzell: dan hu r-ritratt tal-ewwel komunità nisranija kif insibuha deskritta fl-Atti tal-Appostli.  Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni fuq it-tliet karatteristiċi ta’ dan il-grupp, li kellu ħila jgħix f’għaqda sħiħa, jagħti xhieda ta’ Kristu u ma jħalli lil ebda wieħed mill-membri tiegħu jbati l-miżerja.  Dawn kienu t-tliet marki tal-‘poplu li reġa’ twieled mill-ġdid’.

Il-Papa bena l-omelija fuq dak li l-Knisja baqgħet turina tul il-ġimgħa tal-Għid: ‘it-twelid mill-ġdid minn fuq’, mill-Ispirtu li jagħti l-ħajja lill-ewwel grupp ta’ ‘kristjani ġodda’ fi żmien meta kienu għadhom mhux magħrufin b’dan l-isem.

Qalb waħda u ruħ waħda.  Il-paċi.  Komunità fil-paċi.  Dan ifisser li f’dik il-komunità ma kienx hemm lok għat-tqassis, għall-għira, għall-kalunji, għall-qlajja.  Paċi.  Il-maħfra: l-imħabba kienet tgħatti kollox.  Biex inqabblu komunità nisranija ma’ dan, irridu naraw kif inhu l-atteġġjament tagħhom. Huma mansweti, umli?  F’dik il-komunità hemm ġlied bejniethom għall-poter?  Hemm ġlied minħabba l-għira?  Hemm tqassis?  Jekk iva, mhumiex fit-triq ta’ Ġesù. Din il-karatteristika hija tant importanti, tant importanti għax id-demonju dejjem jipprova jifridna bejnietna.  Hu missier il-firda.

Ma jfissirx li fil-komunità tal-ewwel Insara ma kienx hemm problemi.  Il-Papa fakkar fil-kwistjonijiet – kwistjonijiet dottrinali, taqbid għall-poter – li waslu fuqhom aktar tard.  Per eżempju, meta r-romol gergru li l-Appostli ma kinux jgħinuhom kif imiss, kellhom jaħtru lid-djakni.  Madankollu, dak il-mument qawwi tal-bidu huwa l-mudell dejjiemi tal-essenza tal-komunità mwielda mill-Ispirtu:  komunità magħquda.

It-tieni: komunità ta’ xhieda tal-fidi li l-Papa Franġisku sejjaħ biex nikkonfrontawha mal-komunitajiet tallum.   Hija komunità li tagħti xhieda tal-Qawmien ta’ Kristu?  Din il-parroċċa, din il-komunità, din id-djoċesi jemmnu bis-serjetà li Ġesù Kristu rxoxta?  Jew jgħidu: ‘Iva, qam,’ imma hawn, fil-moħħ, għax il-qalb hija bogħod minn din il-qawwa?  Irridu nagħtu xhieda li Ġesù huwa ħaj, qiegħed fostna.  B’hekk nistgħu nivverifikaw kif sejra l-komunità.

It-tielet qies li bih irridu nkejlu l-ħajja tal-komunità nisranija huwa l-foqra.   Hawnhekk il-Papa Franġisku spjega żewġ punti li huma l-kejl ta’ din il-verifika.  L-ewwel: kif inhu l-atteġġjament tiegħek u l-atteġġjament tal-komunità lejn il-foqra?  It-tieni: din il-komunità hija fqira?  Fqira fil-qalb u fl-ispirtu?  Jew il-fiduċja tagħha qiegħda fil-ġid, fil-poter?  Armonija, xhieda, faqar u kura tal-foqra.  Dan kien spjegalu Ġesù lil Nikodemu: dan it-twelid ġdid mill-Għoli.  Għax l-Ispirtu hu l-uniku li jista’ jwettaq dan.  Din hi opra tal-Ispirtu.  Il-Knisja jagħmilha l-Ispirtu.  L-Ispirtu jnissel l-għaqda.  L-Ispirtu jimbuttak biex tagħti xhieda.  L-Ispirtu jagħmlek fqir, għax l-għana hi tiegħu u Hu jara li int tieħu ħsieb il-foqra.

Jalla l-Ispirtu s-Santu, temm il-Papa, jgħinna nimxu f’dit-triq ta’ twelid ġdid bis-saħħa tal-Magħmudija.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d bloggers like this: