Vanġelu: Fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filippu wieħed kien isib art fertili ħafna. Il-merħliet kienu jirgħu fuq ħaxix bnin, u b’hekk jirrendu prodotti mill-aqwa. Ir-raġuni kienet li mill-muntanja Ħermon insibu tlett għejjun ta’ ilma li wara ftit kienu jiltaqgħu biex jiffurmaw ix- xmara Ġordan. In-nies kienu joffru l-prodotti tagħhom lill-allat tan-Natura f’żewġ tempji li kien hemm fil-belt ta’ Ċesarea, kemm bħala radd il-ħajr u kemm biex l-allat ikomplu jkattru l-ġid fost dak il-poplu. Dil-belt kien bniha bħala belt kapitali Filippu, iben Erodi. Biex jaġevola r-Rumani semmiegħa Ċesarea ta’ Filippu, mhux Filippu biss.
- Ġesu jsaqsi lid-dixxipli Tiegħu: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-Bniedem?” It-termini
“bin il-Bniedem” bil-Lhudi kienet tfisser sempliċement “bniedem”. Ġesu ppreżenta ruħu bħala bniedem, imma bniedem speċjali – il-bniedem li rnexxa fil-veru sens tal-kelma. F’dawn l-inħawi, in-nies kienu jqisu lil Filippu bħala l-bniedem li rnexxa. Kellu żewġ palazzi, ġid u poter. L-allat kienu qed ibirkulu l-art u l-merħliet b’abbundanza. Imma dawn biżżejjed biex jagħmlu wieħed “bniedem li rnexxa tassew”? Id-dixxipli kellhom dan kollu quddiem għajnejhom. Għalissa jirrispondu: “Ġwanni l-Battista, Elija, Ġeremija jew xi profeta.” Ġwanni kien rett u ta’ sinsla. Dak li hu ħażin kien jgħidlu ħażin, jagħmlu min jagħmlu. Elija kien jisħaq fuq Alla wieħed u jikkundanna l-idoli. Ġeremija kien jgħid lin-nies biex ma jirriduċux ir-reliġjon għal sempliċi riti biss. Kien hemm bżonn il-fidi. Mhux ta’ b’xejn li n-nies xebbħu lil Ġesu ma’ dawn il-profeti.
- Ġesu jagħmel pass ieħor: “Imma intom, min tgħidu li jien? Jien x’jien għalikom? Qed tifhmu x’qed nipproponi għall-bnedmin: dinja ġdida b’ħajja ġdida fejn tirrenja l-imħabba bla limiti u bla kundizzjoni? Jien kemm niswa f’ħajjitkom?” “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Pietru wieġeb tajjeb għalkemm żgur kien għadu marbut mal-idejat ta’ Messija kif kien sema’ f’żogħżitu mir-Rabbini, li l-Messija se jkun qawwi u kbir skond il-kriterji ta’ did-dinja. Almenu fehem li Ġesu kien il-Messija. Għalhekk Ġesu se jispjega xi tfisser tkun dixxiplu tal-Messija: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan,
imma Missieri li Hu fis-smewwiet. U jien ngħidlek: “Int Pietru, u fuq din il-blata jien nibni l-Knisja Tiegħi u s-setgħat tal-infern ma jegħelbuhiex. Jien nagħtik l-imfietaħ tas- Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet.” Ġesu jifraħ li ġie rrivelat lil Pietru li Ġesu hu il- Kristu, il-Messija. Ġesu sejjaħ lil Xmun Pietru “blata” li fuqha se jibni l-Knisja Tiegħu. Irridu niftakru li l-ewwel ġebla, il-ġebla tax-xewka (foundation stone) hija Kristu u l-Fidi fi Kristu. Pietru se jkun il-ġebla li se titqiegħed l-ewwel qabel l-oħrajn kollha fuq dil-ġebla tax-xewka. San Pietru lin-neofiti li għadhom kemm tgħammdu jiktbilhom: “Intom ġebel ħaj magħqudin mal-Ħaġra Prezzjuża magħżula minn Alla fl-Għid.” Wara d-diskors tal-muntanja, Ġesu jurina għażla fuqhiex se nibnu ħajjitna: fuq ir-ramel jew fuq il-blat? Fil-Bibbja, il-blata hija Alla, Kristu u l-Fidi fi Kristu. Pietru ma tax każ x’qalu l-bnedmin l-oħra fuq Ġesu, imma sema’ leħen il-Missier jirrivelalu li l-Messija awtentiku wasal. Pietru se jagħti bidu għall-bini tal-Komunita.
- “.. il-bibien tal-infern ma jegħelbuhiex.” Il-bibien huma sinjal ta’ difiża mhux ta’ attakk. In-nies kienu jemmnu li min jidħol f’dawn il-bibien ma kienx jerġa’ joħroġ. B’hekk il-bibien joħorġu rebbieħa fuq il-ħajja u tirrenja biss il-mewt. Dana sakemm daħal Kristu u bil-Qawmien Tiegħu sfronda (spalanca) dawn il-bibien darba għal dejjem. F’pittura famuża, f’riġlejn l-Irxoxt jidhru bibien u ċaċċis mfarrka. Illum ukoll inqisu li ħadd ma jista’ għall-bibien tal-fabbriki tal-armi, tal-korruzzjoni, tal-poter, tal-ambizzjoni, eċċ. Ġesu qed iwiegħdna li bibien bħal dawn mhux se jifilħu jirreżitu meta l-Insara se joktru u jxerrdu l-messaġġ ta’ Kristu tal-imħabba. L-istess jiġri lill-bibien tal-qlub il-midinbin. Il-qawwa tar-riħ tal-Ispirtu s-Santu se jisfronda dawn il-bibien u jeħlishom mill-forzi tal-ħażen. L-ebda dixxiplu m’għandu jaqta’ qalbu fil-missjoni tiegħu, meta għandu wiegħda bħal din minn Ġesu Kristu nnifsu.
- “Jien nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.” Min ikollu l-imfietaħ ta’ dar, ikollu s-setgħa lil min iħalli jidħol jew le. L-imfietaħ lil Pietru ma kinux tal-Ġenna imma tas-Saltna tas-Smewwiet li tibda f’dil-ħajja u tkompli fl-oħra. Min jaċċetta din il-proposta jkun jista’ jidħol u jifforma parti mill-Komunita. Ir-Rabbini kien mingħalihom li kellhom l-imfietaħ tat-Torah. Ħadd ma seta’ jinterpreta l-liġi mingħajr il-permess tagħhom, għax kienu konvinti li huma biss kellhom l-interpretazzjoni ġusta. Ġesu kien iebes magħhom meta ċanfarhom: “Gwaj għalikom, dutturi tal-liġi, għax sraqtu l-imfietaħ tal-għarfien, u la dħaltu intom u l-anqas ħallejtu lil min jidħol, għax ħbejtu min-nies ir-rieda u l-wiċċ awtentiku ta’ Alla. B’hekk sakkartu l-bieb tas-salvazzjoni għan-nies.” Issa Ġesu qed jgħid li Pietru se jkollu l-imfietaħ (bil-Lhudi mafteja) tas-saltna, biex jiftaħ dawn il-bibien imsakkra u jidħol permezz tal-fidi fi Kristu li għadu kif stqarr. Kull min jemmen bħal Pietru jista’ jidħol f’dis-Saltna li, kif għidna, tibda minn issa.
- “Kull ma torbot fuq l-art..” Ir-Rabbini kienu jiddeċiedu huma x’inhu tajjeb u ħażin skond kif kienu jifhmu l-liġi huma. Issa Ġesu qed jistqarr li dan se jkun id-dover mhux biss ta’ Pietru u d-dixxipli, imma tal-membri kollha tal-komunita Nisranija. L-ewwel xogħol hu li nindikaw min u x’inhu il-veru Messija, dak awtentiku, u nikxfu l-maskri ta’ xi messija falz. It-tieni, ngħinu lill-proxxmu jiddixxerni bejn għażliet tajbin u oħrajn ħżiena, jiġifieri, x’iwassal għall-mewt u x’iwassal għall-ħajja. Dan nagħmluh dejjem fid-dawl tal-Vanġelu.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini
JEKK JGHOGBOK KIF NISTA’ NISMA L-LECTIO MINFLOK NAQRAHA? QABEL KONT NISMAGHHOM. gRAZZI TA KOLLOX