Home > Lectio Divina > Lectio Divina: It-3 Ħadd   Tal-Għid Sena A

Lectio Divina: It-3 Ħadd   Tal-Għid Sena A


Aktarx  Luqa kiteb il-Vanġelu tiegħu f’Filippi fejn kien hemm komunita soda mwaqqfa minn S. Pawl.  Kitbu bejn is-snin 85-90 AD,  i.e. għaddew ħamsin sena  mill-Qawmien ta’ Ġesu,  u għalhekk għandna t-tielet ġenerazzjoni ta’ Nsara.  Dawn isaqsu:  “Aħna lil Ġesu ma rajnihx, ma missejnihx, ma kilniex miegħu.  Kif nistgħu nemmnu li qam mill-mewt?  Ma nistgħux nagħmlu l-esperjenza tal-Maddalena u l-Appostli li ltaqgħu  wiċċ imb’wiċċ ma’ Kristu rxoxt.”  Luqa wkoll kien bħalhom għax ikkonverta xi għaxar snin wara l-Qawmien.  Għalhekk kiteb dis-silta tal-lum biex jagħti tweġiba lill-Insara ta’ żmienu, u jaqsam magħhom l-esperjenza ta’ kif hu mexa t-triq li wasslitu biex jemmen fil-Qawmien.  Dis-silta għandha tgħin anki lilna fil-mixja tagħna tal-fidi.

  1. Fl-ewwel jum tal-ġimgħa (il-Ħadd) żewġ dixxipli irħewlha għal Emmaus. Wieħed kien jismu Kleofa.  Ewsebju l-istoriku jgħid li kien ħu Ġużeppi l-mastrudaxxa, u z-ziju putattiv ta’ Ġesu.  L-ieħor bla isem.  Luqa jpoġġi lilu nnifsu minn flok dan il-personaġġ  biex iħajjar lilna nagħmlu l-istess.  B’hekk nimxu aħna wkoll it-triq li twassalna Emmaus, fejn se nagħmlu esperjenza ta’ Kristu rxoxt.  Dawn id-dixxipli telqu għax kienu ddiżappuntati.  Il-viżjoni u t-tagħlim ta’ Ġesu li kellu jbiddel id-dinja safa fix-xejn.  Dil-biċċa żgur li ma kelliex tispiċċa hekk.  Aħna wkoll ġieli nkunu diżappuntati meta naħsbu (a) li l-Knisja kellha tgħid jew tagħmel hekk (b) jew meta ma naqilgħux xi grazzja (ċ) jew meta l-affarijiet ma jmorrux kif  ħsibna aħna.  Ikollna tentazzjoni li nitilqu għal rasna u ninjoraw id-dmirijiet tal-fidi tagħna.
  2. Id-dixxipli kienu qed jimxu u jitħaddtu bejniethom. Il-verb bil-Grieg “omilein” ifisser jagħmlu omelija fuq Ġesu u fuq kulma ġralu. Jistaqsu ‘l xulxin, jargumentaw u forsi jillitigaw fuq min se jwaddbu l-ħtija ta’ kulma ġara.  (Bħal meta fil-Knisja xi ħaġa tmur żmerċ u grupp jagħti t-tort lil xi għaqda oħra. Forsi xi ħadd jitlaq ukoll, għax l-argumenti jġibu l-firda.)  Kleofa u sieħbu kienu qed jargumentaw sforz l-imħabba kbira li kellhom għal Ġesu u għall-kawża tiegħu.  Meta deher li dil-kawża spiċċat fix-xejn, kienu qed ibatu u kienet iebsa għalihom biex jaċċettawha.
  3. “Ġesu nnifsu resaq lejhom u beda miexi magħhom.” Is-silta ma tgħidx “dehrilhom” imma li, waqt li kienu mixjin u jargumentaw, Ġesu kien hemm miexi magħhom. Huma, fis-saħna li kienu fiha, ma ndunawx bih mill-ewwel.  “Għajnejhom kellhom xi jżommhom…” – bil-Grieg jintuża verb wieħed li jfisser “tara l-ħwejjeġ materjali biss”, u ieħor li jfisser “tirrikonoxxi bil-menti interjuri”. i.e. tara mhux biss il-qoxra ta’ barra imma x’hemm moħbi taħtha, jew x’hemm wara xi maskra.  Ġesu deher quddiemhom bħala l-irxoxt u mhux taħt xi forma oħra. Huma għalissa ma setgħux jagħrfuh.  Issa se naraw il-mixja ta’ dawn id-dixxipli biex minn “jaraw” tal-ewwel tifsira jaslu għal “jaraw” tat-tieni.  Dil-mixja tibda bi djalogu.
  4. “X’inthom titħaddtu bejnietkom u tisħnu daqshekk għal xulxin?” Ġesu ma jgħollix leħnu. Jisma’ bis-sabar il-preokkupazzjonijiet, id-dubji u l-mistoqsijiet tagħhom.  Aħna wkoll għandu jkollna dan is-sabar ma’ min ma jkunx jista’ jifhem ċertu tagħlim ta’ Ġesu jew tal-Knisja.  Mhux ngħajtu miegħu, ngħajruh jew nikkundannawh.  Ġesu l-anqas jipprova jispjegalhom xi domma tal-fidi, jew xi aspett tejoloġiku.  Jagħmlilhom domandi biex jgħinhom jiżvugaw il-problemi tagħhom (“thinking aloud”).   Id-dixxipli għamlu żball li nqatgħu mill-komunita.  Dil-ħaġa ġabitilhom dwejjaq kbar (bħalma jiġrilu min jiddeċiedi ma jmurx knisja aktar).  Dad-dwejjaq juruh bil-mod li jwieġbu ‘l Ġesu:  “Int waħdek ma tafx x’ġara f’dawn il-ġranet?” Dan it-ton ta’ ċanfira ma jurix disprezz, imma għajta għall-għajnuna: “Qed insofri: għinni nifhem x’inhu jiġri.”  Aħna wkoll irridu nkunu għassa (alert) biex jekk wieħed juża ton żorr magħna  naraw ikunx qed jokrob għall-għajnuna tagħna.  Id-dixxipli jkomplu: “Fuq Ġesu, profeta setgħan.. ħsibna li se jifdi lil Israel, imma qatluh, u spiċċa kollox.” Xi Nsara ta’ żmien Luqa u ta’ żmienna wkoll jieqfu hawn fit-twemmin tagħhom.  Jaslu safejn wieħed jista’ jivverifika bl-għajnejn naturali biss.  Ma jagħmlux pass ieħor, u jibqgħu mdejqa.  Dan hu t-tieni żball li għamlu dawn iż-żewġ dixxipli.  It-tielet kien meta m’emmnux  x’qalu n-nisa – “imma lilu ma rawhx.”  In-nisa għamlu esperjenza tal-Qawmien, imma ż-żewġ dixxipli ma tawhomx ċans jaqsmu magħhom dil-esperjenza u telqu ‘l barra bħal erbgħa forst il-ġimgħa.
  5. Hawn jidħol Ġesu fix-xena b’ton sod. “Kemm inthom bla għaqal u moħħkom tqil… dħaltu fi sqaq mudlam, imma għandkom dawl.  Fid-dawl tal-Iskrittura taslu biex tagħrfu li dan kollu kien fil-pjan Divin biex Alla jifdi lid-dinja.  F’umanita’ ta’ bhejjem selvaġġi, l-unika mezz ta’ salvazzjoni kien li jintbagħat Ħaruf.  B’hekk l-ilpup jindunaw li ħajjithom mhux umana, u biex jibdluha kellhom huma wkoll isiru ħrief.” Hawn Ġesu qed jgħid li mhux biżżejjed naqraw l-Iskrittura imma għandna bżonn xi ħadd jispjegahielna biex nifhmu sew, u biex qalbna “titħeġġeġ” ġewwa fina.
  6. Talbuh jibqa’ magħhom u għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Kien il-Ħadd – minn dak in-nhar ‘il quddiem il-Ħadd sar Jum il-Mulej fejn l-Insara jinġabru f’komunita  Bil-qari tal-Kelma t’Alla u bl-ispjega tagħha fl-omelija, titħeġġeġ qalbhom b’tali mod li, meta jaqsmu l-Ħobż ikkonsagrat bejniethom, ikunu jistgħu jagħrfu u jemmnu li Kristu qam tassew mill-mewt.  Jiftakru wkoll li l-Ewkaristija hija turija tal-ħajja ta’ Kristu mogħtija lilna bħala rigal.
  7. Appena d-dixxipli għarfuh fil-qsim tal-Ħobż, ma rawhx aktar bl-għajnejn naturali tagħhom – ma kellhomx għalfejn, għax la għarfuh, sinjal li emmnu fil-Qawmien. Forsi xi wħud minna kellhom dil-esperjenza li, meta xi frażi mill-qari jew mill-omelija tolqtok ħafna, tgħid: “Mela veru”.  U tfittex lil Ġesu, u , għalkemm ma tarahx bl-għajnejn naturali, tikkonoxxieh bl-għajnjen tal-fidi. Is-silta tispiċċa bid-dixxipli li jmorru lura biex jaqsmu l-esperjenza ma-komunita u jkantaw innu:  “Il-Mulej qam tassew, u deher lil kull min jemmen fih.

Sors:  Google/fernando armellini/ commento al vangelo/data

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: