Il-Ġmiel tar-Riabilitazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 3 ta’ Awwissu 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa.

Min minna ma jagħmilx xi żball fil-ħajja? Anzi, xi darba tant nagħmlu żbalji koroh li mhux biss ikun diffiċli li xi ħadd jaħfrilna, imma lanqas naħfru lilna nfusna. Jgħaddu s-snin u nibqgħu nġorru din l-għoqda fl-istonku tagħna sakemm insibu l-okkażjoni li xi ħadd jgħinna nerġgħu nqumu fuq saqajna – sakemm niltaqgħu ma’ xi ħadd u jerġa’ jirriabilitana.

Darba lil Pietru Ġesù staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21:15-16). Nistħajjel li Pietru ħa ħasda meta sema’ dan il-kliem! Pietru kien jistħi minn Ġesù għax kien konxju li fid-dgħufija tiegħu kien ċaħad lil Kristu kemm-il darba. Għalhekk mhux biss kien imwerwer li Ġesù ma kienx ser jaħfirlu, imma lanqas kien ħafer lilu nnifsu. Bir-raġun kien hemm mument fejn Pietru ħass għafsa ta’ qalb (ara Ġw 21:17)! Imma Ġesù apposta għamillu din il-mistoqsija għal tliet darbiet. Ġesù ried jurih li minkejja dak li kien seħħ fl-imgħoddi, hu kien imxennaq għall-imħabba tiegħu, kien qed iħoss il-vojt tal-ħbiberija miegħu, kien lest li jagħtih mill-ġdid il-fiduċja tiegħu u jgħinu jerġa’ jqum fuq riġlejh. Fil-fatt, Ġesù jafdalu f’idejh il-merħla tiegħu u jistiednu jirgħa n-nagħaġ tiegħu!

Hawnhekk Ġesù jagħmel ġest li bih jirriabilita lil Pietru. Jekk Pietru kien imtertaq bil-piż tal-iżball u bis-sens ta’ ħtija, Ġesù jgħinu jtajjar minn fuqu l-mantar tal-mistħija, jerġa’ jibda jemmen fil-ħiliet tajba tiegħu u jikseb postu fil-komunità – Ġesù jgħinu jintegra ruħu fil-grupp.

San Pietru fil-Ktajjen (Ritratt - Anthony Xuereb)

Kemm għandna bżonn noffru dejjem aktar lil min jiżbalja l-opportunità li jerġa’ jirriabilita ruħu! Fil-familji, fis-soċjetà kif ukoll fil-Knisja hemm wisq individwi li ġew imqiegħda fil-ġenb minħabba xi għemil żbaljat tagħhom. Ħafna drabi l-qorti tal-poplu tagħti s-sentenza tal-kundanna, imma mbagħad ma tammettix appell!

Persuni bħal dawn qed jitkarrbu biex jerġgħu jiġu rriabilitati. Mhux qed ngħid li l-ħażin nibdew ngħidulu tajjeb. Żball jibqa’ żball; imma persuna li tagħmel l-iżball għandha dejjem tingħata l-possibbiltà li jekk trid u jiddispjaċiha tal-iżball li tkun għamlet, hija ssib l-għajnuna biex terġa’ tqum fuq riġlejha u terġa’ tibda tikteb paġna ġdida fl-istorja tagħha u tal-familja tagħha.

Inħoss li s-soċjetà tagħna għadha ma temminx biżżejjed fil-qawwa tal-proċess tar-riabilitazzjoni. Ikun ħafna aħjar li s-soċjetà, anki jekk b’ħafna tbatija, tirkupra wieħed mill-membri tagħha li jkun żbalja u tgawdi mill-ħiliet varji tiegħu, milli biex tissodisfa s-sens ta’ vendetta, tiskarta u tarmi. Aħjar nirriskjaw li dak li jkun nagħtuh il-fiduċja u jerġa’ jagħmilhielna, milli nagħlqu l-bieb għal kulħadd, anki għal nies ġenwini li jiżbaljaw u jixtiequ jitwieldu mill-ġdid!

Anki bħala komunità Nisranija għandna bżonn naħdmu aktar fuqna nfusna biex inkunu Knisja li toffri l-grazzja tar-riabilitazzjoni. L-eżempju tagħna huwa Kristu li dejjem jipprova jirriabilita lill-midneb. Il-maħfra ta’ Alla hija bla limitu. Għalhekk ebda persuna li tagħmel żball, ikun kemm ikun oħxon l-iżball, ma għandha taqta’ qalbha minn Alla li dejjem lest jgħinha toħroġ minn dik is-sitwazzjoni. Għal Alla ma hemm ebda qagħda li hija irriversibbli! L-istess diskors jgħodd għall-komunità Nisranija: ma nistgħux ma nurux disponibbiltà biex ngħinu lil xi ħadd jirriabilita ruħu mhux biss quddiem Alla imma anki fil-Knisja – u allura ma għandna nagħmlulu ebda xkiel biex fil-komunità Nisranija dan ikunu totalment abilitat fis-sens wiesa’ tal-kelma.

L-istess imħabba li biha Kristu kisser il-ktajjen tal-ħtija u r-rimors li kienu jxekklu lil San Pietru, hu joffriha lil kull bniedem, ħadd eskluż. Ħa tkun din l-imħabba li ssuqna biex aħna nibqgħu nagħtu ċans lil min jiżloq fin-niexef jerġa’ jqum fuq riġlejh.

Ritratt: Anthony Xuereb

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: