Il-Papa f’Santa Marta: Hemm Insara li jibżgħu mill-ferħ li jrid jagħtina Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’April 2014:Hemm Insara li jibżgħu mill-ferħ li jrid itina Ġesù bil-Qawmien mill-imwiet tiegħu u ħajjithom qisha funeral. Imma l-Mulej irxuxtat hu dejjem magħna, afferma l-Papa dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

L-Evanġelju tallum jipproponi r-rakkont tad-dehra ta’ Ġesù Rxoxt lid-dixxipli.  Għat-tislima tal-paċi tal-Mulej, minflok ferħu, id-dixxipli – afferma l-Papa – jibqgħu mibluhin u mimlijin biża’ għax jaħsbu li qed jaraw xi fantażma.  Ġesù jipprova jfehemhom li dak li kienu qed jaraw kien minnu u jistedinhom imissuh u jitlobhom xi ħaġa x’jiekol.  Irid iressaqhom lejn il-ferħ tar-riżurezzjoni, il-ferħ li Hu jinsab preżenti fosthom.  Imma d-dixxipli, kompla josserva l-Papa, tant kienu ferħanin li ma ridux jemmnu, ma setgħux jemmnu għax il-ferħ stess nissel fihom il-biża’.

Din hi marda tal-Insara.  Nibżgħu mill-ferħ.  Nippreferu naħsbu: ‘Iva, iva, Alla jeżisti, imma qiegħed hemm; Ġesù qiegħed hemm, ftit bogħod.’ Nibżgħu mill-qrubija ta’ Ġesù għax dan itina l-ferħ.  Hekk nistgħu niddeskrivu lil ħafna Nsara wiċċ ta’ funeral – mhux hekk? – li ħajjithom qisha funeral il-ħin kollu. Jippreferu d-dwejjaq u mhux il-ferħ.  Jimxu aħjar mhux fid-dawl tal-ġurnata imma fid-dell, bħal dawk l-annimali li joħorġu biss billejl, mhux fid-dawl tal-ġurnata; ma jaraw xejn, bħall-friefet il-lejl.  U bi ftit sens ta’ umoriżmu nistgħu ngħidu li dawn huma Nsara ‘friefet il-lejl’ li jippreferu d-dell mid-dawl tal-preżenza tal-Mulej.

Imma Ġesù, bil-qawmien tiegħu – kompla l-Papa – jagħtina l-ferħ; il-ferħ li aħna nsara, il-ferħ li nimxu qrib tiegħu, il-ferħ li nimxu fit-triq tal-Beatitudnijiet; il-ferħ li nkunu miegħu.

U aħna, tant drabi, jew nitħawdu, meta nħossu dan il-ferħ, jew nimtlew bil-biża’, jew nemmnu li qed naraw xi fantażma, jew inkella naħsbu li Ġesù hu ‘mod ta’ kif iġġib ruħek’.  Imma aħna Nsara u għandna nġibu ruħna hekk!  Imma fejn hu Ġesù?  Ġesù qiegħed fis-sema.  Int titkellem ma’ Ġesu? Ġesù?  Tgħidlu: ‘Jien nemmen li Int ħaj, li Int irxuxtajt, li Int qrib tiegħi, li Int ma tabbandunanix’?

Hekk għandha tkun il-ħajja tan-Nisrani: djalogu ma’ Ġesù għax – dan hu veru – Ġesù huwa dejjem magħna, dejjem mal-problemi tagħna, mad-diffikultajiet li jkollna, mal-opri tajba li nagħmlu.

Kemm drabi, kompla jgħid il-Papa Franġisku, aħna l-Insara ma nkunux ferħanin għax nibżgħu!  Insara li sfaw telliefa fis-Salib!  F’pajjiżi hemm qawl li jgħid: ‘Meta wieħed jinħaraq bil-ħalib jagħli, wara, meta jara l-baqra, jibki.’  Dawn kienu nħarqu bid-dramm tas-Salib u qalu: ‘Le, ejjew nieqfu hawn.  Hu jinsab fis-sema, veru, qam, imma mhux li jerġa’ jiġi darb’oħra hawn, għax m’aħniex se naslu.’

Nitolbu lill-Mulej li jagħmel magħna dak li għamel mad-dixxipli li beżgħu minħabba l-ferħ: li jiftħilna moħħna – għalhekk fetħilhom moħħhom, biex huma jifhmu l-Iskrittura – li jiftħilna moħħna u jgħinna nifhmu li Hu hu realtà ħajja, li għandu ġisem, li Hu qiegħed magħna u jakkumpanjana, u li Hu rebaħ.  Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nibżgħux mill-ferħ, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d