Ngħidlek Prosit!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Ħafna jparlaw. U jindifnu bi kliemhom stess. Mimli ġudizzji, lanez u vleġġeġ. Anki wħud minn dawk li jirrappreżentawk. Imsieken! mhux darba jew tnejn jiskru fil-preżunzjoni tagħhom stess. U aqta’ kemm jgħafġu u jnittnu kullimkien!

Imma fi fwieħtek jiena nilmħek. Ħallejthom jgħajruk meta kellek fejn tgħajjarhom. Ibiċċruk meta kellek fejn iġġibhom biċċiet. Jilgħabu bi kliemhom ħa jgħalluk. Meta int, bil-preżenza tiegħek, stajt timmutahom. Jew tħawdilhom kliemhom. Imma le! Int għażilt it-triq tas-skiet. Tad-djalogu. Tal-umiltà. Tista’ kollox u bqajt Ħaruf!

U fl-aħħar, meta ma felħux aktar jarawk b’għajnejhom, sallbuk. Mhux biss. Imma għamlulek ukoll l-għassa ma’ bieb qabrek. Lil min tgħidha din? Bl-għassa ma’ bniedem mejjet? Jaqaw beżgħu li jisirquk u jitolbu r-riskatt għalik? Imma, ngħid jien, min tridu jintriga b’ġisem mejjet? X’jambuh?

Hemm int! Tefgħuk f’liżar. Dilku ‘l ġismek imfarrak bil-fwejjaħ. Għalqu u ssiġillaw bieb qabrek b’ġebla daqshiex. U, jekk jogħġbok, bis-suldati għassa! Li ma jmorrux ifettlilhom id-dixxipli tiegħek jiġu u jisirquk. Imma x’ġara? Dak li beżgħu li jiġri. Is-suldati sabu l-qabar tiegħek vojt. Int ma kontx hemm. L-għaliex qomt minn bejn l-imwiet. M’għadekx iżjed mal-mejtin.

Is-suldati intalbu l-prova. Imma xi prova setgħu jagħtu jekk mhux il-qabar vojt? Intalbu tifsira. Imma x’tifsira setgħu jagħtu jekk mhux li xi ħaġa mhux tas-soltu kienet ġrat. Il-qabar issa ġie bla fejda. Tilef is-sens tiegħu. Imma stenna waħda … Le! Il-qabar issa ħa tifsira ġdida! Dik li min se jitqiegħed fih mhux se jibqa’ hemm għal dejjem. L-ispirtu tiegħu jqum. Tqajjimhulu int. Ifhem. Din mhix xi ħaġa li trid xi kwalifika akkademika biex tifhimha. U lanqas xi abbiltà rettorika issemmix. Kulma trid hu qalb ta’ tifel u tifla ċkejken u ċkejkna. Li temmen.

Int għedtilna: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” (Ġw 11:25-26). Issa lqattni? Mhux biex inqabbiżlhomlok imma qisni ma tantx nemmen. Għax, u fuq kollox, ħadd ma mar u ġie jgħidilna x’hemm. Naf li hemm xi ħaġa imma, aktar minhekk, ma nafx. Madankollu l-kuntrarju ma naħmlux. Il-moħqrija iddejjaqni. Anzi, nobgħodha. Bniedem irrid nitimgħu u nisqih. U nħallieh jgħix kif tgħidlu r-reliġjon tiegħu. Basta lili jħallini nipprattika ir-reliġjon tiegħi. Sewwa?

Madankollu, meta nara lil xi ħadd imkisser, kelma għall-ġid ma ngħidlux? U meta nara lil xi ħadd li se jibqa’ dieħel għal-ġolħajt.com għandi l-qalb nibqa’ b’idejja fuq żaqqi? Kelma li tbiddillu naqra fehmtu, għax dak il-ħin ma jkunx qed jara miskin, ma nfendilux? U jekk jien nagħmel dawn l-affarijiet kif nagħmilhom? L-għaliex imdorri hekk? Magħmul u magħmula hekk? Jew l-għaliex hemm XI ĦADD li hu t-tajjeb fih innifsu, li jfesfisli f’widnejn qalbi x’għandi ngħid u x’mgħandix ngħid?

U dak ix-XI ĦADD li, għall-ġid li għamel ħallsuh bid-deni, kif ġab ruħu magħhom? Ħafrilhom! U qam minn bejn l-imwiet ħalli jirbaħhom għalih! Għax, imsieken, ma kienux jafu x’inhuma jagħmlu!

Taf li anki jien nixtieq inqum minn bejn l-imwiet bħalek. U, bħalek, ma rridx nistenna li jseħħ minni dan wara mewti. Irrid li issa inqum mill-mewt. Imma kif?

Billi fejn hemm il-mibegħda inħallik tħeġġeġ fija l-imħabba. Billi meta l-ħtija tiflaġellani nħallik tferrex fija l-maħfra tiegħek. Billi meta fija d-dubju jibda ikissirni nħallik iddaħħal fija l-fidi fik. U meta jkun hemm fija riħ qawwi ta’ qtigħ il-qalb inħallik tqawwi fija t-tama. Billi meta nara d-dlam madwari nħallik tkebbisni bid-dawl tiegħek. U, fuq kollox, fejn madwari insib in-niket inħallik ixxerred fija u bija l-ferħ tiegħek!

Grazzi Mulej li ġġagħlni nfarraġ milli nitfarraġ. Li nifhem aktar lil ħaddieħor milli nistenna li ħaddieħor jifhem lili. Grazzi li ġġagħlni nħobb milli niġi maħbub u maħbuba jien. Għax bil-qawmien tiegħek int tgħallimni li meta nagħti naqla’. Meta naħfer niġi maħfur u maħfura. U meta mmut nerġa’ nitwieled għall-ħajja ta’ dejjem. Ħallini ċkejken u ċkejkna Ġesù. Ħallini b’idi mxammra ħa naħdem għalik u qatt b’imnieħri mxammar u nkun bulldozer basta infisqi u inpaxxi lis-suppervja li hemm tbaqbaq ġewwa fija. Huwa biss min hu umli li quddiemek hu kbir u kbira. Il-bqija ikun bħall-bott vojt u bla fejda.

Ġesù, int dan kollu għextu. Qomt minn bejn l-imwiet. Bis-skiet kollu tiegħek. Imma b’dak is-skiet li jtarrax t’imħabbtek kollha ħlewwa ġennint lid-dinja kollha għalik. Ġesu! Ngħidlek Prosit!

Leave a Reply

%d bloggers like this: