Il-Ġimgħa, 22 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Liema hi l-ħarsa ta’ Ġesù li qed inħoss fuqi?, staqsa l-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu. Ġesù rxoxt iħejji l-ikel għad-dixxipli tiegħu u wara li kiel jibda djalogu intens ma’ Pietru.
Din kienet ix-xbieha li l-Papa Franġisku bena l-omelija fuqha u qal li waqt it-talb ħass f’qalbu xi ħaġa dwar kif kienet il-ħarsa ta’ Ġesù lejn Pietru. Il-Papa għalhekk deherlu li sab tliet modi ta’ ħars fil-Vanġelu: ħars ta’ ħatra, ta’ ndiema u ta’ missjoni.
Fil-bidu tal-Vanġelu, fakkar Franġisku, meta Indrì jmur għand ħuh Pietru u jgħidlu li sabu l-Messija, hemm ħarsa ta’ entużjażmu. Ġesù jiffissa ħarstu fuqu u jgħidlu: ‘Int Xmun, bin Ġona. Ismek se jkun Pietru.’
Din hija l-ewwel ħarsa, il-ħarsa tal-ħatra. Hemm għalhekk l-ewwel ħarsa: dik tal-vokazzjoni, l-ewwel tħabbira tal-missjoni. U kif inhi r-ruħ ta’ Pietru quddiem dik il-ħarsa? Kienet entużjasta, qal Franġisku. Kien il-waqt li mar wara l-Mulej.
Imbagħad hemm il-ħarsa drammatika ta’ nhar Ħamis ix-Xirka, wara li Pietru ċaħad lil Ġesù għal tliet darbiet. Tilef kollox, tilef imħabbtu, u meta Ġesù jħares lejh, jibda jibki.
Il-Vanġelu ta’ Luqa jgħidilna li Pietru beka biki ta’ qsim il-qalb. Dak l-entużjażmu li kellu biex jimxi wara Ġesù nbidel fi dmugħ għax dineb: ċaħad lil Ġesù. Dik il-ħarsa lil Pietru biddlitlu qalbu u bidlitu aktar minn qabel.
L-ewwel ħarsa kienet tfisser bdil fl-isem u fil-vokazzjoni. Din it-tieni waħda hi ħarsa li tibdel il-qalb u hija ħarsa li tfisser konverżjoni lejn l-imħabba.
Imbagħad hemm il-ħarsa tal-laqgħa li seħħet wara l-qawmien mill-mewt. Nafu li Ġesù ltaqa’ ma’ Pietru – dan jgħidulna l-Vanġelu – imma ma nafux xi ntqal, osserva l-Papa.
Dik li nsibu fil-Vanġelu tal-lum, hija t-tielet ħarsa: dik li tikkonferma l-missjoni, imma wkoll il-ħarsa li biha Ġesù jitlob il-konferma tal-imħabba ta’ Pietru. Għal tliet darbiet il-Mulej jistaqsi lil Pietru biex jistqarrlu mħabbtu u jħeġġu biex jirgħa l-ħrief tiegħu. Mat-tielet mistoqsija Pietru ħass qalbu tingħafas u kważi beda jibki.
Iddispjaċih għax għat-tielet darba Ġesù staqsieh: ‘Inti tħobbni?’ Pietru jgħidlu: ‘Mulej Int taf kollox. Taf li nħobbok.’ U Ġesù jwieġeb: ‘Irgħa n-nagħaġ tiegħi.’ Din hi t-tielet ħarsa, il-ħarsa tal-missjoni. L-ewwel ħarsa kienet dik tal-ħatra; it-tieni ħarsa kienet tal-indiema fil-waqt tant gravi taċ-ċaħda; it-tielet hija ħarsa ta’ missjoni: ‘Irgħa n-nagħaġ tiegħi.’
Imma, osserva l-Papa Franġisku, l-istorja ma tintemmx hemmhekk. Ġesù jmur aktar lil hinn u lil Pietru jgħidlu: ‘Int tagħmel dan kollu għall-imħabba tiegħi.’ U wara, se jinkurunawh re? Le. Ġesù jħabbar lil Pietru li anke hu kellu jimxi warajH fit-triq tas-Salib.
Allura anke aħna llum nistgħu naħsbu: liema hi l-ħarsa li Ġesù qed jagħtini? Kif qed iħares lejja? B’sejħa? Bil-maħfra? B’missjoni? Imma aħna lkoll mexjin fit-triq li ħejjielna Hu u qegħdin taħt il-ħarsa tiegħu. Qed jitlobna xi ħaġa, qed jaħfrilna xi ħaġa, qed itina missjoni.
Issa Ġesù se jinżel fuq l-artal u kull wieħed u waħda minna għandu jaħseb: Int qiegħed hawn fostna. Sammar ħarstek fuqi u għidli x’għandi nagħmel; kif għandi nibki l-iżbalji tiegħi, dnubieti; liema hu l-kuraġġ li bih għandi nimxi ‘l quddiem fit-triq li Int għaddejt minnha qabli.
Illum, temm il-Papa Franġisku, jagħmlilna tajjeb nerġgħu naqraw dan id-djalogu mal-Mulej u naħsbu dwar il-ħarsa li Ġesù qed jagħti lil kull wieħed u waħda minna.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija