Lectio Divina: 3 Ħadd Matul is-Sena A

Vanġelu  (Mattew 11, 2 – 11): Ġwanni priġunier fil-fortizza Makeronte ta’ Erodi, li kienet fuq quċċata ta’ muntanja lil hinn mill-Baħar Mejjet. 

F’din il-fortizza kien hemm is-sala fejn żifnet Salome u talbet ras Ġwanni.  Erodja riedet toqtol lil Ġwanni għax kien perikoluż u n-nies kienu jżommu miegħu meta jixliha li kienet qed tiddradixxi lil żewġha.  Erodi jarresta lil Ġwanni kemm għax kien qed isir popolari wisq u kemm biex jipproteġih minn Erodja, u jżommu taħt għajnejh.  Erodi kien joqgħod jisimgħu u kien jittrattah tajjeb.  Kien iħalli d-dixxipli tiegħu jiġu jarawh.  Dawn kienu jtarrfulu x’qed jgħid u x’qed jagħmel Ġesu’.  Xi ftit jew wisq Ġwanni kien imdakkar mill-ideja antika tal-Messija, sa minn ċkunitu. Sema’ li Ġesu’ mhux talli ma jikkundannax lill-midinbin, imma li jmur jiekol magħhom.  Kien ukoll ħabib tal-pubblikani.  Mhux ta’ b’xejn li daħallu dubju fuq Ġesu’.  Barra minn hekk kien jaf  Is. 61: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi …. nagħti l-ħelsien lill-ħabsin”.  Meta se jiġi biex jeħles lili? Mela jibgħat lid-dixxipli jsaqsu ‘l Ġesu’: “Int li kellek tiġi jew nistennew ieħor?  Għaliex m’intix aħrax mal-midinbin?  Dawn mhux għall-infern?  Titkellem biss fuq l-imħabba u l-maħfra.  Messija bħal dan qed jgħaġġeb lil kulħadd, u forsi mhux ġej mis-sema.”  Il-kontra: Messija li ma jgħaġġibx mhux awtentiku.    

Ġesu’ ma jirrabjax.  Ma jgħidx lil Ġwanni: “Meta ġejt fil-Ġordan int għaraftni bħala l-Ħaruf t’Alla.  Issa x’ġara?”  Le. L-anqas ma jgħid hekk lilna meta jkollna xi dubji fuq il-Fidi.  Dawn jgħinuna naħsbu, insaqsu, nitolbu parir u nitolbu iżjed.  Bla dubji ta’ xejn fuq il-fidi, ikollna ċertezza assoluta.  Din tista’ twassalna għall-fanatiżmu.  Meta nkunu ċerti, aktarx ikun ifisser li qed ninterpretaw xi jfisser Messija skond il-fantasija u l-kriterji tagħna biss.

Ġesu’ jgħid lid-dixxipli: “Morru għidu lil Ġwanni dawn is-7 sinjali li juru li l-Messija wasal tabilħaqq.  Fejn jasal il-Messija jinbidel kollox,  jibda ordni ġdid mhux bir-raġunar biss imma bil-fatti.  Aħna ltqajna mal-Messija u nbdilna bil-fatti, jew bil-paroli u r-raġunar biss?

  1. L-għomja – dawk li tilfu l-orjentament, jimxu mal-kurrent u ma jafux fejn se jispiċċaw.  Meta jiltaqgħu mad-dawl ta’ Kristu jibdew jaraw biex jgħixu l-ħajja tal-fidi.
  2. It-torox – dawk li ma jisimgħu lil ħadd ħlief il-vuċi tal-egoiżmu u l-passjonijiet tagħhom. Kif jisimgħu u jaċċettaw il-vanġelu, jibdew il-mixja tal-ħajja awtentika.
  3. Iz-zopop – dawn imxekklin fil-mixja tal-ħajja b’ħafna skużi u nganni. Sa jidħku bihom infushom.  Il-vanġelu jgħinhom jaqbdu t-triq it-tajba b’pass regolari.
  4. L-imġiddmin – dawk li jistħu minnhom infushom għax koroh.  Il-ġdiem huwa simbolu tad-dnub.  Il-midinbin kbar (qattiela, il-vjolenti, eċċ) iħarsu lejhom bl-ikrah, jiskartawhom u jobgħoduhom.  Kif iħaddnu l-vanġelu ifiequ u tmurilhom il-kruha.  Jibdew jiddu bil-ħajja l-ġdida tas-Saltna t’Alla.
  5. Il-mejtin – mhux tal-oqbra imma dawk li rrifjutaw il-Kelma t’Alla.  La darba jilqgħuha f’qalbhom u f’moħħhom, jirxuxtaw.
  6. Il-fqar – dawk irrifjutati minn kulħadd, l-iskart tas-soċjeta.  Dawn se jirċievu l-Aħbar it-Tajba – li Alla jħobbhom.
  7. Qasba tixxejjer mar-riħ – dak li jġib ħafna skużi u jdur bħall-pinnur,  p.e. “għax iż-żminijiet inbidlu.”   Ċertu tagħlim ma jinbidel qatt.

Aħna rridu nieħdu dawn is-sinjali bħala prova li s-Saltna t’Alla bdiet tassew u qiegħda f’nofsna.  “Hieni hu min ma jitfixkilx imħabba fija.”  Min jibqa’ bl-ideja antika ta’ Alla ġust, aħrax, vendikattiv, eċċ se jiskandalizza ruħu meta jara ‘l Alla jaħfer lil min qatel lil Ibnu, lill-ħalliel it-tajjeb, eċċ. 

“IL-ĠUSTIZZJA  T’ALLA   HIJA ĦANINA.  IL-ĦNIENA T’ALLA HIJA  ĠUSTA.”

(Papa Franġisku – f’għeluq is-sena tal-Ħniena).

REF:  lachiesa.it / liturgia/  data /omelie/padrefernandoarmellini.    

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading