Lectio Divina:Ħadd il-Palm. Sena  A

Vanġelu (Mt 14, 14-27;66):  Il-Passjoni skond San Mattew tibda bl-Aħħar Ċena.  Id-dixxipli, b’ħafna dubji fihom infushom, jsaqsu ‘l Ġesu’: “Jaqaw jien, Mulej?  Jien dixxiplu tiegħek, xorta se nagħmel xi waħda minn tiegħi?  Id-dgħufija tiegħi se twassalni biex nittradik?”  Anki Ġuda jsaqsi.  Ġesu’ jwieġbu: “Iva, int. Oqgħod attent!  Ara se x’tagħmel b’idejk?”  

Tliet snin ma’ Ġesu’ ma kinux biżżejjed biex Ġuda jaċċetta l-Ordni l-Ġdid li ġie jwaqqaf Kristu.  Baqa’ marbut mal-idejat antiki fuq Alla.  Aħna wkoll illum, għalkemm qegħdin ma’ Ġesu’ (mgħammdin, immorru l-Quddies, eċċ) irridu nsaqsu lina nfusna: “Jaqaw jien?”  Jien indur kontra Ġesu’ meta, per eżempju, xi diskors tal-Papa jew l-Arċisqof ma jdoqqlix?  Kieku llum qiegħed fuq il-mejda ma’ Ġesu’ x’iweġibni?

  1. Wara c-Ċena, Ġesu’ jmur Ġetsemani.  Ġuda u ġemgħa Lhud jiġu biex jaħtfuh.  L-Appostli  jippruvaw iżommuhom u wieħed jaqta’ widnet qaddej tal-qassis il-kbir.  Ġesu’ jikkundanna l-vjolenza.  Mhux bil-forza se nwettqu l-Ordni Ġdid tiegħu imma bil-qawwa tal-imħabba.  “Meta Ġesu’ neħħa s-sejf minn id Pietru, neħħa l-armi minn id is-suldati kollha”  (Tertulljanu).  “Aħna l-Insara ma naqbdux aktar armi b’idejna u ma nitgħallmux l-arti tal-gwerra, għax permezz ta’ Ġesu’ aħna sirna ulied il-paċi” (Oriġene).
  2. Żewġ dettalji (li nsibu biss f’Mattew):  (a) Il-ħolma tal-mara ta’ Pilatu; (b) Pilatu jaħsel idejh:  “Jien m’inix ħati ta’ dan id-demm.”  “Demmu fuqna u fuq uliedna”.  Din il-frażi ħafna nterpretawha ħażin – akkużaw il-Lhud bil-qtil ta’ Ġesu’ u ppersegwitawhom kemm felħu.  Mattew kiteb fit-tieni nofs tal-1 seklu meta l-poplu Lhudi ntlaqat minn ħafna mard u faqar imħabba r-regħba tar-Rumani.  Iz-zeloti rvellaw u spiċċaw f’għadira demm.  Mattew irid jgħallimna li dan ġara għax irrifjutaw l-Ordni l-Ġdid ta’ Kristu.  Ġesu’ beka fuq Ġerusalem għax m’aċċettatux u dan wassal għall-qerda tagħha. Dan mhux kastig t’Alla.  Dan kollu ġabuh il-Lhud fuqhom infushom għax baqgħu iħaddnu d-dinja ta’ vjolenza, mibgħeda, regħba u tpattija.  Dan hu d-demm li waqa’ fuqhom u fuq uliedhom.  Illum ukoll min jiċħad it-tagħlim ta’ Kristu jiġrilu l-istess.  In fatti dawk li riedu jsiru Nsara kellhom jiċħdu l-użu tal-forza u tal-vjolenza.
  3. Xi fenomeni li ġraw mal-mewt ta’ Ġesu’, li nsibu biss f’Mattew: dawn mhux mirakli li ġraw tassew imma immaġini li Mattew juża’ biex aħna nifhmu aħjar x’ġara tassew fuq il-Golgota.  Għajnejna jaraw l-esterjuri biss.  Imma, bi ftit riflessjoni, nistgħu naraw tifsiriet oħra moħbija wara dawn l-immaġini.  Nieħdu l-ħarsa ta’ Ġesu’ lejn Pietru wara li dan ċaħdu.  Għal oħrajn li raw dil-ħarsa ma fissret xejn, imma lil Pietru nifditlu mhux biss għajnejh imma qalbu, tant li nidem.   X’raw in-nies fuq is-salib?  Raġel li, xi wħud qalu li kien ġust, imsallab bħal kriminal.  Ir-rejalta’, imma, kienet ferm akbar minn hekk.  Kienet ġrajja li kellha tbiddel l-istorja tal-umanita’.  Kienet il-qofol tar-rivelazzjoni t’Alla.  Biex jiċċara din ir-rejalta’ għall-Lhud ta’ żmienu, u liema rejalta’ ma setgħux jarawha mod ieħor,  Mattew jinqeda b’immaġini li kienu jifhmuhom sew il-Lhud.   Il-verbi li juża’ huma fil-passiv (iċċartet, inqasam) biex Mattew jevita li jsemmi l-isem imqaddes t’Alla.  Imma Alla huwa l-awtur ta’ dawn il-fenomeni:  (a) Alla jċarrat il-purtiera li kienet tifred il-Qaddis mill-Qaddis tal-Qaddisin.  Hawn ġewwa nett, il-qassis il-kbir biss kien jidħol darba fis-sena u jroxx id-demm tal-annimali fuq blata li kienet ikkunsidrata bħala l-fundament tad-dinja.  Kienet tgħatti ħofra tal-abbissi, biex  ma joħroġx xi ilma li jerġa’ jgħarraq id-dinja.  Fil-kamra tal-Qaddis tal-Qaddisin kien hemm il-preżenza t’Alla.  Il-purtiera li kienet tifred lil Alla mill-bniedem issa kellha tiċċarrat.  Aħna issa nistgħu naraw wiċċ Alla f’wiċċ Kristu, għax nistgħu nersqu qrib tiegħu.  Ma rridux inħallu purtieri oħra jaħbulna l’wiċċ t’Alla – purtieri bħal idejat antiki fuq Alla – kattiv, li jħobb it-tajbin biss u jippremjahom, u jobgħod u jikkastiga l-ħżiena.  Kristu fuq is-salib wera li Alla huwa biss imħabba. (b) “L-art theżhżet”.  Dan mhux terrimot tal-art imma l-waqa’ tad-dinja l-antika u l-bidu tal-Ordni l-Ġdid. It-terrimot seħħ fl-imħuħ tal-bnedmin.  Dan it-theżhżiż se naqraw fuqu fl-Irxoxt, għax fejn jidħol Alla xejn ma jibqa’ l-istess.  Min jaċċetta ‘l Alla f’qalbu jesperjenza din it-taqliba ta’ taħt fuq f’ħajtu.  (ċ) “Il-blat inqasam.”  F’Eżekjel insibu li min għandu qalb tal-ġebel u jikkonverti, tinbidillu f’qalb tal-laħam, i.e. waħda li tħobb.  Dan il-ġebel li nqasam. (d) “L-oqbra jinfetħu… u dehru lil bosta.”  Din profezija oħra ta’ Ezekjel li seħħet illum.  Ma jfissirx li l-mejtin qamu u dehru lin-nies, imma li Ġesu’ niżel ħdejhom (fi ħdan Abraham?) biex bil-qawwa Divina tiegħu iqajjimhom għall-ħajja eterna, ħajja li l-ebda mewt ma tista’ tmissha qatt aktar.
  4. Il-mewt ta’ Ġuda nsibuha biss f’Mattew.  Propjament Ġuda ma ttradiex lil Ġesu’ imma “tahulhom f’idejhom”. Moħħu kien biex jikkonsenjah lill-awtoritajiet reliġjużi. Għalkemm għex tliet snin ma’ Ġesu’, Ġuda baqa’ marbut mal-idea antika ta’ “Messija”.  Ġesu’, bl-idejat rivoluzzjonarji tiegħu, ma ffittjax bħala l-Messija mistenni. Anzi kien hemm periklu li jheżhżeż il-pedament tat-tagħlim Lhudi.  Imma Ġuda qatt m’għaddielu minn rasu li l-qassisin il-kbar se jużawh biex iressqu ‘l Ġesu’ quddiem Pilatu biex tinqatagħlu għall-mewt.  Meta Ġuda nduna li tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni, sogħob bih u pprova jara x’seta’ jirranġa.  Żgur li dal-mument ħassu waħdu.  Mar jiżvoga u jistqarr għemilu għand il-qassisin il-kbar.  Huma wiġbuh: “Dik mhix affari tagħna.”  Mar għand il-konfessuri żbaljati.  Kieku rrikorra għand Ġesu’, żgur li kien jispiċċa mod ieħor.  Ġuda ma fdahx lil Ġesu’, kemm qabel il-ġuri tiegħu u kemm wara.  Mar jafda fl-għedewwa ta’ Ġesu’.
  5. Is-suldati għassa mal-qabar:  Ġesu’ ġie jwaqqaf Ordni Ġdid ibbażat fuq l-imħabba, il-maħfra, l-għotja, anki tal-ħajja, għal ħaddieħor.  Id-dinjiet antiki, ibbażati fuq il-forza, il-mibegħda, ir-regħba, il-vjolenza, eċċ se jirreżistu bil-qawwa dan l-Ordni Ġdid għax se jġibilhom terrimot.  Erodi l-Kbir xamm mill-ewwel x’se ssarraf it-tarbija ta’ Betlehem, u għamel ħiltu kollha biex jeqridha.  Fis-silta tal-lum għandna l-awtoritajiet ċivili u reliġjużi li qablu biex jidfnu dil-persuna perikoluża.  Xorta ma kellhomx rashom mistrieħa. Riedu jagħmlu żgur li dak il-qabar jibqa’ magħluq darba għal dejjem.  Għalhekk l-għassiesa mal-qabar: dawn jirrappreżentaw lin-nies tal-poter li, wara li jkantaw vittorja, mingħalihom li jistgħu iħallu midfun lil Sid il-Ħajja.  Dawn in-nies tal-poter ma jirrejalizzawx li mhux qed jitħabtu ma’ forza umana imma ma’ Qawwa Divina, il-qawwa tal-Imħabba.  Din se tisplodi nhar il-Ħadd li ġej, u l-għassiesa tad-dinja antika jkollhom jaħarbu.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini      

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading