Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali

L-istennija


Patri Mario Attard OFM Cap

Kienu ilu x-xhur jgħodd sakemm jaraha hawn. U fl-aħħar jiltaqa’ magħha! Jum wara jum. Bl-eċitament dejjem jikber. Baqa’ jittama. L-għaliex, meta bniedem isir iħobb warrablu. Jagħmel minn kollox għal min iħobb!

Meta smajtu jirrakkuntali l-istorja anki jien bdejt inħoss naqra mill-eċitament li ħass hu f’dawn ix-xhur. L-għaliex, ngħiduha kif inhi, l-istennija taf tkun sabiħa. Ovvjament l-għaliex fil-bogħod, jew mhux daqstant bogħod, ikun hemm xi ħaġa pożittiva warajha. Li dak li jkun ikun qed jistenna bil-ħerqa. U, ngħid jien, x’hemm isbaħ milli tistenna ħalli tagħti tgħannieqa lil min tkun tassew tħobb? Lil min tkun ilek ħafna tistennieh u tistennieha ġej u ġejja għandek?

Il-ħajja hekk: hawn min jistenna għal xi ħaġa li lilu tagħtih kuraġġ. Tnissillu tama. Tgħinu jara ċar dak li bħalissa, għal diversi raġunijiet, ma jistax tabilħaqq jara.

Madankollu, fil-verità, teżiżti ukoll in-naħa l-oħra tal-munita. Jiġifieri ta’ min jkun qed jitlob bil-ħerqa ħalli l-mument deċiż idum ma jiġi. L-għaliex, ir-riżultat aħħari tiegħu, jaf ikun tassew ta’ qsim il-qalb għalih. Jaf inikktu u jsabbtu bl-inkwiet li joħloqlu. Int ħu min se jagħmel operazzjoni serja li biha se jpoġġi ħajtu taħt il-mannara. X’jista’ jiġri? Jew vi inkella va! Imbagħad xi ngħidu għal min tiela’ għall-kawża l-qorti u għadu ma jafx kif ħa tinqatagħlu. Jew tiġi għal rasha inkella għal saqajha. Din it-tip ta’ stennija toħloq l-ansjetà. L-uġiegħ fl-istonku. Ajma l-istonku tiegħi x’juġgħani! Donnu sar magna taż-żrar! U min jaf hekk? U min jaf hekk? Bnedmin aħna. Bilfors li l-biża’ iddaħħal xi ftit rasha. Jekk mhux minn din in-naħa żgur li ħa tipprova minn naħa l-oħra.

Imma bil-mod! Ejjew ma ngħaġġlux! Mal-istennija irridu wkoll ingredjent ieħor meħtieġ: is-sabar. L-għaliex, u dan mhux qed ngħidu jien, ġieli ħsiebna mod u kien ieħor. Ġieli ħsibt li sejjer għall-mewt imma, għall-grazzja ta’ Alla, t’hemm Fuq, bidilhieli. Bħalma ġieli wkoll li ħaġa li ħsibt li se ngħaddieha lixxa tgħidx kemm domt intabbab biha!

Wara kollox, u dan jgħallimhuli l-Mulej Ġesù innifsu u anki l-ħajja, ħafna inkwiet se jsolvili l-problemi? Lanqas xejn! Anzi! Iżidhomli ħafna aktar. L-għaliex il-pressjoni ta’ demmi tispara ‘l fuq u kollox nibda’ narah idur bija. U, ngħid jien, jekk jagħtini xi ħaġa b’dan l-inkwiet kollu min se jbati? Mhux jien? U mela għalfejn ħafna tbaqbiq u suppożizzjonijiet! Ejja ngħix il-ġurnata, bil-mod il-mod, u mbagħad l-għada jaħseb hu għalih innifsu.

Il-ħajja illum tgħaġġlet bil-bosta. Donnu spiċċa żmien li wieħed joqgħod iħammem u jgħix film f’moħħu jew fil-fantasija tiegħu. Ħajjitna turina kemm riħ ta’ nofs minuta jaf iħarbat qiegħa. Mela, waqt li qed nistenna għal xi ħaġa partikulari biex isseħħ, ejja nagħti ċans lili nnifsi u ngħix il-mument preżenti. L-għaliex anki jekk meta jseħħli nagħmel il-ħaġa li tgħidx kemm inkun ilni nistenna għaliha, jaħasra nkun tlift xebgħa grazzji li l-Mulej ikun tani waqt li nkun qed nistennieha.

Le ħbieb! Fil-ħajja kull qattra tgħodd. Kull esperjenza għandha l-importanza tagħha. Għalhekk ejjew inkunu ġentili magħna nfusna. Ejjew nirrispettaw ukoll dak kollu li jiġi f’ħajjitna. L-għaliex, waqt l-istennija, jaf jiġru ħwejjeġ li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nibda’ nintebaħ kemm kienu aktar importanti u meħtieġa għalija mill-ħaġa li tant ħlejt enerġija nistennieha.

U, barra minhekk, kemm hu isbaħ li l-ħaġa li nkun qed nħejji għaliha nħallieha tiġi fuqi u tħaddanni magħha hi. Minflok ma nipprova naħtafha jien u hekk nagħmel xi froġa froġun! Wara kollox, kif tgħid tajjeb l-awtriċi Nisranija u kelliema Kariżmatika, Joyce Meyer, “is-sabar m’huwiex biss fil-kapaċità li wieħed jistenna. Is-sabar huwa kif aħna nġibu ruħna waqt li nistennew”.

Mela, waqt li qed tistenna, iftaħ par widnejk, moħħok u, fuq kollox, qalbek. L-għaliex li tistenna bis-sabar u b’ħafna ħidma perseveranti hija l-aqwa mod ta’ kif imbagħad tgawdi dak li kont qed tistenna b’tant entużjażmu!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s