Home > Arċisqof Charles J. Scicluna, Ġenerali > X’hemm isbaħ minn li tgħin lil xi ħadd mingħajr ħafna daqq?

X’hemm isbaħ minn li tgħin lil xi ħadd mingħajr ħafna daqq?


Il-Ħadd, 7 ta’ Mejju 2017: L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal-youth leaders li attendew għall-konferenza taż-żgħażagħ ‘Plexus’.

299751-600xNone

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna- Fil-Konferenza ‘Plexus’, Sant’Agata, ir-Rabat.

Ġesù għalfejn? Ġesù għandna bżonnu? Nissuġġerilkom li dak il-ħin tiftakru fl-aħħar vers tal-Evanġelju li għandna kemm smajna u li faċli wkoll tiftakar il-quote tiegħu għax huwa Ġwanni 10, 10: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10, 10), life to the full.

Jiena naħseb żagħżugħ jentużjażma ruħu b’mexxej li mhux biss qed joffrilu li jeżisti imma li jgħix, mhux biss li jgħix, imma li jgħix “to the full”, bil-kotra. Ġesù qed joffri li min jimxi warajh mhux biss jgħix imma jgawdi l-ħajja, il-ħajja imexmixha “to the full”.

Mill-esperjenza tagħna nirrealizzaw li meta l-għażliet tagħna jbegħduna minn Ġesù, il-ħajja tagħna tonqos mill-kwalità. X’hemm isbaħ minn raqda tajba b’kuxjenza safja wara qrara tajba? X’hemm isbaħ mill-ferħ li inti tħoss f’qalbek meta tgħin li xi ħadd mingħajr ħafna daqq? X’hemm isbaħ li tħobb lil xi ħadd b’imħabba safja? U inti tirrealizza li dawn l-affarijiet, inkluż is-sbuħija tal-ħajja u s-sbuħija tal-Għid, huma rifless tas-sbuħija tal-qawwa u tal-ħajja ta’ Ġesù. “Jiena l-verità, jiena t-triq, jiena l-ħajja” (ara Ġw 14, 6).

“Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra” u jgħid li huwa l-bieb. Din hija xi ħaġa importanti għalina l-mexxejja, għalija bħala ragħaj tad-Djoċesi ta’ Malta u għalikom bħala l- mexxejja ta’ gruppi diversi. Mhux aħna t-triq, imma Ġesù. Jekk nippruvaw nidħlu fil-qalb taż-żgħażagħ mhux permezz ta’ Ġesù, imma mit-tieqa tal-egoiżmu, tan-narċiżiżmu tagħna, tal-kilba tagħna li nkunu mexxejja perpetwi biex jinċensrawna għax kuntenti bl-illużjoni tal-poter li għandna, allura aħna ħallelin. Aħna se noqtlu l-entużjażmu taż-żgħażagħ, aħna se nisirqulhom it-tama ta’ ħajjithom.

“Dawk li ġew jaqbżu s’issa”, jgħid Ġesù, “li ma daħlux mill-bieb huma ħallelin, jisirqu (ara Ġw 10, 10). Addirittura jgħid ukoll li jaf ikunu wkoll qattiela li joqtlu r-ruħ u l-ispiritwalità; liż-żgħażagħ jisirqulhom it-tama. Mentri min jiltaqa’ magħna jiltaqa’ ma’ Ġesù, mhux magħna, allura hu se jkun ir-ragħaj, hu se jkun il-mexxej. Ma jgħarfux il-leħen tagħna imma l-leħen tiegħu u din hija t-talba li kull mexxej irid jagħmel b’mod speċjali kull raba’ Ħadd tal-Għid: li ma jkunx hu l-protagonista tal-proġett li jkun qed imexxi imma Ġesù u għaliha, din hemm bżonn ħafna u ħafna umiltà.

“Intom kontu” jgħidilna San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu “bħan-nagħaġ mitlufa, imma issa erġajtu dortu lejn ir-ragħaj u l-għassies ta’ rwieħkom” (1Pt 2, 25). Ħafna drabi, għalkemm aħna mexxejja, ngħaddu mill-esperjenza li nkunu nagħaġ mitlufa minħabba: l-vizzji tagħna, id-dnubiet tagħna, il-limiti tagħna, id-difetti tagħna, id-delużjonijiet. Hemm bżonn nerġgħu nduru lejn ir-ragħaj u l-għassies ta’ rwieħna u nitolbuh: “Agħmilni strument li permezz tiegħu inti tira’ lill-poplu qaddis tiegħek, agħmilni persuna li kapaċi nidħol fil-qalb ta’ dak li jkun permezz tiegħek, li l-kelma tiegħi twassal l-għarfien li bih inti tixtieq tara lin-nagħaġ tiegħek.

“Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra” (Ġw 10, 3). Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-leadership tagħna nwasslu din l-imħabba konkreta, personali u diretta ta’ Ġesù. Għax hu jafna u jħobbna b’isimna, isejħilna b’isimna, jaf min aħna.

Għalhekk jiena nirringrazzjakom u nberikkom talli fl-esperjenzi ta’ leadership li toffru liż-żgħażagħ intom tmantnuhom, tkabbruhom, tfejquhom u tħobbuhom b’din l-imħabba li biha jħobbhom Ġesù, imħabba li ssejjħilhom b’isimhom, bil-problemi li għandhom, bil-familji li ġejjin minnhom, bit-tamiet li għandhom, bil-frustrazzjonijiet li qegħdin jgħixu, intom issiru tafuhom u f’isem Ġesù issejħulhom b’isimhom. U huma jitgħallmu jisimgħu mhux leħinkom imma l-leħen tal-Mulej, ir-Ragħaj it-tajjeb. “Jiena ġejt biex ikun hemm il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”. Jalla l-laqgħat li jkollkom ma’ Ġesù permezz tagħna, ikunu tassew recreation.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: