Il-Ġimgħa, 24 ta’ Ottubru 2014: Kull Nisrani għandu sejħa biex jaħdem għall-għaqda tal-Knisja. Din kienet l-eżortazzjoni li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Qdusija Tiegħu żied jgħid li rridu nħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina għax Hu jnissel l-għaqda fil-Knisja fid-diversità tal-membri tagħha.
Fl-Ittra lill-Efesin, San Pawl jgħidilhom: ‘Jiena, priġunier, inħeġġiġkom biex tibnu l-għaqda fil-Knisja.’ Il-Papa tnebbaħ minn din l-eżortazzjoni għall-omelija tiegħu. Il-ħidma għall-għaqda fil-Knisja hija dmir ta’ kull Nisrani kif kien minn dejjem fl-istorja. L-Appostlu Pietru, qal il-Qdusija Tiegħu Franġisku, jitkellem dwar tempju magħmul minn ġebel ħaj, jiġifieri aħna. Dan hu l-maqlub ta’ tempju ieħor tas-suppervja, it-Torri ta’ Babel. L-ewwel tempju jġib l-għaqda; l-ieħor hu simbolu tal-firda, tat-tifrik, tan-nuqqas ta’ ftehim, tal-lingwi differenti.
Ix-xogħol ta’ kull Nisrani, ta’ kull wieħed u waħda minna, hu li jġib l-għaqda fil-Knisja, li jibni l-Knisja, dan it-tempju, din l-għaqda. Meta jkun se jinbena tempju, palazz, infittxu l-ewwel il-post fejn nistgħu nibnu u nħejjuh għall-bini. Imbagħad titqiegħed il-ġebla tal-pedament, il-ġebla tax-xewka, tgħid il-Bibbja. Il-ġebla tax-xewka, tal-għaqda fil-Knisja, jew aħjar il-ġebla tax-xewka tal-Knisja, hija Ġesù, u l-ġebla tax-xewka tal-għaqda fil-Knisja hija t-talba ta’ Ġesù waqt l-Aħħar Ċena: ‘Missier ħa jkunu ħaġa waħda!’ Din hija l-forza tagħha.
Ġesù, żied jgħid il-Papa, huwa l-ġebla li fuqha nibnu l-għaqda tal-Knisja. Mingħajr din il-ġebla ma nagħmlu xejn. M’hemmx għaqda mingħajr il-pedament li hu Kristu, għax Hu jtina ċ-ċertezza. Imma, staqsa l-Papa, min jagħmilha din l-għaqda? Din l-għaqda hija ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu biss għandu l-qawwa li jġib l-għaqda fil-Knisja, li jgħinha tikber, issir aktar qawwija, issir waħda.
L-Ispirtu jnissel l-għaqda fil-Knisja bid-diversità tal-popli, tal-kulturi, tal-persuni. Allura kif jinbena dan it-tempju?, reġa’ staqsa l-Papa Franġisku. Jekk l-Appostlu Pietru kien jgħid li aħna ġebel ħaj f’din il-binja, San Pawl iwissina biex ma nkunux tant ġebel imma knaten debboli. Skont il-ħsieb uman, il-parir tal-Appostlu tal-Ġnus biex ikun hemm din l-għaqda hu l-parir tad-dgħufija.
Umiltà, ħlewwa, qalb kbira huma kwalitajiet debboli għax l-umli jidher li donnu ma jiswa għal xejn; il-ħlewwa, il-manswetudni jidhru li ma jservu għal xejn; il-qalb kbira, qalb li tkun miftuħa għal kulħadd… Imbagħad jgħid aktar minn hekk: ‘Issaportu lil xulxin bl-imħabba.’ Għalfejn dan? Biex inħarsu l-għaqda. U hekk, aktar ma nkunu debboli b’dawn il-virtujiet tal-umiltà, tal-qalb kbira, tal-ħlewwa, tal-manswetudni, aktar insiru ġebel sod f’dan it-tempju.
Din hi l-istess triq li mexa Ġesù, li sar dgħajjef sas-Salib u b’hekk sar qawwi u setgħan. L-istess għandna nagħmlu aħna: il-kburija, li norbtu biss fuqna nfusna, ma tiswa għal xejn. Meta ssir kostruzzjoni, żied jgħid il-Papa, ikun hemm bżonn li l-perit jagħmel il-pjanta. U liema hi l-pjanta tal-għaqda tal-Knisja? Hija t-tama li aħna lkoll imsejħin biex ikollna: it-tama li nimxu lejn il-Mulej, it-tama li nimxu fi Knisja ħajja, magħmula minn ġebel ħaj, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Hu biss fuq il-pjanta tat-tama li aħna nistgħu nagħmlu passi ’l quddiem lejn l-għaqda tal-Knisja. Aħna għandna sejħa għal tama kbira. Nimxu lil hemm! Imma bil-qawwa li ttina t-talba ta’ Ġesù għall-għaqda; bid-doċilità għall-Ispirtu s-Santu, li għandu l-ħila jibdel il-knaten f’ġebel ħaj; bit-tama li nsibu lill-Mulej li sejħilna u nsibuh meta tasal il-milja taż-żminijiet, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu l-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta