Il-Papa f’Santa Marta: Il-Knisja hija omm, m’għandhiex bżonn organizzazzjoni perfetta

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 9 ta’ Diċembru 2014: Il-ferħ tal-Knisja hi li tkun omm, li tmur tfittex in-nagħaġ mitlufa. Hekk afferma dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta. Franġisku żied li l-Knisja m’għandhiex bżonn organizzazzjoni perfetta jekk imbagħad tkun imdejqa u magħluqa, jekk ma tkunx omm. Għalhekk il-Papa stedinna biex inkunu Nsara ferħanin bil-faraġ tat-tenerezza ta’ Ġesù, biex niftħu qlubna għall-faraġ tal-Mulej.

Għall-omelija l-Papa Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari li fih Iżaija jitkellem dwar it-tmiem tat-tribulazzjonijiet ta’ Iżrael wara l-eżilju fil-Babilonja.  Il-poplu, ikkummenta l-Papa, għandu bżonn il-faraġ.  Il-preżenza tal-Mulej hi faraġ minnha nfisha.  Faraġ li jinsab anke fil-waqt tat-tribulazzjonijiet.

Madankollu, aħna spiss naħarbu mill-faraġ u nimtlew bin-nuqqas ta’ fiduċja; inħossuna aktar komdi fl-affarijiet tagħna, aktar komdi anke fin-nuqqasijiet tagħna u fi dnubietna.  Din hi l-għalqa tagħna.  Iżda meta jiġi l-Ispirtu, miegħu jasal il-faraġ, iqegħidna fi stat ieħor, stat li aħna ma nistgħux nikkontrollawh: l-istat li fih nintelqu għal kollox fil-faraġ li jtina l-Mulej.

Franġisku saħaq li l-akbar faraġ jiġi mill-ħniena u l-maħfra.  Il-Papa kkwota tmiem is-sittax-il kapitlu tal-Profeta Eżekjel fejn, wara li jagħmel lista tad-dnubiet tal-poplu, jgħid: ‘Imma jien ma nabbandunakx; jien intik aktar – din se tkun il-vendetta tiegħi:  il-faraġ u l-maħfra.’  Hekk hu magħmul Alla tagħna.

Għal din ir-raġuni tajjeb li nirrepetu:  ħalli l-Mulej ifarraġna għax Hu biss jista’ jagħmel dan.  Anke jekk aħna mdorrijin nikru konsolazzjonijiet żgħar, konsolazzjonijiet li nagħmlu aħna stess, imma li ftit iservu.

Minn hawn il-Papa għadda biex jikkummenta l-Evanġelju ta’ San Mattew li jkellimna dwar in-nagħġa l-mitlufa.  Nistaqsi lil nnifsi, qal il-Papa, liema hu l-faraġ tal-Knisja?  L-istess bħalma persuna tħossha mfarrġa meta tħoss il-ħniena u l-maħfra tal-Mulej, il-Knisja tagħmel festa, tkun ferħana, meta toħroġ minnha nfisha.

Dar-ragħaj li joħroġ, li qrajna dwaru fl-Evanġelju, li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa, seta’ għamel il-kontijiet bħala negozjant:  jekk għandi 99, nitlef waħda mhix problema.  Jikkalkola l-bilanċ…  x’jaqla’ u x’jitlef.  Tajjeb, nistgħu nimxu hekk, hux veru?  Imma le, dak ir-ragħaj għandu qalb, imur ifittixha, u meta jsibha jagħmel festa, iħossu ferħan.  Il-ferħ li nħossu meta noħorġu nfittxu lil ħutna li huma mbiegħda…  dan hu l-ferħ tal-Knisja.  Hemmhekk il-Knisja ssir omm, issir għammiela, afferma l-Papa.

Meta l-Knisja ma tagħmilx dan, meta tieqaf tħares lejha nfisha, tingħalaq fiha nfisha – forsi tkun organizzata tajjeb, imma jonqosha l-ferħ, tonqosha l-festa, tonqosha l-paċi –  issir Knisja sfiduċjata, anzjuża, qalbha sewda, Knisja li aktar tkun mara xiħa milli omm.  Din il-Knisja ma tiswa għal xejn, hija Knisja tal-mużewijiet.

Il-ferħ tal-Knisja hu meta twelled:  meta toħroġ minnha nfisha biex tagħti l-ħajja.  Il-ferħ tal-Knisja hu li tfittex in-nagħġa l-mitlufa.  Il-ferħ tal-Knisja hu proprju dik it-tenerezza tar-ragħaj, it-tenerezza tal-omm.

Fl-aħħar tas-silta minn Iżaija, spjega Franġisku, insibu din it-tixbiha: bħar-ragħaj hu jirgħa l-merħla u b’dirgħajh jiġborha.  Dan hu l-ferħ tal-Knisja, li toħroġ minnha nfisha u ssir għammiela.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja, temm il-Papa Franġisku, li naħdmu, li nkunu Nsara ferħanin fil-fekondità tal-Knisja omm, u jalla l-Mulej iħarisna milli naqgħu fl-atteġġjament ta’ dawk l-Insara mdejqin, bla sabar, anzjużi, li għandhom kollox perfett fil-Knisja imma m’għandhomx ‘ulied’.  Il-Mulej ifarraġna bil-konsolazzjoni ta’ Knisja Omm li toħroġ minnha nfisha u tfarraġna bit-tenerezza ta’ Ġesù u bil-ħniena u l-maħfra ta’ dnubietna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Leave a Reply

%d bloggers like this: