It-Tlieta, 26 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Pietru jistaqsi lil Ġesù x’se jkollhom id-dixxipli talli qed jimxu warajH. Din kienet mistoqsija li saret wara li l-Mulej kien qal lir-raġel għani biex ibigħ kull ma’ kellu u jtih lill-foqra.
Il-Papa Franġisku għamel omelija fuq dan id-djalogu li hu ta’ attwalità kbira. Il-Qdusija Tiegħu osserva li t-tweġiba ta’ Ġesù hi kontra dak li kienu qed jistennew id-dixxipli: ma jitkellimx dwar l-għana, imma jwiegħed il-wirt tas-saltna tas-sema flimkien ma’ persekuzzjoni u salib.
Għalhekk, meta Nisrani jkollu qalbu marbuta mal-ġid materjali, jagħmel ikrah ħafna; ikun Nisrani li jrid żewġ affarijiet: is-sema u l-art. U l-kejl hu eżattament dak li jgħid Ġesù: is-salib u l-persekuzzjoni. Dan ifisser li niċħdu lilna nfusna u kuljum naċċettaw is-salib. Id-dixxipli kellhom din it-tentazzjoni, li jimxu wara Ġesù, imma mbagħad x’se jkun it-tmiem ta’ din il-biċċa negozju tajba?
Niftakru f’omm Ġakbu u Ġwanni, meta talbet lil Ġesù biex jagħti post lil uliedha: lil wieħed riedet tagħmlu prim ministru u lill-ieħor ministru tal-ekonomija… B’hekk għażlet l-interess mondan tal-mixja wara Ġesù.
Imma wara, innota Franġisku, il-qalb ta’ dawn id-dixxipli ġiet imsoffija u fil-Pentekoste fehmu kollox. Il-gratwità fis-sekwela ta’ Ġesù hija r-risposta għall-gratwità tal-imħabba u tas-salvazzjoni li jtina Ġesù.
Meta nkunu rridu nimxu kemm ma’ Ġesù kif ukoll mad-dinja, mal-faqar u mal-ġid – wissa l-Papa – dan ikun Kristjaneżmu bin-nofs, Kristjaneżmu li jrid il-qligħ materjali: huwa l-ispirtu tal-mondanità.
Dak in-Nisrani, afferma l-Papa Franġisku li kkwota lill-Profeta Elija, ikun jitbandal minn sieq għall-oħra għax ma jkunx jaf eżattament xi jrid. Għalhekk biex nifhmu dan jeħtieġ niftakru li Ġesù ħabbrilna li tal-ewwel jiġu l-aħħar u tal-aħħar jiġu l-ewwel, jiġifieri, dak li jaħseb jew li hu l-akbar, għandu jkun il-qaddej taż-żgħir.
Li nsegwu lil Ġesù, mill-aspett uman mhux negozju tajjeb. Irridu nservu. Hekk għamel Hu, u jekk il-Mulej itik il-possibiltà li jkollok il-ġid, int trid taqdi, jiġifieri tużah għall-oħrajn
Hemm tliet affarijiet, tliet tarġiet li jbegħduna minn Ġesù: il-ġid materjali, il-vanità u l-kburija. Hu għalhekk li l-ġid materjali hu tant perikoluż għax iwasslek għall-vanità u tibda taħseb li int importanti. U meta tibda taħseb li int importanti, tikbirlek rasek u tintilef.
It-triq li jurina l-Mulej, kompla jgħid il-Papa, hi dik li ninżgħu minn kollox kif għamel Hu: ‘Min hu l-ewwel fostkom isir qaddej ta’ kulħadd.’
Dan ix-xogħol mad-dixxipli, lil Ġesù swielu ħafna u ħafna ħin għax huma ma kinux jifhmu sew. Allura, żied jgħid, anke aħna għandna nitolbuH: Għallimna din it-triq, dan l-għerf tal-qadi, dan l-għerf tal-umiltà, dan l-għerf li nkunu tal-aħħar biex inservu lill-aħwa fil-Knisja.
Hu ikrah tara Nisrani lajk, persuna kkonsagrata, saċerdot, isqof… hu ikrah ħafna tara li dan irid iż-żewġ affarijiet: isegwi lil Ġesù u lill-ġid, isegwi lil Ġesù u lill-mondanità. Din hi xhieda kuntrarja u tbiegħed lin-nies minn Ġesù.
Issa nkomplu ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, temm il-Papa, filwaqt li naħsbu fil-mistoqsija ta’ Pietru: ‘Tlaqna kollox. Kif se tħallasna?’ U niftakru fit-tweġiba ta’ Ġesù li l-prezz li jtina Hu jkun li nkunu nixbhuH. Din tkun il-paga, paga kbira: li aħna nsiru nixbhu lil Ġesù!
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija