Il-ferħ jiġi mill-fidi f’Ġesù mhux mir-regoli dottrinali


Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Mhux ir-regola riġida dottrinali tagħti l-veru ferħ imma l-fidi u t-tama tal-laqgħa ma’ Ġesù. Bniedem li jemmen imma li ma jafx jifraħ iġiblek ħniena. Il-Papa Franġisku afferma dan dalgħodu, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-ferħ ta’ Abraham li jifraħ bit-tama li se jsir missier, kif wiegħdu Alla, kien il-ħsieb ewlieni li fuqu bena r-riflessjoni tiegħu l-Papa fil-kummenti dwar il-qari tal-ġurnata. Abraham hu xiħ u martu Sara wkoll. Imma hu jemmen, jiftaħ qalbu għat-tama, u jimtela bil-faraġ. Ġesù jfakkar lid-dutturi tal-liġi li Abraham qabeż bil-ferħ bit-tama li jara jasal il-jum tiegħu, u mtela bil-hena.

Dan hu dak li ma kinux jifhmu d-dutturi tal-liġi. Ma kinux jifhmu l-ferħ li ġej mill-wegħda; ma kinux jifhmu l-ferħ li ġej mit-tama; ma kinux jifhmu l-ferħ li ġej mill-patt. Ma kienu jifhmu xejn! Ma kinux jafu jifirħu, għax kienu tilfu s-sens tal-ferħ li jiġi biss mill-fidi.

Missierna Abraham kellu ħila jifraħ għax kellu l-fidi: kien sar ġust fil-fidi. Imma l-mexxejja tal-Lhud kienu tilfuha l-fidi. Kienu dutturi tal-liġi, imma mingħajr fidi! Aktar minn hekk: kienu tilfu wkoll il-liġi! Għax il-qofol tal-liġi hija l-imħabba, l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Dawn kellhom biss, kompla jgħid il-Papa, duttrina preċiża li kienu jirfinawha kuljum biex ħadd ma jkun jista’ jibdilha. Nies bla fidi, mingħajr liġi, imkaħħlin mad-duttrina, li kienet tfisser atteġġjament fejn kollox kien regola riġida skont il-każ: għandna nħallsu t-taxxi lil Ċesare jew le? Din il-mara li żżewġet seba’ darbiet, mart min se tkun meta tasal is-sema?

Din il-każistika kienet id-dinja tagħhom: dinja astratta, dinja mingħajr imħabba, dinja mingħajr fidi, dinja mingħajr tama, dinja mingħajr fiduċja, dinja mingħajr Alla. U kien għalhekk li ma setgħux iħossu l-ferħ!

Forsi, zied jgħid b’ironija l-Papa, kienu jiddevertu xi ftit imma mingħajr ferħ, anzi bil-biża’. Din hi l-ħajja mingħajr tama f’Alla, mingħajr fiduċja f’Alla. Qalbhom hi iebsa, tal-ġebel. Kemm hu ta’ swied il-qalb li bniedem jgħid li jemmen u m’għandux ferħ. U l-ferħ ikun nieqes meta m’hemmx il-fidi, meta m’hemmx it-tama, meta m’hemmx il-liġi imma biss riċetti, duttrina kiesħa, riġida.

Il-ferħ tal-fidi, il-ferħ tal-Vanġelu, huwa l-qies tal-fidi tal-persuna. Mingħajr ferħ, dik il-persuna mhix verament waħda li temmen.

Issa mmorru lura lejn id-dar, imma qabel nagħmlu ċelebrazzjoni b’dan il-kliem ta’ Ġesù: ‘Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ.’ U aħna nitolbu lill-Mulej il-grazzja li naqbżu bil-ferħ, il-grazzja li naraw il-jum ta’ Ġesù, meta ningħaqdu miegħu. Nitolbu l-grazzja tal-ferħ, temm Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.