Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Żiffa friska eterna

Żiffa friska eterna


Patri Mario Attard OFM Cap

Ġejt mill-Isptar. Tlajt f’kamarti. Fis-skiet. Biex nistrieħ mill-għejja ta’ jiem ta’ ħidma bla heda u fit-tul.

Illejl, niżżi ħajr lill-Mulej, irqaddtu bl-aktar sliem. Fil-qalba ta’ ruħi kont naf li tajt kulma stajt. U tajtu bil-ferħ u b’qalbi kollha. Kif, Dak li għalih jien naħdem u lilu nqim, jagħtini lilu nnifsu bil-ferħ u b’qalbu kollha. X’ħin stenbaħt, u tajt lili nnifsi ħin biex niġi f’tiegħi, inżilt mis-sodda. U ħejjejt ruħi biex nibda’ l-ġurnata miegħu, bl-isbaħ u bl-aqwa talba: il-quddiesa.

Imma hekk kif ftaħt bieb kamarti ħassejtni nitħaddan miż-żiffa friska li bdiet ġejja mit-tieqa ta’ quddiem kamarti. Kienet żiffa li daħlitli f’għadmi. F’dik l-għodwa ħelwa ħelwa tar-rebbiegħa. U anki jekk, il-għajja tal-jum ta’ qabel, xorta waħda baqgħet tgħolli rasha, f’dik iż-żiffa friska u misterjuża anki hi kellha tiskot. Kellha tagħtiha l-ispazzju kollu tagħha.

X’misteru din iż-żiffa! Żiffa li ma tifhimhiex! Li la taf minfejn hi ġejja u mela aħseb u ara kemm taf fejn hi sejra. Imma, u hawn hu s-sabiħ tagħha, din iż-żiffa għadha għaddejja. U ma taqta’ qalbha qatt! L-għaliex żmienha jibqa’ dejjem żmienha. U tiġi fuq dak li jkun meta lanqas li jkun qed jistennieha!

F’dik iż-żiffa, friska friska, ħassejtni nieħu saħħti lura mill-ġdid. Imma mhux ħajti! L-għaliex ħajti hija ta’ Kristu BISS! Is-saħħa li ħadt mill-ġdid lura fakkrittni li fil-ħajja m’għandi naqta’ qalbi qatt! Ngħaddi minn xiex ngħaddi. Kien hemm xi Ħadd ieħor li ħadem ħafna aktar bil-bosta mill-ħdimt jien. Tant hu hekk li l-evanġelista tar-Raba’ Vanġelu kiteb hekk: “Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu” (Ġw 21:25). Kemm għadni ‘l bogħod minn dak li għamel Ġesù!

Madankollu, dan Ġesù, li hu l-Mulej, ħallielna wirtu. Ħallielna l-aħħar xewqa tiegħu. Qabel ma’ bata, miet u qam minn bejn l-imwiet. “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:34-35). L-imħabba ta’ Ġesu tirbaħ fuq il-mibegħda, tirbaħ fuq l-għejra, tirbaħ fuq is-suspett, tirbaħ fuq ir-rabja, tirbaħ fuq l-ansjetà. L-imħabba, l-imħabba, imħabba … ta’ Ġesù …

Illum qomna b’arja ġdida u friska. L-għaliex inħlisna mill-arja li tifga tad-daqqiet ta’ ponn, tal-bżieq, tad-daqqiet ta’ ħarta, tat-tradiment, taċ-ċaħda, tal-għajjat tal-kundanna, tat-tixwix, tax-xhieda falza, tal-kilba għall-poter, tal-kuruna tax-xewk, tas-swat, tal-biża, tad-dwejjaq, tal-imsiemer … u tal-kantaliena ta’ tbatijiet li għadda minnhom xi Ħadd li hu kulħadd. Xi Ħadd li għamel biss ġid lil kulħadd.

Imma kif dan ix-xi Ħadd rebaħ dan kollu? Ma iddikjarax gwerra qaddisa. Lanqas ivvendika ruħu. U, wisq anqas, ma bagħat l-anġli tiegħu biex imegħkuhom huma. Le! Rebaħ dan kollu billi qagħad għalihom. Ħallihom joqtluh. Jitfgħuh f’qabar mal-ħżiena. Iżda, fit-tielet jum, QAM. Għax il-qawmien tiegħu imur lil hinn mir-rebħa ta’ kawża legali. Li, anki jekk tirbaħha, taf tiġik iz-zalza ogħla mill-ħuta. Ir-rebħa tiegħu bla ħlas. Gratwita. Hija rebħa li ma teħilx fuqu biss imma tgħaddi għandi u għandek.

Ara kemm naħilfu b’nies: s’issa ħadd minnhom ma ta ħajtu jew ħajjitha għalina! Ħadd ma għażel li jinqatel hu jew hi biex issalva int jew jien. U dawn huma nies bħali u bħalek. Li għandhom xi jxommu, bħalna. Għalkemm bil-pulit u bid-diplomazija.

Imma Hu qatt ma kien diplomatiku. Hu dejjem irraġuna: “Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin” (Mt 5:37).

Grazzi Mulej Ġesù li qomt minn bejn l-imwiet għalija, l-ewwel wieħed, l-ewwel waħda. Għinni nqum dejjem għas-sewwa, għall-ġenerożità, għall-maħfra u għall-umiltà tiegħek. Ma rridx nagħmel wirja tal-qdusija tiegħi. Imma rrid iva li int tagħmel wirja ta’ qdusitek fija. Għax int Mulej iż-żiffa friska ta’ quddiem kamarti. Iż-żiffa li tagħtini l-ħajja kuljum ħa naqdik! Int iż-żiffa friska eterna tiegħi! Ġesù … PROSIT!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: