Ħallina bi kwietna!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Inħobb nitgħallem minnkom. In-nies sempliċi. Imma saqajhom mal-art. L-għaliex intom, li tgħaddu minn xiex tgħaddu, dejjem tispiċċaw tarrikkixxu mhux biss lili imma wkoll lil min hu bħali.

In-nanniet huma tassew barka fil-familja. Kemm nieħu gost nisma’ ġenituri żgħażagħ li jfaħħru lin-nanniet. U jfaħħruhom l-għaliex tassew imiddu idejhom u jgħinuhom. Ikunu minn ta’ quddiem nett biex lil uliedhom u lin-nisa u lill-irġiel ta’ marthom u ta’ żwieġhom jagħtuhom dik il-palata ħa jkomplu jaqdfu fil-mewġ tal-ħajja. Minħabba l-loans li jidħlu għalihom biex ikunu jistgħu jieqfu fuq saqajhom spiss ir-raġel u l-mara jkollhom joħorġu jaħdmu. U min se joqgħod mat-tfal iż-żgħar tagħhom? Mhux in-nanna u n-nannu? Min se jitmagħhom mal-ġurnata sakemm ommhom u missierhom jiġu lura mix-xogħol? Mhux in-nanna u n-nannu? Saħansitra min, f’ċertu każi, se joħodhom il-Mużew għad-duttrina? Mhux in-nanna u n-nannu?

Hemm hi l-litanija: in-nanna u n-nannu! L-għaliex in-nanna u n-nannu huwa tweġiba għall-bżonn tal-familja żgħażugħa. Tal-familja li għadha qed tqum fuq saqajha. Tal-familja li, bħat-tifel jew it-tifla żgħira, qed taqbad timxi bil-mod il-mod għal rieħa. U hemm hu l-factotum! Għal rieħa! Issa meta ngħid għal rieħa minix qed infisser mingħajr l-ebda kommunikazzjoni ma’ ħadd. Allaħares! Għaliex li kieku l-familja tispiċċa mkaħħla f’xi ħajt. Mela importanti li l-familja jkollha dak il-punt ta’ riferiment. Li, f’xi waqtiet, jistgħu jkunu n-nanniet.

Madankollu n-nanniet m’għandhom qatt jippretendu li huma l-kollox tal-familja ta’ wliedhom. Jekk jien nanna jew nannu m’għandi qatt nippretendi li l-għaliex qed ngħin lil ibni jew lil binti fil-familja jfisser li naqbad u nindaħal fil-familja tiegħu u tagħha bla addoċċ. It-tfal għandhom ħajjithom x’jgħixu! U din hija importantissima!

Ma ninsa’ qatt l-esperjenza personali tiegħi meta dħalt mal-Patrijiet Kapuċċini. Niftakar li meta ġie għalija d-direttur tal-postulanti biex ngħabbi l-affarijiet ħa noħodhom il-kunvent ommi, daqskemm bkiet, lanqas kellha kuraġġ issellimli. Minflok marret tibki f’kamra u ma ratnix ħiereġ. Għall-ewwel tħawwadt. Imma illum ma nieqafx ngħid GRAZZI minn qalbi l-Mulej għal dan! Meta ħriġt mill-bieb tad-dar ħassejt par idejn kbar, ħelwin u ferħana li ħaddnuni magħhom. U tant kemm dawn l-idejn imlewni bil-paċi li, għalkemm bqajt inżur lil ommi sal-ġurnata mqaddsa tallum, xorta waħda għandi ħajti x’ngħix. Jiena ma sirtx Patri biex nibqa’ ma’ ommi. Li kieku kien hekk li kieku stajt nibqa’ d-dar mill-ewwel. Jiena sirt Patri biex ngħix il-ħajja ta’ Patri. U minkejja t-tlajja’ u l-inżul ta’ ħajti illum ngħid, b’ferħ kbir, li l-kunvent tassew huwa dari. U ma nibdlu ma’ ħadd u ma xejn. Għax darek dejjem darek!

L-istess ngħid lilkom għeżież nanniet. Grazzi kemm tagħmlu ma’ uliedkom miżżewġin. Grazzi li tgħinuhom u żżommulhom lil uliedhom. U anki tgħinuhom finanzjarjament. Imma qatt tindaħlu bejniethom. Qatt taqbżu għat-tifla jew għat-tifel f’dak l-argument jaħraq. Qatt tippretendu li t-tifla għandha iġġibkom qabel żewġha. Inkella t-tifel iġibkom qabel martu. Qatt m’għandkom tindaħlu fil-mod ta’ kif uliedkom irabbu lil uliedhom. Qatt m’għandkom twaqqgħulhom il-kelma tagħhom. Jew tagħmlu xi preferenzi ma’ uliedhom. Ħobbuhom ilkoll l-istess.

Ma ninsa’ qatt darba x’għallmittni mara li l-Mulej kien berikha b’għomor twil. Kienet qatli: “Meta t-tifel jiġi d-dar l-għaliex ikun iġġieled ma’ martu jiena l-ewwel ħaġa li nagħmel hija li nibgħatu għandha ħa jirranġa magħha. Rasha u rasu. U meta jiġi d-dar l-għaliex ikollu xi round magħha ngħidlu: ‘Ibni! Din id-dar darba kienet il-post fejn kont tgħix. Imma issa m’hix tiegħek iżjed. Mur f’darek. Irranġa ma’ martek!”

Kemm nieħu gost meta nisma’ anzjani li, meta jmorru jżuru lil uliedhom, f’ċertu punt jgħidu: “Ħa jkolli immur l-għaliex darek darek!” Sewwa tgħidu ħbieb! Dan għerf! Imma huwa għerf ukoll jekk ngħidu: “Ibni u binti għandhom il-familja tagħhom. Mela ħalliehom jgħixu ħajjithom”. Dan ma jfissirx li parir ma nagħtuhx. Imma, wara li nkunu tajnieh b’imħabba, inħalluhom jgħixu ż-żwieġ tagħhom!

Jekk int nanna jew nannu qed tindaħal fejn ma jesgħekx nitolbok isma’ l-karba ta’ uliedek: “Mà! Pà! Ħallina bi kwietna!” Tindaħlilhomx! Jekk ma tridx ikollok piena għal għomrok!

Leave a Reply

%d bloggers like this: