Lectio Divina: 5 Ħadd  tar-Randan  Sena A

Vanġelu (Ġw 11, 1-45):  Il-Ħadd li għadda Ġesu’ ta d-dawl lill-għama, mhux biss biex jiddobba ftit għal din il-ħajja, iżda biex ikun jista’ jħares lejn id-destinazzjoni aħħarija tiegħu.  Min ma jagħmilx hekk, jgħaddi ħajtu jaħrab mill-mewt u jilludi ruħu li m’hu se jmut qatt. 

Oħrajn li jaċċettaw l-idea tal-mewt forsi jiġuhom ħafna dubji: “Wara l-mewt se nispiċċa fix-xejn, jew f’xi abbiss mudlam?  U l-Ġenna fejn hi?  Ħadd ma ġie minn hemm biex jgħidilna!  Mela, x’sens fiha l-ħajja?”  Oħrajn la jaħsbu u l-anqas jitkellmu fuq il-mewt. Din għalihom ‘taboo’. Imma min għandu saqajh it-tnejn mal-art, u jemmen li hu maħluq għal Alla Etern u Infinit, jgħid bħas-Salmista: “Għallimni ngħodd jiemi, u b’hekk nasal għall-għerf ta’ qalbi.” (Salm 90). B’hekk naċċettaw, mhux bil-biżgħa imma bil-għaqal, li l-ħajja tagħna hija limitata, u hemm bżonn ngħixuha sew.  Min mingħalih mhux se jmut, ma jarax il-bżonn li jgħix sew.  Il-Fidi biss tista’ titfa’ xaqq dawl fuq il-mistoqsijiet li jqanqlu fina l-ħsieb tal-mewt.

  1. Fis-silta tal-lum tajjeb li l-ewwel niċċaraw punt.  Ġesu qajjem lil Lazzru mill-mewt. Aħjar ma nużawx il-kelma ‘rxoxta’ ħalli din inħalluha għal meta, wara l-mewt, nirxuxtaw għall-ħajja li ma tintemm qatt aktar.  Nistgħu nużaw ‘rianimazzjoni’,  għax fil-fatt, wara numru ta’ snin, Lazzru miet.  Dan ma jfissirx li Lazzru ma mietx tassew,  li kien f’xi koma, u Ġesu’ irrijanimah: kif ġieli jiġri llum f’xi sptar.  Fil-fatt għalhekk Ġesu’ stenna erbat ijiem, għax il-Lhud kienu jaħsbu li r-ruħ iddum tlitt ijiem biex tħalli l-ġisem.  Kieku mar qabel kien ikun hemm min jgħid li Lazzru kien għadu ma mietx. Għalhekk il-Lhud li kienu preżenti dak in-nhar stagħġbu mhux ftit meta Ġesu’ qajmu.  Ġwanni jieħu dal-fatt biex jurina li Ġesu’ huwa sid il-ħajja kemm dik t’issa bijoliġika u, aktar u aktar, dik eterna.  F’dan l-ewwel qawmien ta’ Lazzru għadna ma wasalniex għar-rebħa totali fuq il-mewt.  Din titwettaq mal-qawmien mill-imwiet darba għal dejjem –  l-ewwel  ta’ Kristu, imbagħad tagħna.
  2. F’Betanja nsibu familja fejn m’hemmx missirijiet u wlied, m’hemmx min jikkmanda u min jobdi, imma hemm aħwa rġiel u nisa.  Din tirrapreżenta l-Komunita Nisranija.  Membru ta’ dil-familja jintlaqat minn marda kiefra.  Ħutu jibagħtu jgħidu lil Ġesu’:  “Il-membru li tħobb int marid.”   Ir-rejazzjoni ta’ Ġesu’ hi: “Din mhix marda tal-mewt – i.e. mhiex se twassal għall-qerda tiegħu. Mhux dik il-mewt li biha l-bniedem jitlef l-umanita’ u l-identita’ tiegħu ta’ iben il-Missier.  Din marda li twassal għall-mewt bijoloġika biss, u permezz tagħha se nuri l-glorja t’Alla u se jissebbaħ l-Iben t’Alla.”
  3. Ġesu’ kien iħobbhom lil Marta, Marija u Lazzru, hekk kif aktar tard se jħobb lill-Komunita Nisranija.  Ġesu’ jisma’ li Lazzru marid imma ma jagħmel xejn; u Lazzru jmut.  Din mhijiex nuqqas ta’ mħabba min-naħa ta’ Ġesu’, imma b’dal-fatt irid jgħallimna li aħna m’aħniex anġli imma bnedmin, u l-ħajja tagħna bijoloġika hija għal did-dinja biss u għandha t-tmiem.  Wara l-mewt, il-persuna (mhux ir-ruħ biss) bl-istorja u bl-esperjenzi kollha tagħha tidħol fis-saltna t’Alla.  “Min jiekol ġismi u jixrob demmi GĦANDU (mhux se jkollu) l-Ħajja Eterna.”  Mela din il-ħajja se tidħol il-Ġenna mhux il-katavru mqajjem mill-mewt.  Mela hija din il-ħajja, li tibda f’did-dinja f’għaqda waħda m’Alla permezz tal-Ewkaristija, li se tkompli fil-Ġenna.
  4. Ġesu’ jmur Betanja imma ma jidħolx il-belt fejn kulħadd kien qed jibki lil Lazzru.  Dawn jidhru li ma kellhomx tama, dawl u ħjiel tal-pjan t’Alla għall-bniedem.  Ippruvaw jikkunslaw lil aħwa kif jagħmlu xi Nsara bi kliem li ma jirriflettix il-Fidi tagħna fl-eternita:  “Lungi giorni!  Kuraġġ! Life goes on!” eċċ. Fl-omeliji hemm bżonn li nitkellmu anqas fuq il-mejjet u aktar fuq l-Irxoxt.
  5. Marta toħroġ tilqa’ ‘l Ġesu’ rrabjata: “Kieku kont hawn ħija ma kienx imut.”  Ġesu’ jispjega li ħallieh itemm il-ħajja bijoloġika tiegħu biex jagħti aktar importanza lil dik eterna.  Dil-mewt ma turix ir-rebħa assoluta fuq il-mewt: din titwettaq b’dik il-ħajja li ma tmissha l-ebda mewt.  Ġieli f’xi funeral, l-aktar ta’ xi ħadd żagħżugħ, ikun hemm min jirrabja: “Għaliex Ġesu’ ħallieh imut?  Jeżisti Alla jew le?”   Propju għalhekk illum Ġesu’ jrid jgħallimna li hu ġie fid-dinja mhux biex jeħlisna minn dil-mewta naturali imma minn dik li toħnoq fina ċ-ċans tal-Ħajja Eterna.  Marta tkompli: “Jien naf li kulma titlob ‘l Alla hu jagħtihulek.”  Marta għada ma tafx sew li Ġesu mhux biss profeta imma r-rigal tal-ħajja, anzi Hu il-Ħajja. Għada fuq livell uman, u għall-kliem ta’ Ġesu’ “Ħuk jerġa’ jqum” hi twieġeb: “Naf li fl-aħħar jum jerġa’ jqum”.  Din l-idea li miljun sena oħra il-mejtin fl-oqbra se jirxuxtaw hija assurda.  Kif jista’ Alla l-Missier iħallina mejtin għall-miljuni ta’ snin?  Din spjegazzjoni li għada ġejja mir-Rabbini ta’ żmien Marta.  Hi xtaqet li ma tistenniex daqshekk biex terġa’ tħaddan lil ħuha.  Il-Knisja li hemm illum Betanja hija mudlama.  Id-dawl jidħol biss min-nofs tal-parti ta’ fuq tal-koppla.  Dan ifisser li quddiem l-enigma tal-mewt, għal xejn infittxu dawl madwarna.  L-unika dawl fuq hekk jiġi biss minn Kristu, u li issa dad-dawl se joffrih lil Marta: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja…dan ma jmut qatt.”  Biex forsi nifhmu aħjar dan il-misteru, ejjew nimmaġinaw tewmin fil-ġuf, li jitkellmu, jsiru jafu lil xulxin u d-dinja ta’ madwarhom,  li għalissa hija biss fil-ġuf.  Jitwieled l-ewwel wieħed.  L-ieħor li jkun għadu fid-dlam jaħseb li ħuh telaq, miet.  Fil-fatt ikun ħalla l-ħajja tiegħu fil-ġuf biex għadda għal ħajja oħra, aħjar u meraviljuża. 
  6. Ġesu’ jibki. Mhux bħal-Lhud li bkew iddisprati, jqattgħu ħwejjiġhom, eċċ. Ġesu’, propjament qabiżlu d-dmugħ, għax anki għal Ġesu’ il-mewt hija traġedja li ġġib ħafna tbatija.  Anki n-Nisrani li jitlef xi qarib se jħoss in-nuqqas tiegħu, avolja jaf li wara ftit snin se jerġgħu jinagħqdu l-Ġenna. 
  7. Meta Taljan jgħid: “Metti sopra una pietra” ifisser spiċċa kollox, ma nitkellmux aktar fuqu – p.e. l-argument.  Meta Ġesu’ jgħid: “neħħu l-ġebla” ifisser li ma spiċċax kollox mal-mewt.  Għax aħna se ngħaddu minn dil-ħajja għal ħajja oħra.  Marta għada dubjuża: “Issa beda jinten – issa tard wisq.”  Ġesu’ jqawwilha qalbha: “Jekk temmen tara l-glorja t’Alla, lil hinn mill-qabar.”  Min għadu jaħseb li se ngħaddu mill-mewt għall-ħajja eterna għadu midfun taħt blata. Biex inbiddlu dan il-ħsieb irridu ngerrbu l-ġebla ‘l bogħod minna.
  8. “Lazzru oħroġ!”  Il-mejjet joħroġ imma għadu marbut u, b’maktur ma’ wiċċu, ma jarax. Lazzru qam imma għadu bis-sinjali ta’ wieħed midfun.  Dment li aħna hawn,  għadna marbutin, i.e. mhux kompletament ħielsa.  “Ħollulu l-faxex, u ħalluh imur, jiġifieri,  meta jerġa’ jasal il-waqt u ma tkunux tistgħu żżommuh aktar, ħalluh imur fid-Dar tal-Missier.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading