X’bomba dik eh!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli laqgħa mill-isbaħ mal-koppji żgħażagħ Franġiskani fiċ-Ċentru tagħna l-Kapuċċini fil-Furjana. Illum nifhem l-għaliex lilna l-Kapuċċini n-nies minn dejjem laqqmugħna bħala I frati del popolo. Ħeqq! L-għerf li l-Mulej żejjinna bih għallimtuhulna intom għeżież nies! U ta’ dan nirringrazzjawkom minn qiegħ qalbna! Għandna stima kbira lejkom għeżież għalliema tagħna!

Wara li tlabna ilkoll flimkien id-dilka tal-Ispirtu s-Santu, għaliex mingħajru m’għandekx ċans li se niftaħ ħalqi għaliex ma toħroġx kelma, bdejna l-laqgħa. L-Ispirtu dakinnhar qabadha fuq il-gwerra li għaddejjin minnha bħalissa. Kemm-il darba qiegħdin nisimgħu fil-bulletini tal-aħbarijiet li issa ibbumbardjaw hemm. Imbagħad ibbumbarjdawn hawn. Sagħtejn ilu sar raid f’din il-belt. U siegħa wara n-naħa l-oħra tgħidx kemm sparaw fuq nies innoċenti. U mbagħad ngħidu l-għaliex dak it-tali pajjiż, miskin, ġabuħ letteralment għarbiel! Mhux bilfors jekk battlu fuqu l-bombi kollha li kellhom maħżunin fl-imħażen! Ħabba dawk! Li, ta’ Insara, xorta inqushom b’ħutna u li minn qalbna nitolbu għalihom. Jekk dejjem irridu li l-Mulej jaħfrilna! Ma ninsewx il-wegħda ta’ Ġesù x’inhi: “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom” (Mt 6 :14-15). Mela Patri igdem ilsienek! U agħlaq ħalqek! Jekk ma tridx tispiċċa mingħajr il-maħfra tal-Mulej! Għax imbagħad ikollok l-għaliex tibki!

Fis-skiet tal-imbierka kamarti li, Patri Kapuċċin li illum m’għadux magħna, meta kont postulant kien għallimni insejħilha cella caelum, jiġifieri “il-kamra tal-Patri l-ġenna,” il-Mulej għallimni nagħmel il-bombi. Le! Ħa nserraħlek rasek! Dawn m’humiex il-bombi tal-qerda. Dawn it-tip ta’ bombi, fejn jaqgħu, itajru ħafna ħmieġ li jgħidulu ħażen. Dan it-tip ta’ ħmieġ jitrabba’ fil-qlub! Mela dawn il-bombi jinxteħtu fil-qlub tan-nies! Il-fabbrika li tagħmilhom jisimha Bibbja. L-isplussiv kollu jiġi minhemm. Kuntrarju għall-bombi qerrieda dawn il-bombi spiritwali ma jagħmlux ħoss. Lanqas ma joħolqu xi frattarija. Imma d-daqqa toħodha waħdek. Personalment. Il-qawwa ta’ kull waħda minnhom tfissirha eżattament il-fabbrika innifisha li fiha jinħadmu dawn il-bombi.

Fil-fatt, f’taqsima ta’ din il-fabbrika Bibbja, li fiha insibu 73 taqsima, sewwasew fit-taqsima imsejħa Ittra lill-Lhud insibu hekk: “Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u  l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet  tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont” (Lhud 4 :12-13). X’qawwa hux! Dak blast!

F’idejja kelli borża tal-plastik tal-karti abjad u fiha kien hemm ruxxmata bombi! Jiġifieri palċmini żgħar, daqs għaxar ċentimentri tul u żewġ ċentimetri wiesa’. Kull palċmina kellha l-isplussiv li kien meħud kollu Fabbrika Bibbja. Kull palċmina kellha ribbon ħadra. Xi irġiel qaluli b’ċajta: “Bl-aħdar Patri! Tal-Furjana! Tal-Irish!” Dħakna bil-qalb l-għaliex kontra l-grupp terroristiku tax-xjaten trid tiġġieldilhom bil-ferħ u bl-imħabba! Wara li kulħadd ħa bomba kien imiss lili biex nieħu tiegħi. Inkella, mingħajr il-bomba tal-Bibbja kif se nirbaħ il-gwerra li għandi kontra x-xjaten? L-aktar meta, l-ġeneral tiegħi li jismu Ġesù Kristu, bil-qawwa kollha ikkonfronta lill-kap tal-grupp terroristiku tax-xjaten fid-deżert, u qallu kollu qalbieni għall-Mulej Alla: “‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’” (Mt 4:4).

Biex ma ntawwalx ftaħt il-bomba tiegħi. Fiha kien hemm miktub hekk: “Il-frott ta’ l-Ispirtu [s-Santu] huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa u r-rażan” (Gal 5:22-23).

Din hija n-nuċċali tiegħi li minnha se nibda’ nara ħajti! Din se tkun il-filter tiegħi li iżżommli l-ħażen barra minni u tkattarli t-tajjeb tal-grazzja tal-Mulej li hemm diġà fija! Kuljum se nsaqsi lili nnifsi: “Illum kemm kbirt fl-imħabba? Fl-hena? Fis-sliem? Fis-sabar? Fil-ħniena? Fit-tjieba? Fil-fidi? Fil-ħlewwa? Fir-rażan?”

Taf x’qed ngħid? Din hija bomba ta’ fejqan! Ta’ ħajja! Ta’ ferħ! U mela għaliex ma tieħux din il-bomba int ukoll u tħallieha tibdillek ħajtek bħalma qiegħda tbiddel lil tiegħi?

X’bomba dik eh!

Leave a Reply

%d bloggers like this: