Fil-Vanġelu tal-lum naqraw meta Ġesu deher lill-Appostli: l-ewwel, dak in-nhar li rxoxta filgħaxija, u t-tieni, ġimgħa wara. Fl-ewwel laqgħa għandna l-Appostli barra Tumas, magħluqin fiċ-ċenaklu, imbeżżgħin għax barra hemm il-Lhud li ma riedu jafu xejn fuq Ġesu, u mhux għax kienu se jagħmlu għalihom. F’dil-fażi l-Appostli qed jirrapreżentaw xi membri tal-Knisja li, quddiem tant paganiżmu u nuqqas ta’ twemmin li hemm fid-dinja, jingħalqu fihom infushom. Fil-fatt ħafna mill-pagani għandhom l-għatx għall-Kelma t’Alla u qed jistennewha bil-ħerqa. Imma l-Appostli jibqgħu maqfulin għax għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu rxoxt.
- Il-biża’ tagħmilna suspettużi, forsi aggressivi u fanatiċi. Ma nibqgħux nirraġunaw, imma nistqarru b’vuċi għolja il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħna. B’hekk jieqaf id-djalogu, u min jismagħna jkollu dubju fuq il-verita li qed nistqarru. Min hu konvint fil-fidi m’għandux għalfejn jgħajjat, imma jesponi l-prinċipji tiegħu bil-ħlewwa. Il-ferħ f’wiċċu għandu jixhed għall-verita. Dil-biża’ għamlet ħafna ħsara lill-Knisja, e.g. il-biża’ tax-xjenza fi żmien Galileo, l-emanċipazzjoni tal-mara, ir-rinnovament, eċċ. Qatt m’għandu jkollna biża’ tal-verita.
- Qalb dil-biża’ ġie (mhux dehrilhom) Ġesu u qagħad f’nofshom. Issa Ġesu m’għadux bil-ġisem ta’ qabel, limitat bħal kull bniedem ieħor, suġġett għall-bard, sħana, irjiħat. Issa Ġesu għandu ġisem glorjuż u bla limiti. Il-preżenza tiegħu hija possibbli kemm fil-komunita ta’ dawn l-għaxar appostli u kemm f’kull komunita fid-dinja. Aħna għandna nkunu dejjem konxji ta’ din il-preżenza biex ma ninħakmux mill-biża’. Ġesu jurihom idejh u l-kustat. Hawn min jaħseb li dawn kienu ħwejjeġ koroh u ta’ min jinsihom. Minn flok dawn isiru l-identita ta’ Ġesu. Idejn Ġesu huma idejn Alla, li qatt ma jużahom biex jikkastiga. Biżżejjed naraw il-ħolqien. Imbagħad idejn Ġesu m’għamlux ħlief ġid: ifejjqu, jiġbdu ‘l Pietru mill-għarqa, ibierku, eċċ. Mill-kustat ħareġ demm, sinjal tal-ħajja, u ilma – l-ilma tal-ħajja li fuqha Ġesu kellem lis-Samaritana.
- L-Appostli ferħu meta raw lil Ġesu. Ikollu ferħ ġenwin min jiltaqa’ ma’ Kristu rxoxt, min fehem li l-għotja tal-ħajja ma titħassar qatt, imma tibqa’ għal dejjem f’idejn il-Missier Etern. Mill-banda l-oħra, id-dwejjaq jiġu meta l-għotja tal-ħajja titqies bħala falliment.
- Ġesu nefaħ fuqhom, i.e. tahom l-Ispirtu Qaddis bl-imħabba kollha tiegħu u huma imtlew b’dan l-Ispirtu Qaddis. Dan in-nifs li nefaħ Ġesu huwa simbolu tal-forza Divina li wasslet lil Ġesu biex jagħti ħajtu. Issa dil-forza qed jgħaddiha lid-dixxipli hu u jibagħthom fid-dinja: “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom. Hemm bżonn li toħorġu minn hawn biex tmorru taħfru d-dnubiet, avolja se tkunu qiskom nagħaġ qalb l-ilpup.” Hawn Ġesu mhux qed jirreferi għall-qassisin biss fil-Qrar. Kull Nisrani għandu d-dmir li meta jiltaqa’ ma’ ħuh midneb, iħajru jabbanduna dil-ħajja żbaljata u jerġa’ jmur jitħabbeb mal-Missier. “Id-dnubiet li intom iżżommu…” – mhux qed jgħid għal meta qassis ma jkunx jista’ jaħfer xi dnub, p.e. imħabba nuqqas ta’ ndiema. Hawn qed jgħid li jekk id-dixxiplu ma jirnexxilux jikkonvinċi lil ħuh biex jikkonverti, dan se jibqa’ bid-dnub. Għalhekk id-dixxiplu m’għandux iħallieh għall-rasu, imma jkompli jara x’jista’ jagħmel, u minn fejn se jifittex l-għajnuna biex joħroġ lil ħuh mill-ħajja tad-dnub.
- Ġimgħa wara Ġesu jerġa’ jkun mad-dixxipli flimkien ma’ Tumas. Dan Tumas sar sinonimu ma’ dawk li jiddibutaw. Kull wieħed mill-Appostli kellu rapport għalih ma’ Ġesu għax kull wieħed kellu l-karatteristika tiegħu. Tumas dejjem imsemmi bħal “it-tewmi” (Tewmas?). Dan huwa nvit għal kull wieħed minna biex ikun tewmi ma’ Tumas. Ma beżgħax joħroġ barra ġimgħa sħiħa. Mhux Tumas biss ma emminx. Mattew jgħidilna li qabel Ġesu tela’ s-sema, “xi wħud baqgħu jiddubitaw”. Biex nemmnu fil-Qawmien anki aħna kull tant ngħaddu minn dubji – dawn jgħinuna biex ma nħawdux il-Qawmien mar-rianimazzjoni. Tumas għamel l-iżball li nqata’ mill-komunita. Dan m’għamlux bħal dak in-Nisrani li jara kollox ħażin u jitlaq mill-Knisja għax jaħseb li hu aktar qaddis mill-oħrajn kollha; jew dak li jmur pass ieħor ‘il quddiem u jsir ateju jew jidħol f’xi setta. Tumas kien bħal dak li jaqta’ ftit qalbu meta jara ċerti skandli; jew li jħossu skomdu meta f’xi żmien il-Knisja ndaħlet wisq fil-pulitka u l-poter; jew illum meta jara l-piki bejn l-għaqdiet u l-parroċċi. Allura Tumas telaq, imma ġimgħa wara reġa’ ġie. Kellu dubju għax ried prova materjali, konkreta, razzjonali u bis-sens. Dan mhux possibbli għax aħna għadna fuq pjan uman. Nifhmu sew meta nkunu fuq pjan Divin fl-eternita. Kristu rxoxt jistieden lil Tumas: “Qis li ma tonqsoqx il-fidi, imma emmen.” Tumas ma kellux għalfejn imiss il-kustat u l-ħofor f’idejn Ġesu. Stqarr bla tlaqlieq: “Mulej tiegħi, u Alla tiegħi.” Ħadd qabel ma kien irrefera għal Ġesu bħala Mulej u Alla fl-istess ħin. Din l-isqarrija tal-fidi saret l-istqarrija tal-ewwel Insara, u għandha tkun l-istqarrija ta’ kull Nisrani li fetaħ għajnejh għar-rejalta u l-verita tal-Qawmien.
Sors: Google/fernando armellini/commento sul vangelo/data