Il-Knisja il-Ġisem ta’ Kristu


11. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 22 t’Ottubru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Meta nkunu rridu nuru kif l-elementi li jsawru realtà waħda huma marbuta ma’ xulxin mill-qrib u flimkien jagħmlu ħaġa waħda, spiss nużaw ix-xbieha tal-ġisem. Ibda mill-Appostlu Pawlu, din l-espressjoni ntużat għall-Knisja u kienet magħrufa bħala l-karatteristika distintiva l-iżjed profonda u sabiħa tagħha. Il-lum, mela, nixtiequ nistaqsu: F’liema sens il-Knisja tinbena f’ġisem? U għaliex tissejjaħ “il-ġisem ta’ Kristu”?

Fil-Ktieb ta’ Eżekjel hemm imfissra viżjoni xi ftit partikulari, impressjonanti, imma li kapaċi tispira fiduċja u tama fi qlubna. Alla juri lill-profeta ħafna għadam imxerred, maqlugħ minn ma’ xulxin u niexef qoxqox. Xenarju ta’ swied il-qalb… Stħajlu medda kbira art mimlija għadam. Imbagħad Alla jitolbu jsejjaħ l-Ispirtu fuqhom. Hawnhekk l-għadam jibda jitħarrek, jibda joqrob u jingħaqad ma’ xulxin, fuqu jibdew telgħin l-ewwel in-nervaturi u mbagħad il-laħam u hekk jissawwar ġisem, sħiħ u mimli ħajja (ara Eżek 37:1-14). Araw, din hi l-Knisja! Il-lum x’ħin tmorru d-dar aqbdu l-Bibbja, kapitlu 37 tal-profeta Eżekjel, tinsewx, u aqraw dan, hu test sabiħ ħafna. Din hi l-Knisja, hi kapulavur, il-kapulavur ta’ l-Ispirtu, li jixħet f’kull wieħed u waħda minna l-ħajja ġdida ta’ l-Irxoxt u jqegħidna maġenb xulxin, wieħed għas-servizz u t-tweżin ta’ l-ieħor, u hekk jagħmel minna lkoll ġisem wieħed, mibni fil-komunjoni u fl-imħabba.

Imma l-Knisja m’hix biss ġisem mibni fl-Ispirtu: il-Knisja hi l-ġisem ta’ Kristu! U hawn m’aħniex sempliċement illissnu espressjoni: imma aħna tassew hekk! Dan hu d-don kbir li nirċievu dak in-nhar tal-Magħmudija tagħna! Fil-fatt, fis-sagrament tal-Magħmudija, Kristu jagħmilna tiegħu, jilqagħna fil-qalba tal-misteru tas-Salib, l-ogħla misteru ta’ mħabbtu għalina, biex imbagħad iqajjimna miegħu, bħala ħolqien ġdid. Araw: hekk titwieled il-Knisja, u hekk il-Knisja tagħraf lilha nfisha bħala ġisem Kristu! Il-Magħmudija hi tassew twelid ġdid, tnissilna mill-ġdid fi Kristu, tagħmilna parti minnu, u tgħaqqadna b’mod intimu bejnietna, bħala membri ta’ l-istess ġisem, li tiegħu hu r-ras (ara Rum 12:5; 1 Kor 12:12-13).

Għalhekk, dak li joħroġ minn dan hu komunjoni qawwija ta’ mħabba. F’dan is-sens, hemm tifsira għolja f’dak li Pawlu jafferma, hu u jsejjaħ lill-irġiel miżżewġa biex “iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess”: “Bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu” (Efes 5:28-30). Kemm tkun ħaġa sabiħa li niftakru iżjed ta’ spiss min aħna, dak li fih sawwarna l-Mulej Ġesù: aħna l-ġisem tiegħu, dak il-ġisem li xejn u ħadd ma jista’ qatt iżjed jeħodhulu u li hu jsawwab fuqu l-passjoni u l-imħabba kollha tiegħu, l-istess kif raġel jagħmel ma’ martu. Dan il-ħsieb, imma, għandu jqanqal fina x-xewqa li naħdmu id f’id mal-Mulej Ġesù u naqsmu mħabbtu ma’ xulxin, bħala membri ħajjin ta’ l-istess ġisem tiegħu. Fi żmien Pawlu, il-komunità ta’ Korintu kienet qed issibha ħafna bi tqila tagħmel dan, u kienet għaddejja, kif spiss ngħaddu aħna wkoll, mill-esperjenza tal-firdiet, tal-mibegħda u l-għira, tan-nuqqas ta’ ftehim u ta’ l-emarġinazzjoni. Xejn minn dan m’hu sew, għax, flok jibnu u jkabbru l-Knisja bħala ġisem ta’ Kristu, dawn ifarrkuh f’elf biċċa, jaqsmuh f’biċċiet. U dan qed jiġri anki fi żmienna. Jiġuni f’moħħi l-komunitajiet Insara, f’xi parroċċi, fil-postijiet fejn ngħixu, kemm firdiet, kemm mibegħda, kif nitkellmu ħażin fuq xulxin, kemm ma nifhmux lil xulxin u nwarrbu wieħed lill-ieħor. U dan għal xiex iwassal? Jaqtagħna minn ma’ xulxin. Hu l-bidu tal-gwerra. Il-gwerra ma tibdiex fuq il-kamp tal-battalja: il-gwerra, il-gwerer jibdew fil-qalb, bin-nuqqas ta’ ftehim, firdiet, mibegħda, b’dan il-tilwim ma’ l-oħrajn. Il-komunità ta’ Korintu hekk kienet, għal dan kienu jinqalgħu l-iżjed! L-Appostlu Pawlu ta lill-Korintin xi pariri konkreti li jiswew għalina wkoll: ma nkunux għajjurin għal xulxin, imma napprezzaw fil-komunitajiet tagħna d-doni u l-kwalitajiet ta’ ħutna. L-għira: “Dak xtara karozza ġdida”, u jien inħossni ngħir; “Dan rebaħ il-lottu”, u ngħir mill-ġdid; “U l-ieħor sejjer tajjeb ħafna f’hekk”, u mill-ġdid tiġi l-għira. Dan kollu jċarrat ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, hu ħażin, m’għandux ikun! Għax hekk l-għira tikber u timla l-qalb. U qalb għajjura hi qalb aċiduża, qalb li flok demm donnha għandha l-aċtu fiha; hi qalb li qatt m’hi ferħana, hi qalb li tifred il-komunità. Imma allura x’għandi nagħmel? Napprezzaw fil-komunitajiet tagħna d-doni u l-kwalitajiet ta’ l-oħrajn, ta’ ħutna. U meta titfaċċa l-għira – għax din tiġi lil kulħadd, kollna nidinbu xi darba jew oħra –, jeħtieġ ngħid lill-Mulej: “Grazzi, Mulej, li tajt dan id-don lil dik il-persuna”. Napprezzaw il-kwalitajiet, inkunu qrib u nieħdu sehem fit-tbatija tal-foqra u ta’ dawk fil-bżonn; nesprimu l-gratitudni tagħna ma’ kulħadd. Il-qalb li taf tgħid grazzi hi qalb tajba, qalb nobbli, qalb kuntenta. Nistaqsikom: Kollha nafu ngħidu grazzi, dejjem? Mhux dejjem, għax il-mibegħda, l-għira żżommna xi ftit. U, fl-aħħar nett, il-parir li l-Appostlu Pawlu jagħti lill-Korintin u li anki aħna għandna nagħtu lil xulxin: ħadd m’għandu jqis ruħu aqwa mill-oħrajn. Kemm hemm persuni li jħossuhom aqwa mill-oħrajn! Anki aħna, spiss ngħidu bħal dak il-Fariżew tal-parabbola: “Nirringrazzjak, Mulej, għax jien m’iniex bħal dan, jien aħjar minnu”. Imma din ħaġa kerha, qatt m’għandna nagħmluha! U meta tkun ħa tagħmilha, ftakar fi dnubietek, f’dawk li ħadd ma jaf bihom, istħi quddiem Alla u għid: “Imma int, Mulej, int taf min hu l-aqwa, u jien ħa nagħlaq ħalqi”. U jagħmillek tajjeb. U dejjem fl-imħabba nżommu lil xulxin membri wieħed ta’ l-ieħor, li jgħixu u jinagħataw għal xulxin għall-ġid ta’ kulħadd (ara 1 Kor 12-14).

Għeżież ħuti, bħall-profeta Eżekjel u bħall-Appostlu Pawlu, nitolbu aħna wkoll lill-Ispirtu s-Santu, biex il-grazzja tiegħu u l-kotra tad-doni tiegħu jgħinuna ngħixu tabilħaqq bħala ġisem ta’ Kristu, magħqudin, bħala familja waħda, imma familja li hi l-ġisem ta’ Kristu, u bħala sinjal li jidher u kollu ġmiel ta’ l-imħabba ta’ Kristu.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.